Għażiż Fr Joe!


Nhar is-Sibt, it-23 ta’ Ġunju, hu jum li m’hu ħa ninsieh qatt f’ħajti! Kien il-jum fejn int, għażiż Fr Joe, ġejt maħtur, mill-għażiż tagħna Papa Franġisku, u fuq suġġeriment tal-Arċisqof tiegħek u tagħna ilkoll, Mons. Charles J. Scicluna, bħala Isqof Awżiljarju ta’ Malta.

Għal din l-aħbar jiena qbiżt bil-ferħ bħal Ġwanni l-Battista! U dan għamiltu mhux f’ġuf ommi naturali li weldittni 46 sena ilu iżda fil-ġuf tal-Knisja li hija ommi u ommok u tagħha jiena iben fost ħafna wlied. Bħalma int hekk ukoll. Fraħt ħafna għalik Fr Joe! Il-ħatra tiegħek ġabitli ferħ u tama kbira ta’ Ġesù Ragħaj f’ħajti.

Bħalma taf, int kont tgħallimni fil-Fakultà tat-Teoloġija, fil-kors tal-Liċenzjat. X’kors kien dak! Kemm ngħożżu illum. U kemm, kull kelma li ntaqlitli fih, waqt li kont qed nagħmlu, illum ngħożżha b’mitqlu deheb. Aktar u aktar meta l-Mulej tefagħni mal-morda. U allura addijo ċ-ċans li mmur Ruma u nagħmel xi speċjalizzazzjoni kif għamlu ħafna oħrajn li huma bħali u bħalek.

U f’dan il-kuntest, għażiż Fr Joe, li nixtieq nurik l-apprezzament, l-istima u l-imħabba fraterna li għandi lejk. Int għallimtni ħafna. L-ewwel nett, għallimtni bl-imġieba mimlija ħniena u meqjusa tiegħek. Kif nista’ ninsa d-disponnibbiltà kbira tiegħek għalina l-istudenti? Kemm għallimtna! Jalla dak li għallimtna daħal fina! Għax veru jagħti ħafna frott! Għadni s’issa nisma’ f’widnejja it-titlu tas-suġġett li kont tgħallimna b’tant preparazzjoni: Il-Knisja fid-dinja. Jew, ala Ingliża, Church in the World. Mhux ovvja li l-Knisja għandha tkun fid-dinja imma mhux tad-dinja? Mhux ovvja li l-Knisja għandha tkun dik li tiddjaloga? U, rigward id-djalogu, għadni niftakar s’issa l-erba’ kwalitajiet li kont għallimtna ta’ kif għandu jkun id-djalogu skont kif għallimna l-Mulej permezz tal-Papa Kbir il-Beatu Pawlu VI!

F’dawk iż-żminijiet, meta kont għadni student ma’ ħuti s-saċerdoti fit-teoloġija, fik kont nara l-Ispirtu tal-Mulej kif ħadem f’San Ġwann XXIII, fil-Beatu Pawlu VI u f’San Ġwann Pawlu II. Il-metodu umli u ċar tiegħek fakkarni wkoll fiż-żerriegħa li kien żera l-qaddej ta’ Alla Ġwanni Pawlu I u Benedittu XVI. Allura, fik, diġà kont qed nara l-pedamenti sodi biex tkun ragħaj tal-erwieħ għall-poplu kollu ta’ Alla f’dawn il-Gżejjer.

Int ġej minn wirt għani ħafna fil-Knisja. Jiġifieri il-wirt tas-saċerdozju djoċeżan. Kemm hemm qassisin ikkanonizzati fil-Knisja! X’għerf u xi qdusija kbira ħallewna warajhom! Aħna, f’Malta, l-uniku qaddis ikkanonizzat li għandna hu qassis. Bħalek. San Ġorġ Preca! U x’għallem Dun Ġorġ? Li t-tagħlim hu l-għajn ta’ kull ġid. Mela, Fr Joe, kompli għallimna l-għaliex għandna bżonn ħafna nitgħallmu. Ibda’ minna: il-qassisin u l-patrijiet! Kompli ressaqna lejn it-tagħlim!

Suġġett ieħor li kont tgħallimni, bħala student tal-Liċenzjat fit-Teoloġija, kien il-Knisja bħala familja. Jew The Church as family. Kemm nixtieq li fil-Knisja nħossuna aktar u aktar familja! U la club, u la xi aġenzija u, wisq anqas, il-klima ta’ l-ispettore Derrick. Le! Il-Knisja Ġesù waqqafha biex tkun familja! Familja li tħobb, tikkoreġi ruħha, tħenn u taħdem biex ikun hemm dejjem fiha l-fejqan ta’ Kristu. Mela, Fr Joe, fiċ-ċirkustanzi tal-Knisja f’Malta, kompli għinna ħa nkunu familja li tilqa’ lil kulħadd. Familja li tiftaħ l-għajnejn b’imħabba, b’persważjoni u b’xi ġibda tal-widnejn ukoll. Imma qatt ma tkun Knisja li tagħti xi xebgħa ċontorin lil uliedha. Huma min huma. Anki lil dawk li suppost jafu aħjar. Għax aħna kollha nibqgħu tfal għażiż Fr Joe!
U, la issa ġie d-diskors, kemm tkun ħaġa sabiħa li l-aħwa jgħammru flimkien! (Salm 133:1).

Mela kemm hu sabiħ li, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-Knisja f’Malta, aħna nuru li aħna aħwa l-għaliex il-qassisin u l-patrijiet jibdew jaħdmu aktar flimkien! Kemm se nitlob għalik biex dan iseħħ! U, għal dan, se nitlob ħafna lil San Ġwann Marija Vianney, li fil-festa tiegħu int se tkun ordnat Isqof u lil magħruf Isqof Awżiljarju qaddis, Mons. Emmanuel Galea.

Fr Joe, nagwuralek minn qalbi! Kompli kun għalina eżempju ta’ għerf, ferħ, fedeltà u umiltà. Għinna nkunu insara li meta nagħmlu kritika nagħtu s-suġġerimenti għaliha.

Berikna Eċċellenza Mons. Joe Galea Curmi!

One thought on “Għażiż Fr Joe!”

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.