Is-sigriet tal-qrar jibqa’ sigriet


Is-sigriet tal-qrar ma jinkiser qatt. Taħt l-ebda ċirkustanza. Anki f’każ ta’ abbuż sesswali, speċjalment fuq it-tfal, is-sigriet tal-qrar jibqa’ jgħodd?

Din kienet il-kontroversja f’dawn l-aħħar snin fl-Awstralja. Bil-għan li t-tfal jiġu mħarsa minn kull abbuż sesswali l-liġi qed tobbliga lis-saċerdot biex, jekk fi qrara jisma’ li persuna tkun abbużat mit-tfal, għandu jirrapporta minnufih.

Inkella jaffaċċja pieni mill-aktar ħorox, bħal multa ta’ 10,000 dollari skont l-amendament msejjaħ Children and Young People (Safety) Act, li għadda l-parlament. L-Avukat Ġenerali Federali, Christian Porter, qal hekk: “L-istinti personali tiegħi huma biex ikun hemm ħarsien u li, fl-aħħar mill-aħħar, il-bżonn li n-nies jiġu mħarsa mill-abbuż sesswali, aktar u aktar it-tfal, hija xi ħaġa li għandha tieħu preċedenza”. Il- proviżjoni dwar il-qrar se tidħol fis-seħħ mill-31 ta’ Marzu 2019.

X’kienu r-rejazzjonijiet għal din il-liġi? L-Arċisqof ta’ Canberra u Goulburn, Christopher Prowse, qal li “s-saċerdoti huma obbligati b’wegħda sagra li jżommu bla mittiefes is-sigriet tal-qrar”. L-Arċisqof Prowse qal ukoll li “mingħajr din il-wegħda, min se jersaq biex jeħles lilu nnifsu mill-piż ta’ ħtijietu?” Barra minhekk, f’artiklu li kiteb nhar is-6 ta’ Ġunju, l-Arċisqof Prowse qal li “l-gvern qed jhedded il-libertà reliġjuża billi ħatar lilu nnifsu espert fuq il-prattiċi reliġjużi u billi qed jipprova jibdel is-sagrament tal-qrar waqt li mhux qed jagħmel l-ebda titjib fis-sigurtà tat-tfal”. Issokta jgħid l-Arċisqof Prowse: “Sfortunatament, il-ksur tas-siġill tal-qrar mhux ħa jippreveni l-abbuż u mhux ħa jgħin l-isforzi kontinwi tagħna biex is-sigurtà tat-tfal tiġi mtejba fl-istituzzjonijiet Kattoliċi”.

Mons. Prowse irrimarka: “Min abbuża sesswalment x’se mur iqerr jagħmel għand is-saċerdot jekk jaf li se jiġi irrapurtat? Jekk is-siġill tal-qrar jiġi miksur il-possibbiltà li jqerr tintilef”. L-Arċisqof Prowse saħaq fuq is-sagralità tas-sigriet tal-qrar li jħares il-vulnerabilità tal-penitent innifsu. Huwa qal: “Flimkien [mal-uffiċjali tal-gvern] nistgħu nassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal u nħarsu l-integrità tas-sagramenti tagħna”.

Minn naħa tiegħu, l-Arċisqof ta’ Melbourne, Denis Hart, qal li hu kien lest li jmur il-ħabs basta ma jirrapurtax dak li jingħad lilu dwar abbużi sesswali fuq it-tfal fis-sagrament tal-qrar. Rigward dan il-fatt Mons. Hart insista li “l-qrar fil-Knisja Kattolika hu laqgħa spiritwali mal-Mulej permezz tas-saċerdot”. U għalhekk, il-qrar hu “ta’ ordni ogħla” mill-liġi kriminali. L-Arċisqof Hart ħeġġeġ biex is-sigriet tal-qrar jibqa’ jiġi ipproteġut mill-liġi.

Minn naħa tiegħu l-Isqof Greg O’Kelly, l-Amministratur tad-Djoċeżi ta’ Adelaide, qal li l-liġijiet mgħoddija mill-parlament qatt ma jistgħu jibdlu n-natura tas-sagrament tal-qrar. Hu qal: “Il-politiċi jistgħu jibdlu l-liġi imma aħna ma nistgħux nibdlu n-natura tal-qrar, li hija l-laqgħa sagra bejn il-penitent, persuna li qed tfittex il-maħfra u s-saċerdot li qed jirrappreżenta lil Kristu. Dan ma jinbidilx mill-liġi tal-politiċi”. L-Isqof O’Kelly qal li hu mportanti li l-iskejjel u l-istituzzjonijiet ikunu safe għat-tfal. Imma li s-saċerdoti jiksru s-siġill tal-qrar dak qatt.

Dawn l-istqarrijiet tal-isqfijiet jikkonfermaw it-tagħlim u d-dixxiplina tal-Knisja li dejjem għallmet li l-ksur tas-sigriet tas-sagrament tal-qrar jiskoraġixxi l-qrar tad-dnubiet u jwaqqaf lill-penitenti milli jfittxu l-maħfra u li jirranġaw ħajjithom.

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħidilna: “Minħabba d-delikatezza u l-kobor ta’ dan il-ministeru u minħabba r-rispett li għandu jkollu kull bniedem, il-Knisja trid li kull saċerdot li jqarar ikun obbligat li jżomm għal kollox mistura d-dnubiet li l-penitenti jkunu stqarrewlu, u hemm pwieni ħorox għal min jikser is-sigriet tal-qrar. Lanqas ma jista’ jagħmel użu minn dak li fil-qrar isir jaf dwar il-ħajja tal-penitenti. Dan is-sigriet, li ma jammettix eċċezzjonijiet, jissejjaħ ukoll ‘is-siġill tas-sagrament’ għax dak li l-penitent jistqarr lis-saċerdot jibqa’ ‘ssiġillat’ permezz tas-sagrament” (nru.1467). Anki fil-liġi tal-Knisja stess dan insibuh “Konfessur li b’mod dirett jikser is-siġill tal-qrar, jiġbed fuqu skomunika latae sententiae li hi riservata għas-Sede Appostolika. Min jagħmel dan b’mod indirett għandu jiġi ikkastigat skont il-gravità tal-offiża” (Kan. 1388 §1).

Il-Knisja hi parti importanti mill-prevenzjoni tal-abbuż sesswali speċjalment fuq it-tfal. Imma dan hi tagħmlu b’modi oħra. Żgur mhux billi tikser is-siġill tal-qrar. Is-siġill tal-qrar jibqa’ dejjem sigriet li ma jinkiser qatt. U taħt l-ebda ċirkustanza.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.