L-imħabba ta’ Alla tiġi qabel il-liġi u tagħtiha sens


3. Katekeżi dwar il-Kmandamenti mill-Papa Franġisku. 27 ta’ Ġunju 2018.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum, din l-udjenza se tiżvolġi bħall-Erbgħa li għaddew. Fl-Awla Pawlu VI hemm ħafna morda u biex nevitawlhom is-sħana, ħa jkunu iżjed komdi, qagħdu hemm. Imma se jsegwu l-udjenza minn fuq l-iskrin il-kbir, u aħna magħhom, jiġifieri ma hemmx żewġ udjenzi. Waħda biss. Insellmu lill-morda tal-Awla Pawlu VI. U se nkomplu nitkellmu fuq il-Kmandamenti li, kif għidna, iżjed milli kmandamenti huma l-kelmiet ta’ Alla lill-poplu tiegħu biex jimxi tajjeb; kliem kollu mħabba ta’ Missier.

L-għaxar Kelmiet jibdew hekk: “Jiena hu l-Mulej, Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art tal-Eġittu, minn dar il-jasar” (Eż 20:2). Dan il-ftuħ jaf jidher barrani għal-liġijiet veri u proprji li jiġu wara. Imma mhuwiex hekk.

Għaliex din il-proklamazzjoni li Alla jagħmel tiegħu nnifsu u tal-ħelsien? Għax huma waslu l-Muntanja Sinaj wara li qasmu l-Baħar l-Aħmar: Alla ta’ Iżrael l-ewwel ma jagħmel isalva, imbagħad jitlob il-fiduċja tal-poplu.[1] Jew aħjar: id-Dekalogu jibda bil-ġenerożità ta’ Alla. Alla qatt ma jitlob mingħajr ma jagħti hu l-ewwel. Qatt. L-ewwel isalva, l-ewwel jagħti, imbagħad jitlob. Hekk hu dan il-Missier tagħna, Alla twajjeb.

U hawn nifhmu l-importanza tal-ewwel dikjarazzjoni: “Jiena hu l-Mulej, Alla tiegħek”. Hemm possessiv, hemm relazzjoni, huwa tagħna. Alla mhuwiex xi barrani: hu Alla tiegħek.[2] Dan idawwal id-Dekalogu kollu u jikxef ukoll is-sigriet tal-imġiba Nisranija, għax dan hu l-istess atteġġjament ta’ Ġesù li jgħid: “Kif il-Missier ħabb lili, hekk jien inħobb lilkom” (Ġw 15:9). Kristu hu l-maħbub tal-Missier, u b’dik l-imħabba jħobbna. Hu ma jitlaqx minnu nnifsu imma mill-Missier. Spiss l-opri tagħna jfallu għax nitilqu minna nfusna u mhux mill-gratitudni. U min jitlaq minnu nnifsu, fejn jasal? Jasal fih innifsu! Mhux kapaċi jimxi fit-triq, dejjem idur fuqu nnifsu. Hu proprju dak l-atteġġjament egoistiku li, biċ-ċajt, in-nies tgħid dwaru: “Dik il-persuna hi jien, jien ma’ jien, u għall-jien”. Jibda minnu nnifsu u jerġa’ lura fih innifsu.

Il-ħajja Nisranija hi qabelxejn it-tweġiba grata lil Missier ġeneruż. L-Insara li jsegwu biss id-“doveri” jilmentaw li m’għandhomx esperjenza personali ta’ dak Alla li hu “tagħna”. Jien irrid nagħmel hekk, hekk, u hekk… Dmirijiet biss. Imma jonqsok xi ħaġa! X’inhi l-bażi ta’ dan id-dmir? Il-bażi ta’ dan id-dmir hi l-imħabba ta’ Alla l-Missier, li l-ewwel jagħti, imbagħad jikkmanda. Jekk inpoġġu l-liġi qabel ir-relazzjoni, dan ma jgħinniex fil-mixja tal-fidi. Kif jista’ żagħżugħ jixxennaq li jkun Nisrani, jekk nibdewlu bl-obbligi, l-impenji, il-koerenzi, u mhux bil-ħelsien? Għax li tkun Nisrani hi mixja ta’ ħelsien! Il-Kmandamenti jeħilsuk mill-egoiżmu tiegħek, u jeħilsuk għax hemm l-imħabba ta’ Alla li tmexxik. Il-formazzjoni Nisranija mhix mibnija fuq il-qawwa tar-rieda, imma fuq kemm nilqgħu s-salvazzjoni, kemm inħallu lil min iħobbna: l-ewwel il-Baħar l-Aħmar, imbagħad il-Muntanja Sinaj. L-ewwel is-salvazzjoni: Alla jsalva lill-poplu tiegħu fil-Baħar l-Aħmar; imbagħad fuq is-Sinaj jgħidlu x’għandu jagħmel. Imma dak il-poplu jaf li dawn il-ħwejjeġ jagħmilhom għax ġie salvat minn Missier li jħobbu.

Il-gratitudni hi aspett karatteristiku tal-qalb miżjura mill-Ispirtu s-Santu; biex nobdu lil Alla rridu qabelxejn niftakru fil-ġid li hu għamel magħna. Jgħid San Bażilju: “Min ma jinsiex dan il-ġid kollu, jixmi lejn il-virtù t-tajba u lejn kull għemil ta’ ġustizzja” (Regoli qosra, 56). Fejn sa jwassalna dan kollu? Biex nagħmlu taħriġ tal-memorja tagħna:[3] kemm ħwejjeġ sbieħ għamel Alla għal kull wieħed u waħda minna! Kemm hu ġeneruż Missierna tas-Sema! Issa jien irrid nipproponilkom taħriġ ċkejken, fis-skiet, kull wieħed iwieġeb fil-qalb tiegħu. Kemm ħwejjeġ sbieħ għamel Alla għalija? Din hi l-mistoqsija. Kulħadd iwieġeb fis-skiet. Kemm ħwejjeġ kbar għamel Alla għalija? U dan hu l-ħelsien li jagħtina Alla. Alla jwettaq tant ħwejjeġ sbieħ u jeħlisna.

U safrattant hemm min jista’ jħossu li għadu m’għamilx esperjenza vera tal-ħelsien ta’ Alla. Dan jista’ jiġri. Jista’ jiġri li wieħed iħares fih innifsu u jsib biss sens ta’ dmir, spiritwalità tal-qaddejja u mhux ta’ wlied. Jekk jiġri hekk, x’għandna nagħmlu? Nagħmlu kif għamel il-poplu l-magħżul. Jgħid il-ktieb tal-Eżodu: “Ulied Iżrael bdew jitniehdu taħt il-jasar u jgħajtu. L-għajat tagħhom mill-jasar wasal sa għand Alla. U Alla sama’ l-krib tagħhom u ftakar fil-patt tiegħu ma’ Abraham, ma’ Iżakk u ma’ Ġakobb. Alla xeħet ħarstu fuq ulied Iżrael u ra f’liema stat kienu” (Eż 2:23-25). Alla jaħseb fija.

L-azzjoni ħelliesa ta’ Alla li nsibu fil-ftuħ tad-Dekalogu – jiġifieri tal-Kmandamenti – hi t-tweġiba għal dan it-tnehid. Mhux aħna li ħa nsalvaw waħidna, imma minna tista’ toħroġ tnehida għall-għajnuna: “Mulej, salvani, Mulej, għallimni t-triq, Mulej, mellisni, Mulej, agħtini ftit tal-ferħ”. Din hi karba għall-għajnuna. Din minna trid tiġi: nitolbu li niġu meħlusa mill-egoiżmu, mid-dnub, mill-ktajjen tal-jasar. Din it-tnehida hi importanti, hi talba, hi għarfien ta’ dak li għadu mgħakkes u mhux meħlus fina. Hemm tant ħwejjeġ fir-ruħ tagħna li għadhom ma kisbux il-ħelsien. “Salvani, għinni, eħlisni”. Din hi talba sabiħa lill-Mulej. Alla jistenna dik il-karba, għax jista’ u jrid ikisser il-ktajjen tagħna; Alla ma sejħilniex għall-ħajja biex nibqgħu fil-jasar, imma biex ninħelsu u ngħixu fil-gratitudni, nobdu bil-ferħ lil Dak li tant tana, bil-wisq iżjed milli qatt nistgħu rroddulu lura. Kemm hi sabiħa din! Ħa jkun imbierek dejjem Alla għal dak kollu li għamel, jagħmel u għad jagħmel fina!

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.