L-Evanġelju tat-Tnejn 2 ta’ Lulju 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 8, 18-22

Ma setatx tkun silta aħjar għalija llum, aħna u nfakkru, b’radd ta’ ħajr lil Alla u lil dawk kollha li qed permezz tagħhom biex inġarrbu mħabbtu, il-ħamsa u għoxrin anniversarju minn meta Ġesù, il-qassis il-kbir u ta’ dejjem, afdalna sehem mis-saċerdozju tiegħu, minn din miktuba minn dak li għaraf li, meta Ġesù sejjaħlu kien qiegħed iħenn għalih.

L-ewwwl pass. Naqsmu għax-xatt l-ieħor. Biex nilqa’ din it-tip ta’ ħniena għandi bżonn, nobdi l-kmand ta’ Ġesù biex miegħu naqsam il-baħar għax-xatt l-ieħor. Għalija li ma nafx ngħum, dan jista’ jkun diffiċli għax il-baħar żaqqu ratba u rasu iebsa. Faċli naqsam fil-bnazzi meta l-ilma jilma bħal mera, meta jirrifletti l-ikħal nir tas-sema, iżda meta juri l-iswed tal-qiegħ jaqtali qalbi, iktar u iktar meta l-iswed tal-qiegħ jitberfel bir-rgħawa bajda tal-mewġ li, kullma jmur, iktar jogħla. Meta d-dgħajsa togħla fuq l-imwieġ, id-daqqa li tieħu meta taqa’ minn bejn il-quċċata tal-imwieġ, taqtak minn ġewwa u timlik il-biża’ li l-qoxra li fuqha afdajt ħajtek tista’ tinqasam fi tnejn. It-tama qiegħda f’Ġesù rieqed fil-pruwa, b’rasu komda fuq imħadda. Rieqed imma fil-pruwa, u qiegħed hemm. Jekk se ngħereq jien, se jgħereq miegħi, u jekk jgħereq hu, jgħereq kulħadd.

It-tieni pass. It-tweġiba kollha entużjażmu. Tmur fejn tmur niġi warajk. Min hu f’sensih qatt ma jgħid kliem bħal dan. Xi ħaġa ttellfek ir-raġuni, xi ħaġa ġġib fix-xejn il-loġika u l-esperjenza u ma tibqax tirraġuna. Hija l-imħabba li twasslek biex tistqarr dak li bir-raġuni tas-soltu lanqas toħlom li taħseb, aħseb u ara li tgħid. Hija dik l-imħabba li, kulħadd jaħseb li bit-tweġiba li qed tagħti qed tiċċaħħad minnha u iktar kemm jgħaddi ż-żmien, iktar tinduna li t-tweġiba tfisser li tgħixha fil-milja tagħha, kuljum, kullimkien u ma’ kulħadd u iktar minn hekk, mhix imħabba li tagħżel int iżda li jgaħżillek ħaddieħor, li għalkemm nemmnu li jirrappreżenta lil Alla, mhux dejjem ikun il-kas. Iżda l-imħabba ġeneruża u providenzjali, ma tħallikx tqis u tkejjel; jew tħobb jew le, u l-entużjażmu jibqa’ dejjem u jibdel lilek u l-mod kif iġġib ruħek, jibdel il-mod kif taħsibha, il-mod if kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti.

It-tielet pass. Ġesù jurik il-martirju fit-tweġiba. Ma jgħidlekx li mintix ġenwin, iżda jurik ir-rejaltà iebsa ta’ dak li qed tgħid. M’għandix fejn immidd rasi. Mhux biss għax m’għandux post tiegħu, lanqas mikri, iżda m’għandux ħin imidd rasu. It-tweġiba tfisser ħajja mhux impjieg u biex tgħix ħajja m’hemmx waqfien għax malli tieqaf tgħix, tieqaf il-ħajja u inti tmut. Dan hu l-martirju li trid tgħix kull sekonda, kull mument kuljum għal dejjem. Mhux martirju ta’ darba u jagħmlulek festa għax tkun mitt u ħelsu minnek, iżda martirju mġebbed u mtawwal li jirrepeti ruħu ma’ kull deċiżjoni jekk tbiddilx u kif tbiddel l-espressjoni ta’ wiċċek, it-ton ta’ kliemek, l-għafsa ta’ jdejk, u l-passi żgħar biex tersaq jew titbiegħed. Dan hu l-martirju tal-imħabba ħanina li tiddakkar minnha iktar kemm jgħaddi ż-żmien, martirju li jnessik dak kollu li qabel bżajt minnu, li dejjem ħsibt li qatt ma tista’ tasal għalih. Dan iwassalna għat-tielet pass.

Il-kejl jinbidel. Anzi il-kejl jispiċċa, ma jibqax iżjed, għax l-imħabba ma tkejjilx, ma tqisx, ma tiżinx. Tagħmel dak li hemm bżonn mingħajr ma tqis il-konsegwenzi, għax il-konsegwenxi tal-imħabba dejjem tajbin. Mhux ta’ b’xejn li xi ħadd għaref qal li meta tħobb tista’ tagħmel li trid. Il-ħin, iż-żmien, il-piż, id-distanza huma nvenzjonijiet tal-bniedem biex iqassam ħajtu u l-ħajja ta’ dawk li jgħix magħhom, għax l-imħabba tiegħu hija difettuża, imtebba’, imxellfa, imċajpra; iżda dik ta’ Alla m’għandix dawn il-limitazzjonijiet, u allura m’għandux għalfejn kejl tal-ebda tip u sura. La jħobb, la hu imħabba, il-kejl huwa żejjed għax min iħobb ma jkejjilx. Għalhekk imxi warajja. Mhux miegħi jew quddiemi, iżda warajja biex kullfejn inkun jien tkun inti wkoll qatt ma tkun waħdek għax jien dejjem miegħek, kif hu darba qal, jien minix waħdi għax dejjem għamilt dak li ordnali Missieri.

Dik l-ejja warajja tfisser li jridni miegħu, minkejja d-dnubiet li writt u vvintajt, dak li jidher u dak li ma jidhirx, dak li jkisser lili u dak li jkisser lil ta’ madwari. Ejja warajja ma tfissrix kemm int tuba u ma tafx fejn trid tmur, iżda tfisser, mingħajrek ma ngħaddix, imġennen għalik.

Wara ħamsa u għoxrin sena ta’ fiduċja li Alla wera fija billi afdali sehem mis-saċerdozju ta’ Ibnu, kif nista’ ma ngħidx li l-imħabba hi ġenn perfett! U jekk Alla hu mħabba jfisser li Alla hu miġnun, miġnun divin u kemm nixtieq inkompli nikber f’dan il-ġenn ta’ mħabba.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.