Jibqagħli / tibqagħli fil-bieb!


Inħabbat il-bieb! Jiftaħli! U tiftaħli! Forsi mhux mill-ewwel lanqas. Imma, u għall-grazzja t’Alla, fetaħ! Fetħet! Imma ħej, hemm … l-imma. L-imma li tibqa’ mkaħħla fil-bieb. Hemm! Ma jiċċaqlaqx! Qisu statwa! U jien, meta nara hekk, emmnuni li ma nafx kif nibda’ nħossni!

Kerha hux meta xi ħadd jibqagħlek fil-bieb. L-għaliex, bil-lingwaġġ bla lingwaġġ tiegħu, u tagħha, ikun qed jgħidlek, u tgħidli: “Ma tistax tidħol! Mintix milqugħ! Mintix milqugħa!” Ajma! X’daqqa dik!

Issa din ħbieb qisu bħal meta immur nħabbat lil xi ħadd. Inħabbattlu. Inħabbtilha. Imma ma jiftaħx! U, jekk tkun tħobb issakkar, inkella titfa’ l-istanga wara l-bieb, li ma jmorrux jġorruha ħajja jew jagħtuha xi qatgħa kbira, hemm ġew ħa tibqagħlek! U, insieha li, xi darba, se tiftaħlek!

Meta xi ħadd jibqa’ fil-bieb, jaf jew ma jafx, ikun qed jimbarra l-aktar ħaġa importanti li int u jien għandna fina. U li minnha u għaliha int u jien ġejna maħluqa: l-imħabba! Il-qalb ġiet maħluqa biex tirċievi ħa tippompja. Jiġifieri biex tirċievi u tippompja l-ħajja permezz tad-demm. Mela eżatt kif jgħidilna l-ktieb tal-Levitiku:Għaliex il-ħajja tal-laħam hi fid-demm li hemm fih (Lev 17:14). Min jibqa’ fil-bieb, għal diversi raġunjiet, ma jkunx le jrid jirċievi l-imħabba ta’ min ikun ħabbattlu. Ir-raġunijiet jistgħu jkunu diversi. U elaborati kemm tridhom. Inkella xotti daqs il-frawli. Imma, u mit-twila sal-qasira, dak li jkun ma jkunx qed jinfetaħ għall-imħabba. L-għaliex ikun irid jibqa’ magħluq fid-dinja tiegħu.

Kiefra li hawn min joqgħod fil-bieb biex ma jħallix lil min iħabbatlu jidħol ġewwa. L-għaliex, mingħajr ma jkun qed jinduna, dak li jkun donnu jkun dara jgħix fid-dlam. Jew fil-viżjoni qarrieqa tal-ħajja. Bħalissa tiġini quddiem għajnejja l-parabbola tal-għar li juża’ il-filosfu kbir Grieg u ta’ kull żmien, Platun. Immaġina grupp ta’ ilsiera li qattgħu ħajjithom jgħixu bil-ktajjen, marbuta mal-ħajt ta’ għar. Quddiem għajnejhom dawn in-nies qiegħdin jaraw dellijiet li huma ipproġettati fuq il-ħajt ta’ quddiemhom. U dan iseħħ l-għaliex warajhom hemm in-nar jaqbad u li minn quddiemu għaddejjin ħafna affarijiet. In-nies marbuta bil-ktajjen mal-ħajt qiegħdin jagħtu l-ismijiet tad-dellijiet tal-ħwejjeġ li qiegħdin jaraw fuq il-ħajt. Dawn id-dellijiet m’humiex ir-rejaltà. Fuq fomm Sokrate Platun jgħallimna li l-filosfu huwa dak li, bħall-ilsir, jinħeles mill-għar u, fir-riflessjoni tiegħu, jasal għall-konklużjoni li d-dellijiet fuq il-ħajt m’humiex ir-rejaltà. Dan l-għaliex jibda’ jagħraf il-forma veru tar-rejaltà. Platun jgħid li l-effett tal-edukazzjoni (παιδεία) jwassalna biex ninħelsu mid-dellijiet. Li m’humiex ir-rejaltà.

Imma x’inhuma d-dellijiet? Dell tqil u ikrah hu, ċertament, il-biża’. Tgħid kerha l-biża’? Jekk taqta! Il-biża’ hija frosta li ssawwat bla ħniena lil min ifissidha. Il-biża’ iġġib diżugwaljanza. Fid-diskors li għamel Papa Franġisku qal li l-biża’ tiġġenera aktar vjolenza fi spirali dejjem nieżla u li donnha ma tintemm qatt. Kemm uġigħ u kemm biża’!

Il-biża’ hi forma qawwija ta’ uġigħ! U, biex tgħaxxaqha, jissokta l-Papa, il-biża’ tkun mgħalfa, manipulata… Il-biża’ jdgħajjifna, jiddestabiliżżana, jeqred id-difiżi psikoloġiċi u spiritwali tagħna, jilluppjana quddiem it-tbatijiet tal-oħrajn u fl-aħħar jagħmilna wkoll krudili. Imbagħad, aktar ‘il quddiem fid-diskors tiegħu, il-Papa Franġisku jagħmel din l-emfażi qawwija:

Il-ħitan kollha jaqgħu. Kollha. Ma ningannawx ruħna. Kif għidtu intkom: «Inkomplu naħdmu biex nibnu l-pontijiet bejn il-popli, pontijiet li jkissru l-ħitan tal-esklużjoni u tal-isfruttament» (Dokument aħħari tat-tieni laqgħa dinjija tal-movimenti popolari, 11 ta’ Lulju, 2015, Santa Cruz de la Sierra, Bolivja). Naffrontaw it-terrur bl-imħabba.

Mela jien, li ma nafda lil ħadd, li nibqa’ fil-bieb, biex ħadd ma jgħaddi, ħa niftakar: il-ħitan jaqgħu! U jaqgħu kollha! Wieħed wieħed! Ejja nieqaf ninganna lili nnifsi! Ejja, għal darba, nħares lejn ir-rejaltà u nsejħilha rejaltà! U mhux inħallat ir-rejaltà u nqisha b’dell! Il-ħitan jaqgħu! L-imħabba dejjem għandha l-aħħar kelma! L-għaliex, ir-rejaltà, anki jekk mgħawġa ganċ bil-ħażen, xorta waħda tiddritta. L-għaliex, fiha nnifisha, u magħluqa kemm hi magħluqa, ħarġet mit-Tajjeb li ħalaqha! U mhux għalhekk aħna ngħidu li ż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma? L-għaliex iż-żejt mhux postu fil-qiegħ! Fejn ma jidhirx! U, bħall-ballun mimli bl-arja li wieħed, b’saħħa, ikun irid jidfnu f’qiegħ ‘il baħar, u aktar ma jkun irid jidfnu aktar jispara jiġri ‘l fuq, l-istess jiġri lir-rejaltà ta’ ħajjitna. Hija hi li ħa tirbaħ! Il-gideb li jġib miegħu l-biża għad jintemm.

Għax, wara kollox, x’inhu n-naturali? Li wieħed jingħalaq jew li jinfetaħ? Fejn, fir-rejaltà, qed isir l-aktar l-isforz? Fil-ftuħ jew fl-għeluq? Mhux fl-għeluq? Mela biżżejjed tqanżaħt! Ejja nitwarrab minn dak il-bieb! Ejja nħalli dak il-bieb għal kollox ħieles! L-għaliex dak il-bieb qiegħed hemm biex jinfetaħ għal ħaddieħor. Dak il-bieb qiegħed hemm biex lili jiftaħni għall-persuni l-oħra. U qatt biex ibegħdni minnhom! Jien ġejt maħluq u maħluqa biex ikun pont ta’ għaqda u qatt bieb ta’ firda!

Ejjew fil-ħajja ma noqgħodu fil-passaġġ ta’ ħadd. Lanqas jekk inkunu nafu li dak li qegħdin ngħidu huwa s-sewwa. Il-persuna l-oħra għandu jingħatalha d-dritt kollu tagħha biex tilqa’ jew ma tilqax is-sewwa. Madankollu imma ejjew inkun qaddejja tal-verità billi nagħtu l-ispazju ħalli ħaddieħor jgħaddi. Jidħol. U jagħmel il-festa tiegħu u tagħha ma’ Dak li hu l-Bieb, Ġesù!

Għinni niftaħlek beraħ bibien qalbi Mulej! Eħlisni mill-biża’ li ġġagħlni nara r-rejaltà bħala dell u d-dell rejaltà. Għinni nħallik tagħmilni pont ta’ għaqda mal-oħrajn. Mela neħħini int mill-bieb ta’ ħajti Mulej u ħu postok hemm minfloki. Amen.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.