Minn Fr Mario Attard OFM Cap

It-tifla li għallmittni tagħlima kbira


It-tfal tabilħaqq huma għalliema kbar. Taħseb li ma jgħallmukx. Imma, fl-innoċenza tagħhom, jgħaddulek tagħlimiet tassew kbar. Tagħlimiet li jibqgħu miegħek tul ħajtek kollha. Biex jakkumpanjawk. U, wara li jieħdu ż-żmien tagħhom, jibdluk! L-għaliex, fihom infushom, m’għandhomx ħażen. Għalhekk dak li jgħaddulek hu, tabilħaqq, ġenwin!

Hekk ġrali jien. Jum minnhom. Meta, u għall-grazzja tal-Mulej, kont mistieden li nqaddes quddiesa ta’ tieġ. Aktar mal-Mulej qed itini grazzja li nippersevera fis-sejħa tiegħi ta’ Patri aktar iva qed jgħallimni nsir inħobbhom ħafna t-tiġijiet. L-għaliex, fihom infushom, huma mumenti sbieħ tassew. Huma, qabel kollox, mumenti ta’ tama. Li anki illum, minkejja l-isfidi li għandna quddiemna bħala soċjetà u Knisja, xorta waħda għad hawn min, b’kuraġġ, jidħol għall-ħajja taż-żwieġ. Xi grazzja hux! U x’eroj sieket hu dak ir-raġel! U x’qalbiena siekta, imma qatt muta, hi dik il-mara li tidħol għas-sagrament taż-żwieġ!

Mela, waqt il-quddiesa, eżattament ftit qabel it-tqarbin, assistejt għal xena li se nibqa’ inġorrha f’qalbi ħajti kollha. Tifla żgħira, f’din il-quddiesa tat-tieġ, infeqgħet f’bikja li ma ngħidilkomx! Miskina! Tifla żgħira hi! Imma kemm iggustajtha! U anki iggustajt lilu! Nannuha. Mela x’għamlet meta nfexxet tibki bħal tarbija din it-tifla? Marret tfittex lilu. Lin-nannu! U marret tfittxu biex iwennisha. U, meta n-nannu, ta’ qalb kbira li għandu, fetħilha dirgħajh ħa jilqagħha ta’ missier li hu, hi, pronta pronta, nxteħtet fuqu. U, f’dirgħajh, aqta’ kemm bkiet! Min jaf l-għaliex bkiet daqshekk hux? Imma taf li lanqas m’hu daqshekk importanti li nkun naf l-għaliex bkiet. Bkiet għalxiex bkiet, hi biss taf. Imma bkiet. L-importanti hu li ħarġet dak li kien hemm maħżun fl-istonku tagħha.

Interessanti li meta ntefgħet f’dirgħajn nannuha aqta’ kemm strieħet hemmhekk. U, ħelu ħelu, il-bikja kbira li kellha fuqha nienet tant li waqfet għal kollox. U t-tifla, meta ħasset dik l-imħabba kbira ta’ missier li n-nannu l-Mulej żejnu biha, ikkwitat daqs ħarufa! Eh ħbieb! X’kapaċi tagħmel l-imħabba ta’ missier! Kemm tikkwieta! Kemm tassigura! Kemm tagħti paċi! Kemm tferraħ!

Issa din ix-xena lili qabbżittli d-dmugħ. L-għaliex, minflok dik it-tifla, rajt lili stess! Li, min jaf kemm drabi, ninfaqa’ nibki ukoll! L-għaliex il-ħajja tbikkik ħbieb! U illum, wara ħamsa u għoxrin sena ngħix fil-kunvent, għall-grazzja ta’ Alla, il-Mulej, bil-mod il-mod, qed jgħinni nifhem ħafna aktar lil ħaddieħor. Il-ħajja tbikkina! L-għaliex tispiċċa tlaqqagħna ma’ nies li, minflok ifarrġuna, aktar ibikkuna. Dan biżżejjed tkun qist lil xi ħadd b’raġel, jew b’mara. U mbagħad, dak is-suppost ħabib u ħabiba, għid li hu jagħmilhielek. U hi tagħmilhielek!

Imma, qarsa kemm huma qarsa, dawn il-mumenti ta’ wġigħ kbir, huma anki mumenti ta’ grazzja ħafna u ħafna akbar! Għandna Missier ħbieb! Dak il-Missier li, lilek u lili, aqta’ kemm jieħu gost li aħna mmorru għandu! U nintefgħu f’dirgħajH! Iva! Dan il-Missier iħobb jgħannaq u jbus! U ħa ngħidlek, it-tgħanniqa tiegħu hija senza interessi tafx! Dan il-Missier jagħtina jrid u mhux joħdilna! Oh kemm jieħu gost jgħannaqna u jħobbna! Kemm jieħu gost jimliena bil-faraġ etern li hemm fih! U dik ħlewwietU la ġġibilna dijabete u lanqas ma ġġagħlna npoġġu kull xorta ta’ tikħil ma’ wiċċna! Għax ħlewwietU tiġi minn qalbU! U tidħol, dritta dritta, ġo qalbna! U aqta’ kemm tagħmilna sbieħ kull darba li nintefgħu fi ħdanU ħa nisimgħu t-taħbita ta’ qalbU li tmexxi t-taħbita ta’ qalbna!

Dan il-Missier tant kemm hu ħelu li, bi ħlewwietU, jikkonvinċina! Mhux xi Missier li jitkerraħ imma jitbissem jaf! U t-tbissima tiegħu tidħol f’qalbna u tibdilha għal kollox!
Oh il-Missier tagħna tas-sema! Kemm hu sabiĦ! U mhux għalhekk li Ġesù kien iqatta’ l-iljieli miegħU fuq il-muntanja! U kemm kien jieħu gost Ġesù jħalliĦ jieħdu f’dirgħajH u jħaddnu ma’ qalbU!

Mela, kuljum, sib post għall-kwiet, u itlob bil-mod din it-talba lill-Missier. U, waqt li qed titlobha, ħallieH jgħannqek f’dirgħajH ma qalbU!

Missier, f’idejk nintelaq jiena. Agħmel minni dak li jogħġbok. Niżżikħajr għal dak kollu li tagħmel bija: jien lest għal kollox, nilqa’ kollox. Agħmel biss li r-rieda tiegħek isseħħ fiha, u fil-ħlejjaq kollha tiegħek. Ma nixtieq xejn aktar, Mulej. F’idejk jien nitlaq ruħi; nagħtihielek bl-imħabba kollha ta’ qalbi, għax jien inħobbok, Mulej, u għalhekk inħoss il-ħtieġa li nagħti lili nnifsi lilek, li nintelaq f’idejk għal kollox u b’kunfidenza bla tarf, għax int … MISSIERI.

Tgħannaq miegħU hekk kuljum b’din it-talba. Ħallieh jgħannqek. Tibżax! Jikkalmak bħal ikkalma n-nannu lil dik it-tifla. U jfehmek kollox. Ta’ MISSIEREK li Hu!

2 thoughts on “It-tifla li għallmittni tagħlima kbira

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s