Ġenerali

Kollox spiċċa! Imma veru?


Niftakarha sewwa d-diskursata. L-għaliex kienet tabilħaqq interessanti. Għodu għodu. Għall-ewwel dawl tax-xemx.

Kollox spiċċa! bdiet tgħid waħda. U ngħidx! issuktat l-oħra. Mela, il-konklużjoni ovvja, skont din il-konverżazzjoni, kienet li kollox mar il-baħar. Kollox! Proprju kollox! Allura xejnmhawntajjeb.com. Personalment ma naqbilx ma’ dan il-mod fatalistiku li bih niġu ittentati li naraw il-ħajja.

Apposta ma użajtx il-kelma rejaltà tal-ħajja. L-Ispirtu ta’Alla qiegħed, kulma jmur, dejjem jgħallimni li l-esperjenza tal-ħajja hi tabilħaqq kumplessa. U, dak li naraw, jaf ikun biss xrara mir-rejaltà. Tant hu hekk li waħda minn dawn iż-żewġ persuni ikkonfermatli eżattament dan meta qaltli: Illum għandhom ħafna ma xiex iħabbtu wiċċhom!

Veru! Il-pressjonijiet tal-ħajja qiegħdin hemm. Inutli naħbuhom l-għaliex jiġu f’wiċċna. U jafu jinfaqgħu wkoll. Mela lanqas ħaqq il-kedda! Mhux hekk? Ħa naffaċċjawhom! Biss irridu ħafna għaqal meta nagħmlu dan. U l-għaqal ma jiġix biss milli sempliċiment inkunu pożittivi. Il-pożittività trid tkun dejjem. Allaħares le! Il-profeti tal-qerda qatt ma qatgħu sandar. L-għaliex, mingħajr ma kienu jaf, qatlu l-istess tama li suppost kellhom iwasslu. Madankollu ejja ma ninsewx li l-ħaġa rridu nibdewha minn rasha u qatt minn denbha. Allura x’inhi ras il-pożittività? Ħajja ta’ talb! Iva! Sewwa smajt sieħbi!

U, la għedtlek hekk, jekk jogħġobkx tisfarlix ħija, oħti! B’ħajja ta’ talb minix nifhem ngħidlek li tmur il-Knisja u tibqa’ inkullat u inkullata mal-bank. U lanqas ma jien qed nifhem li tibda’ titlob fil-kamra u minn hemm ġew ma toħroġx jekk mhux biex tiekol jew tagħmel xi faċenda fid-dar. Le! B’ħajja ta’ talb qed nifhem xi ħaġa sempliċissima. Xi ħaġa li tista’ tagħmilha. Anki meta tkun trid tistrieħ ftit. Ibda’ l-ġurnata tiegħek b’talba. Bħal, Spirtu s-Santu iċċarjġjani.

Żgur li qed iċċarrat ħalqek għal din it-talba teknoloġika. Imma sieħbi hekk hi tafx! Daqshekk sempliċi. Basta tgħidlu, b’fidi, li żgur li naf li għandek fik, din it-talba. U tara iva, bil-mod il-mod, kif kollox fil-ħajja jibda’ jieħu postu. Għax, u ejja din ngħiduha mingħajr ħafna tidwir u tqanżieħ, hemm ċerti affarijiet li qatt ma jistgħu jiġu l-ewwel post f’ħajjitna. U gwaj għalina jekk dawn npoġġuhom fl-ewwel post għax ikissruna.

Ix-xogħol irid ikun. U xogħol, għall-grazzja ta’ Alla, hawn. Imma ejja ma nħallux ix-xogħol jitla’ għal rasna. Ejjew ma nġibuhx l-ewwel valur ta’ ħajjitna. Le sieħbi! L-ewwel valur ta’ ħajti hu t-talb. Għax it-talb, minnu nnifsu, lili se jikkwitani. U se jagħtini direzzjoni f’ħajti. It-talb inħobb inxebbħu mat-tajn bejn il-ġebel jew il-bricks li bih huma mibnija d-djar u l-appartamenti tagħna. Il-ġebel u l-bricks ara kemm jieħdu spazzju. Veru? Ajma! L-aktar dawk id-djar antiki! Li għandhom kull ġebla Alla jberikha! Imma ħbieb li kieku dak il-ġebel, sabiħ kemm hu sabiħ u qawwi kemm hu qawwi, m’għandux dak it-tajn, kieku kollox għall-irdum! Kollox għat-tkissir! U, nispiċċaw, qerda waħda!

Imma le ħbieb! Dak il-ġebel għandu bżonn it-tajn ħa jgħaqqdu flimkien. Ħa jagħmlu tabilħaqq dar waħda. Sabiħa! Dar li trid seba’ għajnejn biex taraha. Aħseb u ara biex tgħix fiha! Mela hekk irridu nirraġunaw. Nibda’ jien, il-Patri, l-ewwel wieħed! Irridu nieħdu ħsieb nitolbu. Għax it-talb aqtgħu x’jibda’ jgħallimna ħbieb? Jibda’ jgħallimna li l-ħajja, minflok ma naħtfuha u nibilgħuha u mbagħad nispiċċaw b’aktar ġuħ għaliha, jibda’ jgħinna napprezzawha. Intogħmuha!
Dan anki fl-ikel (u abbli tgħidli issa waqgħa l-għażż Patri!) ukoll irridu nibdew nitgħallmu ntogħmu. L-ikel qiegħed hemm mhux biex jiġi mikul imma, u fuq kollox, biex, l-ewwel nett, jiġi apprezzat. Mela ħalliena mill-ideja salvaġġa ta’ daqqa u ġewwa! Le sieħbi! Din irridu nirranġawha! L-ikel irrid ntogħmu sewwa. Għadni qisu issa niftakar, Alla jaħfrilha, lil Susan Malvaney tgħaddi dan il-parir f’wieħed mill-programmi edukattivi tagħha t’Għalina n-nisa, li meta kont żgħir kont il-ħin kollu nisma’ meta kont għadni f’dar ommi u missieri. L-ikel togħmu sewwa! Iddiġerih! U, wara li tkun iddiġerejtu sewwa, imbagħad ibilgħu bil-mod.

Il-ħajja ħbieb irridu nitgħallmu niddiġeruha. Intogħmuha. Naqra talb mill-ewwel tgħinni nifhem li ħin l-ikel fil-familja hu ħin sagrosant. Li fuq il-mejda, waqt l-ikel, nitfu naqra l-mobiles u anki t-televiżjoni. U, jekk jien dilettant kbir tal-aħbarijiet, ħa nsib ħin ieħor fejn nieklu flimkien. Ma nistgħux le nieklu u jien moħħni x’qed jgħid il-bullettin! Tajjeb ukoll li, la issa ġie is-sajf, kull tant żmien naqbdu l-karozza u mmorru nagħmlu passiġġjata ħdejn il-baħar. U, kif inkunu hemm, ma nagħmlux ħażin u nsibu post għall-kwiet u ngħidu talba flimkien. Imbilli ngħidu ħames posti rużarju? Mhux ġid inkunu qed nagħmlu lill-familja tagħna sieħbi? Mhux din it-talba li iżżomm il-familja tagħna maqgħuda?

It-talb jgħinna ngħoddu il-barkiet. U qatt il-problemi f’ħajjitna. L-għaliex nibdew napprezzaw kollox. U l-pożittività tibda’ ġejja fuqna. U hekk, ħelu ħelu, mir-ras inkunu inżilna f’denb il-ħuta! Mela ħa ndaħħlu fostna aktar it-talb li jgħinna nkunu sensittivi għall-Mulej, għal xulxin u għalina nfusna. Li jgħinna naraw il-ħajja bħala barka biex biha l-fejqan jissokta jikber f’pajjiżna.

Hekk sieħbi mhux talli kollox ikun spiċċa talli kollox ikun beda’! Għax il-kbir, il-barka, tibda’ tinbena fostna bil-mod il-mod!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s