Ir-Regola ta’ San Benedittu

Print Friendly, PDF & Email

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Il-Knisja tfakkar lil San Benedittu fil-11 ta’ Lulju

Il-Knisja tiċċelebra l-festa ta’ San Benedittu, patrun tal-Ewropa, fil-11 ta’ Lulju. Ikun xieraq li f’dan il-jum nirriflettu ftit fuq ir-regola u li huwa kiteb u l-messaġġ tagħha għad-dinja ta’ llum.

San Benedittu u r-regola
San Benedittu twieled f’Norcia, fl-Umbrija, għall-ħabta tas-sena 480 u studja ġewwa Ruma. Wara qabad il-ħajja ta’ eremita fl-inħawi ta’ Subiaco, fejn ġabar xi dixxipli madwaru u mbagħad mar Cassino. Hemm bena monasteru u kiteb regola li tferrxet ma’ kullimkien. Bir-raġun kollu jista’ jissejjaħ missier il-monastiċiżmu tal-punent.

san benedittuBiex nifhmu l-importanza tar-regola rridu naraw is-sitwazzjoni politika u reliġjuża ta’ żmienu. L-imperu Ruman kien riesaq lejn it-tmiem. Il-popolazzjoni tal-Italja naqset bil-kbir; il-poplu beda jiġi demoralizzat minn diversi fatturi negattivi fosthom ġuħ, pesta kif ukoll l-attakki li bdew isiru mill-barbari. Il-qagħda reliġjuża lanqas kienet sabiħa. Is-soċjetà Ruma għerqet fil-vizzjijiet morali filwaqt li ħafna mill-barbari ma kinux għadhom iħaddnu r-reliġjon nisranija.

Ta’ min isemmi li l-monakiżmu beda billi persuni jmorru eremiti u jagħtu ruħhom lil Alla. lżda huma kienu maħkuma minn spirtu eċċessiv ta’ individwaliżmu u kienu f’kompetizzjoni dwar min ser jagħmel l-aktar penitenzi jew jitlob. San Pakomju waqqaf l-ewwel monasteru fis-Sud tal-Eġittu fejn ġiet iffurmata komunità filwaqt li kien hemm ċertu bilanċ bejn xogħol u talb. Imma anki hawn kien għadu jeżisti spirtu ta’ individwaliżmu billi l-membri setgħu jagħmlu ħafna penitenzi. Din kienet is-sitwazzjoni fil-lvant filwaqt li fil-punent it-tip ta’ monastiċiżmu kien għadu individwalista ħafna filwaqt li ħafna kienu f’sitwazzjoni fejn ma setgħux jgħixu l-ideali ta’ l-eremiti Eġizzjani

San Benedittu bħala bniedem mimli bl-esperjenza ta’ Alla flimkien ma’ moħħ prattiku ġietu l-idea mingħand Alla li jikteb regola prattika ħafna fejn jinġabru lajċi li jgħixu ħajja spiritwali bilanċjata, jaħdmu b’mod normali u fl-istess waqt isibu ħin jitolbu. Ir-regola ta’ San Benedittu mibnija fuq il-motto “Ora et labora” jiġifieri ‘xogħol u talb’ tat bidu għalħajja konsagrata u ċiviltà b’mod innovattiv tant li San Ġorġ Preca jisħajlu jkellimna fil-ktieb tiegħu s-Sinagoga Ġdida: “Aħwa tiegħi, li wieħed jgħix taħt regola, hija l-iqsar triq għall-ġenna. Ir-regola hija gwida għal dawk li jfittxu f’kollox u għal kollox. Ġesù hu l-mudell mitmum ta’ dan it-tiftix ta’ Alla, li hu l-ogħla u l-aqwa ġid li qatt jista’ jixtieq u jikseb il-bniedem. Osservanza fidila tar-regola tfisser il-ġenna” (Sinagoga Ġdida Nru 80).

Spiritwalità tar-regola
F’kapitlu 4 tar-regola li jismu “Sisien tal-ħajja Spiritwali”, San Benedettu jfisser il-bażi tal-ħajja nisranija. Ma jagħmilx enfasi kbira fuq it-talb jew fuq esperjenzi mistiċi iżda jagħmel regoli li mhumiex għajr il-Vanġelu fil-prattika ta’ kuljum. Mal-ewwel daqqa ta’ għajn tinduna li hemm spiritwalità kbira iżda jekk tiflihom it-tieni darba tinduna li mhumiex regoli li japplikaw biss għal dawk li ser jingħataw lil Alla imma huma l-bażi ta’ ħajja mibnija fuq il-Vanġelu.

Jekk noqogħdu niflu dan il-kapitlu San Benedittu jipprova jindirizza lin-nisrani lejn Alla billi jobdi l-kmandamenti, iħobb u jgħin lill-proxxmu, jagħmel opri ta’ ħniena, jikkontrolla l-ġibdiet tiegħu, jaħseb fil-mewt, iżomm il-qies f’kollox, jitlob kif ukoll jobdi lis-superjuri tiegħu. Kif rajna għalhekk il-qaddis ta’ Norcia ma għabbiex lis-sudditi tiegħu b’ħajja spiritwali kumplikata.

San Benedittu ta’ abbati prattiku li kien ferm konxju li n-natura tal-bniedem hija feruta mid-dnub u għalhekk kull persuna hija inklinata li tagħmel dak li jfettlilha. Dan iwassalha biex toħloq tensjonijiet fil-komunità filwaqt li ma tkunx ubbidjenti. Għalhekk jittratta f’kapitlu 7 il-virtù tal-umiltà. Jispjegaha bħala mixja li tikkonsisti fi tnax-il grad. Dan l-itinerarju f’din il-virtù jistieden lill-bniedem għall-konverżjoni personali fejn jiżvojta minn ġo fih ix-xewqat ħżiena u jaħseb fuq il-ħwejjeġ tas-sema filwaqt li jikber fl-ubbidjenza. Din il-mixja għandha twasslu f’dan l-istat: “Il-monaku li jkun laħaq dawn il-gradi kollha tal-umiltà, dlonk jikseb l-imħabba ta’ Alla li għax ‘sħiħa tkeċċi ‘l biża’ l-barra.’ U permezz ta’ din l-imħabba, dak li qabel kien jagħmlu b’ċertu tħassib issa jibda jwettqu bla tbatija, kif wieħed jista’ jistenna, minn rajh, mhux aktar minħabba l-biża tal-Infern, iżda għall-imħabba ta’ Kristu u tat-tajjeb innifsu” (Kap 7, 67-69).

Ta’ abbati prattiku li kien San Benedittu għaraf li l-pedament tal-umiltà hija l-ubbidjenza meta jikteb: “Il-bidu tal-umiltà hija l-ubbidjenza bla tnikkir. Hija l-karatteristika ta’ dawk li xejn ma għandhom għeżeż minn Kristu” (Kap 5, 1). Mingħajr ubbidjenza ma tistax tibni komunità u proprju l-ġenju ta’ dan il-qaddis kien li ħoloq komunità fejn il-membri tagħha għandhom kemm ħin għat-talb kif ukoll għax-xogħol. Dawn huma s-sisien tar-Regola ta’ San Benedittu kif jgħid: “Il-għażż hu l-għadu tar-ruħ, u għalhekk l-aħwa, f’ċerti ħinijiet għandhom jagħmlu xogħol ta’ l-idejn, u f’oħrajn, stabbiliti wkoll, jagħtu ruħhom għall-qari spiritwali” (Kap 48, 1)

San Benedittu jibni l-ħajja ta’ talb fuq it-talb liturġiku tal-Uffiċċju Divin, il-qari spiritwali fil-jiem tal-Ħdud u r-Randan, kif ukoll fuq il-ġabra u s-skiet. Huwa jfisser dan is-suġġett fil-kapitlu 6 li jismu s-skiet li jiddeskrivieh b’dan il-mod: xi kultant wieħed għandu jżomm lura milli jgħid kliem tajjeb li ma jkunx f’waqtu; ii. kliem mhux xieraq; iv. wieħed jitkellem fuq suġġetti spiritwali; v. ma jgħidx ċajt vojt. Bnadi oħra jagħmel enfasi fuq it-tpaċpic fieragħ li fl-aħħar mill-aħħar huwa ħela ta’ ħin.

L-attwalità tar-regola għal żminijiet tal-lum
Forsi wieħed jistaqsi. X’messaġġ għandha r-regola ta’ San Benedittu għall-bniedem ta’ llum? Żgur li persuni li qegħdin jgħixu ħajja spiritwali b’mod stramb huma eċċezzjonijiet iżda l-bniedem postmodern tant huwa preokkupat bid-dinja tax-xogħol u l-ħtieġa li jirrilassa ruħu li bosta drabi jinsa lil Alla billi jonqos mid-dmir li jitlob. San Benedittu jgħallimna li x-xogħol huwa importanti għax jeqred il-għażż mill-bniedem iżda fl-istess ħin jagħmel enfasi fuq it-talb u l-qari spirtwali.

Barra mit-talb San Benedittu jgħallem lill-bniedem ta’ llum li jibni ħajtu fuq il-valuri tal-Vanġelu. Dan il-qaddis jgħallimna li x-xogħol mhuxiex l-għan fih innifsu, filwaqt li rridu nibnu ċiviltà ġdida mibnija fuq il-valuri li għallimna l-Imgħallem tagħna Sidna Ġesù Kristu. Żgur li l-messaġġ tiegħu mhuwiex li n-nisrani jħares bl-ikrah lejn id-dinja ta’ madwaru u jagħmel sagrifiċċji kbar, iżda li jimxu fuq il-passi tiegħu; jiġifieri li għaqqad dak li kien hemm tajjeb fl-Imperu Ruman mat-tradizzjoni spiritwali. Għalhekk in-nisrani għandu jieħu dak li huwa tajjeb mill-kultura li qegħdin ngħixu fiha filwaqt li jgħaqqadha ma’ l-ispirtu tal-Vanġelu.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading