Il-kliem fil-widnejn


Il-wiċċ tbissem! L-għaliex inħeles mix-xibka qarrieqa tal-bniedem. Li, l-għaliex mogħmi biex ifittex jikseb il-poter, ifattar minn rasu ħa jitkabbar u jitfettaħ minn ġismu.

Imma, il-qawwa tal-Ispirtu ta’ Alla, li tissupera kull koppla u kampnar, kull kunvent u kull post sagru, togħla ‘l fuq. Ħa tagħżel lil min trid. Ħa tagħżel lis-sempliċi. Lil dawk li m’għandhomx ħbieb tal-ħbieb. Li dawk li m’għandhomx min jgħaddilhom kelma. U jabqeż għalihom mas-setgħana. Lil dawk li, fost sħabhom, huma mitqiesa bħala skart. Rimi.

U l-qawwa tal-ispirtu taħdem. Fit-tbissima. Fil-ferħ. Fil-paċi. Fl-għajnejn mimlija mħabba tal-Mulej. F’min hu sempliċi. U f’min m’għandux min jagħmillu l-favuri. U n-nies tikkonkorri. L-għaliex tħoss. Tifhem il-ġenwinità. Tħoss il-polz. Tara l-kobor tal-Mulej fil-persuna umli. U ma tarax li mhux ħa joqgħod għall-ebda bini kbir? U lanqas għoli? U, wisq aktar, ippuntat ‘il fuq ‘il fuq? Le! L-Ispirtu tal-Mulej jaħdem fi qlub ċkejkna. Safja. Mhux l-għaliex bojod karti. Midinib. Bħali u bħalek. Iżda l-għaliex m’għandhomx le moħħ biex javvanzaw. Ħa jaħkmu. Ħa jsaltnu. Ħa jibni l-imperu tagħhom minn fuq dahar is-Salib.

U x’jiġri? L-għadu ħajjen jibda’ jipprinzipja. Jibda’ jehmeż. Ħa jikkummenta. Ħa jkasbar lill-qaddejja tal-Mulej. Biex iħamrilhom wiċċhom. Biex javvelihom. Biex, mingħalih, jisirqilhom il-ferħ li għandhom fihom. Għax min ipespes fil-widnejn, bħalhom, kien imsejjaħ biex jagħmel l-istess xogħol li qiegħdin jagħmlu huma. Imma fejn hu ja qaddej il-fardal tiegħek? Fejn ħbejtu? F’liema gwardarobba tfajtu? Jaqaw sarlek riħa ta’ boċċi tal-kamla? Biex jibqa’ nadif? Imma, ngħid jien, liema boilersuit tpoġġieha fil-boċċi tal-kamla? Mela fittex isa ilbes il-boilersuit tiegħek ħa nagħrfuk! Ħa nagħrfuk li int ħaddiem! U mhux ċarlatan! Li ilsienek mal-art kollha jħallaq!

Ħeqq! Saħħa ma rridx naħdem imma l-għaliex qiegħed inpespes fil-widnejn? L-għaliex qiegħed niftiehem fil-kmamar ta’ ġewwa? L-għaliex qiegħed ngħid kontra dawk tal-fardal? Kontra dawk li l-fardal tagħhom jinten bl-għaraq ta’ xogħolhom? L-għaliex qed inkisser il-fama ta’ min qed jagħmel xogħlu? Meta jien, il-qaddej, ġejt imsejjaħ biex inkun bħalhom, il-qaddej tal-qaddejja tal-Mulej? Mela nsejt is-sejħa tiegħi? Insejt meta jiena, għal tlett darbiet, intfajt fl-art quddiem kulħadd biex inħalli lill-Mulej jikkonsagrani għalih?

Għaliex issa, minflok ma jien qed immidd idejja għax-xogħol, li dejjem qed jikber, qed naħli ħini f’affarijiet inutli? Kemm se ndum naqra? Kemm se ndum quddiem il-computer? Kemm? Ismagħha l-qanpiena! Isimgħu t-telefon! L-għajnejn miksura ta’ min hu marid qed jgħajtuli biex nilqa’ ħarsithom! Biex immur inżurhom! Mela l-għaliex qed naħli ħini, li hu deheb bil-wisq aktar fin, fix-xejn? Eħħ! Dak il-fardal! Dik il-boilersiut! Għadhom wisq nodfa! Għadhom wisq mgħoddijin! Għadhom wisq illamtati!

Le! Itlaqhom għax-xogħol! L-għaliex dawk għalhekk ġew meħjutin. Le! Ma ġewx magħmula biex jibqgħu sbieħ! Biex ixxommhom ifuħu! Biex ileqqu fuqek! Le! Ġew magħmula biex jintużaw! Biex jidħlu fil-postijiet fejn ħaddieħor, biex “jibża’ għal ġieħu li ma jmurx jittimbrawh” ma jidħolx! Imma int le! Ilbishom! Idħol! Isma’! Ħammiġhom bl-għaraq ta’ ġbinek! Għax tkun ħdimt! U tbagħlt kemm flaħt!

Għax dan jagħmillek ġieħ! U mhux il-paroli fil-widnejn. Il-ftehim. Il-pjanijiet tiegħek ta’ bniedem li moħħok, ħdejn il-moħħ tal-Mulej, ma jlaħħaqx! U allura t-tajjeb jarah ħażin u l-ħażin jarah tajjeb! Fejn hu l-għarfien li suppost għandek? Le! Isserraħx fuq dawk li jaqblu miegħek. F’dawk li jaqblu mat-tpespis tal-widnejn li tpespilhom int. Le! Ikkonfronta ruħek ma’ dawk li jnitnulek il-libsa bil-għaraq li jġagħluk toħroġ minnek. L-għaliex miegħek, għall-grazzja tal-Mulej, ma jaqblux. Iva! Agħmilha ma’ dak li hu ferħan. U ħallieh jisfida l-moħħ tiegħek li qatillek lil qalbek. L-għaliex, bil-biża’ li għandek fik, għadek ma tistax tifraħ. Tgħix bil-biża’ tal-mikrospija. Tgħix bil-biża li ma tafdax. L-għaliex wiċċek jikxef x’hemm fik. Hemm arahom kemm għajnejk huma miksurin!

Allura x’nagħmel? tistaqsini. Ħallini nwieġbek bil-Kelma ta’ dak li int tajt ħajtek għalih. Min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha (Lq 9:25). Itlifha ħajtek! Itlifhom il-ħbieb li għamilt bit-tpespis fil-widnejn! Itlifhom il-ħbieb li jiffurmaw il-klikka tiegħek! Itlifhom! Ħalli biss lilU jħabbek miegħu! Ħalli biss l-Ispirtu tiegħu imexxik! Dak l-Ispirtu li int waqqajt għaċ-ċajt l-għaliex qatt ma emmint tassew fih! Ħalli iva lil Missieru jkun Missierek! Ħalli lill-għażiża Ommu tkun Ommok!

Imbagħad kliemek jinfeda mill-bassezza tal-widnejn u jibda’ jixxandar quddiem kulħadd! Minn fuq il-bjut. L-għaliex isir kliem safi. Kliem li jdawwal għajnejn il-qalb. Isir il-kliem li, għalik, ikun għajn ta’ ilma ġieri. L-għaliex ikun umli. Ikun ġej mill-qalb ta’ Ġesù. Li mhux psikanalista. Lanqas Frojdjan. Jew Jungjan. Inkella Roġerjan. Imma li hu l-Mulej! Li janalizzak daqskemm ma janalizzakx!

Infeda. Intelaq. AFDA … FIH …

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.