L-Evanġelju tal-Erbgħa 4 ta’ Lulju 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 8, 28-34

Il-possessjoni tad-demonju tfisser li d-demonju jaħkem għal kollox bniedem, jisraqlu r-rieda tiegħu u jużah biex iwassal il-vjolenza u l-aggressività frott tal-ħażen tiegħu. Hu l-essenza tal-ħażin, imma spirtu, jaħkem bniedem biex bih jimmanifesta ruħu.

Għalhekk il-bniedem makum ma jistax irażżan lilu nnifsu. Dawn it-tnejn kienu qawwija u vjolenti għall-aħħar tant li, wara li n-nies tal-post ippruvaw irażżnuhom b’diversi modi u ma rnexxilhomx, iddeċidew li jevitawhom.

Ġesù jmur f’naħa tal-baħar fejn ma kienx hemm predominanza Lhudija. X’mar jagħmel hemm ma nafux, iżda li nistgħu nikkonkludu fiż-żgur, anke minħabba dak li Ġesù kien għamel fi bnadi oħra mhux Lhud, hu li Ġesù kellu aħbar tajba għal kulħadd, Lhudi jew mhux.

Iż-żewġ irġiel imorru jilqgħuh jgħajtu, l-ewwel u qabel kollox stqarrija kbira mhux ta’ fidi iżda ta’ għarfien; aħna nafu min int, mhux nemmnu dak li int. Huma kienu jafu li hu għandu supremazija fuqhom, għax huwa bin Alla, xi ħaġa li d-dixxipli li kienu miegħu, kienu għadhom jomgħodu u jaħsbuha sewwa jekk jibilgħuhiex jew le. Il-fidi hija differenti mill-għarfien, il-fidi tafda anke jekk m’għandhiex garanzija, l-għarfien jiġi mit-tagħrif.

L-ispirti ħżiena jistaqsu lil Ġesù għala kien ġej jaħqarhom qabel iż-żmien. Dan juri li l-ħażin jaħseb biss fih innifsu; kemm kienu qed jaqħru huma liż-żewġ irġiel ma jimpurtax. Il-ħażin jilgħabha tal-vittma mingħajr ma jqis xejn il-ħsara li jagħmel u t-tbatija li jikkawża. Bie xjikseb dak li jrid, ma jqis xejn u lil ħadd.

L-ordni ta’ Ġesù ‘Morru’ turi l-awtorità divina tiegħu. Qabel ikeċċihom hu, jitolbuh huma għax jibżgħu minnu, jafu li hu mhux biss theddida għalihom, iżda theddida mwettqa. L-awtorità ta’ Ġesù tagħti raġun lir-raġunament tagħhom. Morru. Minkejja li jitolbuh biex ma jaħqarhomx, il-fatt li jħallihom imorru fil-merħla ħnieżer, fil-mentalità Lhudija li għaliha kien qed jikteb l-Evnaġelista, annimali moqżieża, (hawnhekk irridu ninsew il-mod kif naħsbuha dwar l-annimali aħna llum, u ma ninsewx likelma oħra li nużaw aħna llum għall-ħanżir hija ‘qażquż’ li għandha l-istess għerq tal-verb minsi ‘qażeż’ li minnu għandna l-verb tat-tieni forma ‘qażżeż’ u n-nom ‘qżież’), il-merħla taqbeż minn fuq l-irdum għal isfel u hekk tinqered u l-possessjoni tintemm.

In-nies tal-post meta jisimgħu b’dan, ma jilqgħux lil Ġesù. Għall-kuntrarju tan-nies tar-raħal tas-Samarija li talbu lil Ġesù biex jibqa’ magħhom wara li semgħu ix-xhieda tal-mara ħdejn il-bir ta’ Ġakob, dawn in-nies beżgħu mis-setgħa ta’ Ġesù.

Ma niskantawx. Ma nitkażawx. Aħna wkoll nitwerwru quddiem is-setgħa ta’ Alla fostna u, jekk ma nkeċċuhx, ninjorawh jew inwarrbuh. Il-ħtijiet tagħna quddiem is-setgħa ta’ Alla jikkundizzjunawna. Jista’ jkun ukoll li l-ħażen tagħna jogħġobna u jissodisfana, għalhekk il-preżenza ta’ Alla nħossuha skomda, theddida għall-mod kif ngħixu, kif inġibu ruħna bejnietna. Wara kollox għaliex inwarrbu u ninjoraw lil min jgħidilna biex inħobbu lil xulxin, anke lill-għedewwa tagħna u għamel hekk qabilna hu?

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.