Minn Fr Mario Attard OFM Cap

Imkien ta’ paċi kbira


Għal dawn l-aħħar xhur kienu bosta d-drabi li żort ir-Rabat. Wieħed mill-postijiet li baqa’ ittimbrat f’moħħi u mnaqqax f’qalbi hija l-kappella fejn tinstab il-Madonna tal-Għar, fil-kumpless tal-kunvent u l-knisja tal-Patrijiet Dumnikani.

Hemm storja tassew ħelwa marbuta mal-Madonna tal-Għar. Jingħad li fis-sena 1400 il-Madonna dehret lill-kaċċatur f’dan l-għar daqs mil ‘il bogħod mix-xaqliba tan-Nofsinhar tal-Imdina. L-Insara devoti bdew iżuruh dan l-għar u anki bdew jitolbu quddiem ix-xbieha mpittra tal-Madonna li tqiegħdet fih.

Daqs ħamsin sena wara, tliet patrijiet dumnikani ġew Malta u għażlu l-kappella fejn il-Madonna kienet dehret. Dan għamluh biex f’dan il-post qaddis jniedu f’pajjiżna l-Ordni tal-Predukaturi. Liema Ordni għamel u qed jagħmel ħafna ġid lill-knisja.

Meta l-Patrijiet Dumnikani temmew il-bini kemm tal-knisja u anki tal-kunvent tagħhom, iddedikawhom b’tant imħabba lill-Madonna tal-Għar. Dan seħħ fis-sena 1505. Kien ftit żmien wara meta l-Patrijiet Dumnikani qatgħuha li jibdlu x-xbieha mpittra ma’ oħra minquxa fl-irħam. Din ix-xbieha tal-irħam kienet tirrappreżenta lill-Madonna li qed tħaddan lil binha Ġesù waqt li kienet qed tħares lejh bi tbissima mill-aktar ħelwa.

Kien fl-1647 meta l-magħruf storiku, Ġan Franġisk Abela, fil-ktieb tiegħu Descrittione di Malta, kiteb hekk dwar l-imkien tal-Madonna tal-Għar “… il-kripta msejħa tal-Madonna tal-Għar kienet dejjem miżmuma b’devozzjoni u b’qima kbira mill-antiki; hekk ukoll għadha mħarsa sa dan il-jum u tibqa’”.

Għall-ħabta tas-sena 1900 l-għar tal-Madonna ġie miksi kollu rħam u iżżejjen b’seba’ medaljuni ta’ intarsi ta’ rħam kulurit. Dawn, minbarra tnejn, ifakkru fil-ġrajja tas-Santwarju. Fl-għar insibu wkoll żewġ statwi ta’ anġli adoraturi tal-irħam. Nhar it-23 t’Ottubru 1924 id-Dumnikani tar-Rabat Malta approvaw it-talba biex ix-xbieha tal-Madonna tal-Għar, meqjuma fil-Knisja tagħhom, tkun solennement inkurunata.

Din il-ħolma seħħet tassew nhar it-2 ta’ Ġunju 1957 meta, l-Eċċ. Tiegħu l-Arċisqof Metropolita ta’ Malta u Għawdex, Mons. Mikiel Gonzi, mgħejjun mill-Isqfijiet Ġużeppi Pace, Isqof t’Għawdex, u Emmanuel Galea, Isqof Awżiljarju ta’ Mons. Gonzi, wettaq l-inkurunazzjoni solenni tal-Madonna tal-Għar fil-pjazza tal-katidral fl-Imdina. Mis-sena ta’ wara l-Patrijiet Dumnikani bdew jagħmlu purċissjoni bix-xbieha nkurunata tal-Madonna tal-Għar mat-triqat tar-Rabat.

Kien fl-1982 meta, minħabba xi ħsarat li ġarrbet l-ikona oriġinali tal-alabastru fil-passat u biex jiġu evitati aktar ħsarat il-Patrijiet Dumnikani qatgħuha li jagħmlu replika tal-irħam biex tibda’ tintuża minflok dik oriġinali fil-pellegrinaġġ.

Għal xi jiem wara l-festa tal-1999 ix-xbieha-replika tal-Madonna tal-Għar kienet għadha fil-knisja, armata fuq il-bradella, il-pedestall u mżejna b’raġġiera kbira fuq wara. Fis-6 ta’ Mejju, ix-xbieha-replika tal-Madonna bkiet id-demm minn għajnha l-leminija. Filwaqt li fil-jum ta’ wara, nhar is-7 ta’ Mejju, għal darb’ oħra, bkiet dmugħ imdemmi minn għajnha x-xellugija. Wara l-eżamijiet xjentifiċi li saru instab li l-likwidu aħmar fuq wiċċ ix-xbieha replika tal-Madonna kien demm uman. Dan ġie ikkonfermat xjentifikament mill-eżamijiet mediċi li reġgħu saru biex jiġu aċċertati s-sejbiet xjentifiċi.
Kien f’Diċembru tal-2003 meta l-Eċċ. Tiegħu Mons. Ġużeppi Mercieca kien ta l-permess lill-Provinċja Dumnikana Maltija biex ix-xbieha tal-Madonna tal-Għar, li fuqha intlemaħ id-dmugħ tad-demm uman, tibqa’ miftuħa għall-qima tal-pubbliku.

Meta inviżtajt ix-xbieha-replika tal-Madonna ħassejt fija dak li kiteb Papa Franġisku fl-Ittra Appostolika tiegħu fil-forma ta’ motu proprio (jiġifieri editt ippubblikat mill-Papa għall-Knisja kollha) bl-isem Sanctuarium in Ecclesia, tal-1 ta’ April 2017:

“Is-santwarju għandu ‘valur simboliku kbir’ fil-Knisja. Li wieħed jagħmel pellegrinaġġ ifisser professjoni ġenwina ta’ fidi. Fil-fatt, permezz tal-kontemplazzjoni tax-xbihat qaddisa, wieħed jafferma t-tama li jħoss b’aktar qawwa l-viċinanza tal-Mulej li tiftaħ lill-qalb għall-kunfidenza li tkun mismugħa u mwieġba fix-xewqat l-aktar profondi tal-persuna. Il-pietà popolari, li hija ‘espressjoni vera tal-attività missjunarja spontanja tal-poplu tal-Mulej, issib fis-Santwarju post privileġġjat fejn int tista’ tfisser it-tradizzjoni fina tat-talb, tad-devozzjoni u tal-fiduċja fil-ħniena tal-Mulej inkulturata fil-ħajja ta’ kull poplu” (nru. 1).

Fin-numru 3 ta’ l-istess ittra appostolika qrajt hekk:

“Minkejja l-kriżi ta’ fidi li qed tgħarraq id-dinja kontempranja, dawn il-postijiet għadhom meqjusa bħala imkejjen sagri li fihom il-pellegrini imorru biex isibu mument ta’ mistrieħ, silenzju u kontemplazzjoni… Xewqa moħbija tagħti bidu għal nostalġija għall-Mulej f’ħafna minnhom. U s-santwarji jistgħu jkunu refuġju veru biex wieħed jiskopri mill-ġdid lilu nnifsu u jerġa’ jikseb mill-ġdid il-qawwa neċessarja għall-konverżjoni. Fl-aħħar nett, fis-Santwarju l-Insara jistgħu jirċievu l-għajnuna għall-mogħdija ordinarja tagħhom fil-parroċċa u fil-komunità Nisranija. Din l-għaqda bejn il-pellegrinaġġ lejn is-Santwarju u l-ħajja ta’ kuljum hija ta’ għajnuna kbira għall-ministeru pastorali l-għaliex tippermetti t-tkebbisa mill-ġdid tal-impenn lejn l-evanġelizzazzjoni permezz ta’ xhieda aktar konvinta. Għalhekk, il-mixja lejn is-Santwarju u t-tisħib fl-ispiritwalità li dawn l-imkejjen ifissru huwa, minnu nnifsu, att ta’ evanġelizzazzjoni li jistħoqqlu jkun ivvalorizzat għall-valur pastorali intens tiegħu” (nru. 3).

Misjuq minn dawn il-kelmiet qawwija ta’ fidi nżilt għarkupptejja u tlabtha hekk lill-Madonna tal-Għar:

Sidtna Marija tal-Għar, li għal aktar minn sitt sekli, għoġbok ixxerred kull sura ta’ grazzji ma’ min fetaħ qalbu miegħek, nitolbuk li tixħet ukoll lejna ħarstek kollha ħniena. Aħna, mela, b’qalbna sogħbiena lejk nersqu u nitolbuk …….. (hawn semmi l-grazzja li tixtieq); Għandna tama qawwija li Inti, tabilħaqq “Sinjura ta’ qalb nobbli”, tidħol għalina u taqlagħlna l-grazzja li neħtieġu, mingħand “Ibnek Ġesù li Int dhert tħaddan kollok ħlewwa”. Ammen. Sliema u Qaddisa.

L-għaliex ma tagħmilx int ukoll din l-isperjenza sabiħa bħali f’dan l-imkien ta’ paċi kbira? Quddiem il-Madonna tal-Għar?

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s