Minn Fr Mario Attard OFM Cap

Dik l-imbierka … tama!


Xi ġimgħat ilu, persuna, fuq il-whatz up, bgħattitli dan il-messaġġ sabiħ fi clip li hemm idur fuq YOU TUBE. Din hija l-istorja tal-erba’ xemgħat. Moqrija, b’majestrija mill-aqwa, mill-magħruf Fabrizio Frizzi. Li ħalliena dan l-aħħar f’qasir il-għomor!

Ġewwa kamra kien hemm erba’ xemgħat. Dawn kienu qiegħdin jinħarqu u jikkunsmaw. Bil-mod il-mod.

Il-post kien daqshekk sieket li wieħed seta,’ saħansitra, jisma’ il-konverżazzjoni tagħhom għaddejja. L-ewwel xemgħa qalet: Jiena l-paċi. Imma l-bnedmin ma jirnexxielhomx iżommuni. Naħseb li ma jibqagħli xejn aktar għajr li nintefa’. U, bin-naqra n-naqra, ix-xemgħa ħalliet lilha nnifisha tiġi mitfija.

It-tieni xemgħa qalet: Jiena l-fidi. Madankollu ma nservi għal xejn. Il-bnedmin ma jridux jafu bija. U, għal dan il-għan, m’hemmx sens li nibqa’ mixgħula. Wara li waqfet titħaddet żiffa ħelwa għaddiet minn fuqha u tfietha.

Imdejqa, imdejqa, it-tielet xemgħa, minn naħa tagħha, qalet: Jiena l-imħabba. U m’għandix il-qawwa li nibqa’ mixgħula. Il-bnedmin ma jagħtux kasi. U ma jifhmux l-importanza tiegħi. U, waqt li ma stennietx aktar, ix-xemgħa ħalliet lilha nnifisha tiġi mitfija.

F’dak il-mument tifel daħal fil-kamra. Ra t-tlett xemgħat mitfija, u mbeżża’ mid-dlam tal-kamra, qal: Imma x’intom tagħmlu? Intom tridu tibqgħu tkunu mixgħula. Jiena għandi biża’ mid-dlam. U, meta qal hekk, beda jikbi bħal tarbija.

Allura, ir-raba’ xemgħa, kommossa, qalet: Tibżax! Tibkix! L-għaliex sakemm nibqa’ mixgħula jien nistgħu dejjem nixgħelu t-tliet xemgħat l-oħra. Jiena t-tama.

U, b’għajnejh ileqqu u minfuħa bid-dmugħ, it-tifel ħa x-xemgħa tat-tama u reġa’ xegħel biha ix-xemgħat l-oħra. Issa xi tfisser din l-istorja ħbieb?

Tfisser li t-tama f’qalbna qatt ma tintefa’. U li kull wieħed u waħda minna jista’ u tista’ tkun l-istrument, bħal dak it-tifel, li jista’ jqabbad u tqabbad madwaru u madwarha, bin-nar tat-tama tiegħu u tagħha, il-fidi, il-paċi u l-imħabba.

Għax x’inhi t-tama jekk mhux li ma nħallix fija jitwieldu u jikbru ħsibijiet mudlama u ta’ qrusa? X’inhi t-tama jekk mhux li nafda fil-Mulej, permezz tal-Ispirtu s-Santu, u nħallih imexxini lejn it-tajjeb? Lejn it-tgħanniqa ta’ Kristu? X’inhi t-tama jekk mhux li nifhem li fil-ħajja ma jien qatt waħdi? Għax miegħi hemm nies oħra li jibnu pontijiet, li ħolmu u emmnu anki meta semgħu kliem iebes jintqal madwarhom? X’inhi t-tama meta nemmen li l-Mulej ma jiddiżappuntani qatt? Għax irid lili u lilek, li hu ħawwel, nikbru u nwarrdu?

X’inhi t-tama jekk mhux it-twemmin veru li int, fejn tkun qiegħed u qiegħdha, tista’ tibni? X’inhi t-tama jekk mhux, wara li tkun waqajt, terġa’ tqum u tħalli nies oħrajn jgħinuk tqum fuq saqajk? X’inhi t-tama jekk mhux, waqt li tkun inkullat u inkullata mas-siġġu tagħmel il-qalb, tqum u timxi? X’inhi t-tama jekk mhux meta ma jkollok aptit tagħmel xejn teqred din l-apatija bl-għemejjel tajba għall-proxxmu tiegħek?

X’inhi t-tama jekk mhux meta tħossok vojt u vojta u qalbek maqtugħa titlob lill-Ispirtu s-Santu biex jimla’ l-vojt ta’ ġo fik? X’inhi t-tama jekk mhux dik li timmotivak ħa taħdem għall-paċi qalb in-nies? X’inhi t-tama jekk mhux meta tiddeċiedi li ma tismax lil min ixerred il-mibegħda u l-firda? X’inhi t-tama jekk mhux meta iddaħħal f’moħħok u f’qalbek li l-bnedmin inħalqu biex jgħixu flimkien? Għalhekk, f’argumenti, b’għaqal, tibqa’ tistenna l-għaliex kulħadd għandu tarf tal-verità? X’inhi t-tama jekk mhux li tħobb lin-nies u li tirrispetta l-vjaġġ li jagħmel kull persuna? Wara kollox mhux kull persuna għandha storja? X’inhi t-tama jekk mhux li kull tarbija li titwieled hija l-wegħda ta’ ħajja li, għal darb’oħra, turi li hija aktar b’saħħitha mill-mewt? U li għalhekk din il-ħajja għandha tibqa’ titħares anki qabel tiġi mwielda, f’kull stadju tagħha? Sat-tmiem naturali tagħha?

X’inhi t-tama jekk mhux dak id-dawl li jiddi fid-dlam, li niddefenduh u nipproteġuh? U mhux dan id-dawl li jagħmel lil ħajti u ħajtek speċjali? X’inhi t-tama jekk mhux ix-xogħol ta’ persuni li rebħu l-jasar jew li għamlu ħajja aħjar għall-persuni l-oħra tad-dinja? X’inhi t-tama jekk mhux meta taħdem kontra kull inġustizzja li ssir kontra l-fqar? L-għaliex kull inġustizzja lejhom hija ġerħa miftuħa? X’inhi t-tama jekk mhux meta titlob kuljum lill-Mulej biex ifakkrek li Ġesù rebaħ il-biża’? U anki l-aktar għadu ħajjen kontrina ma jista jagħmel xejn kontra din il-fidi?

X’inhi t-tama jekk mhux, minkejja l-ħażen li hawn, Ġesù jgħix fik? U bik, jekk tafdah, jeqred iva d-dnub, il-mibegħda, il-kriminalità u l-vjolenza? X’inhi t-tama jekk mhux, filwaqt li tgħid il-verità tkun umli u tibqa’ maqgħud ma’ ħutek il-bnedmin? X’inhi t-tama jekk mhux li iżżomm l-idejali tiegħek u tgħix għal xi ħaġa ħafna akbar minnhekk? Anki jekk ikollok tħallas prezz għoli minħabba fiha? X’inhi t-tama jekk mhux li ma tħallix li l-iżbalji ma jsirux għalik ħabs? U Ġesù mhux għall-morda ġie? Għaliex mela ma tibdiex mill-ġdid meta taqa’? Il-Mulej mhux ħabibek? Xi trid aktar?

X’inhi t-tama jekk mhux li tibqa’ temmen f’dawk in-nies li għadhom jaħdmu għas-sewwa? Mhux fl-umiltà tagħhom qiegħda iż-żerriegħa ta’ dinja ġdida? X’inhi t-tama jekk mhux li tqatta’ ħin ma’ nies li għandhom qalbhom ta’ tifel? X’inhi t-tama jekk mhux li titgħallem mill-meravilji tan-natura? X’inhi t-tama jekk mhux li temmen, tgħix, u, bil-għajnuna tal-grazzja tal-Mulej, qatt ma tiddispra?

It-tama! X’hemm isbaħ u aqwa mit-tama?

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s