Monsinjur Enrico Dandria: Qassis, politiku u patrijott

Print Friendly, PDF & Email

Is-sena li għaddiet ġew imfakkra żewġ anniversarji importanti fil-ħajja ta’ Monsinjur Enrico Dandria. Jiġifieri il-125 sena minn twelidu u l-85 sena minn mewtu. Monsinjur Dandria kien saċerdot mogħni b’ħafna virtujiet. Kien ukoll edukatur, patrijott u politiku. Fil-fatt kien ministru tal-Edukazzjoni u l-kultura. Il-kittieb Max Farrugia fakkar lil dan is-sacerdot umli, għaqli u ħabbrieki b’riċerka interessanti li ġiet ippubblikata fil-ktieb Enrico Dandria: Qassis, Politiku, Patrijott.

Enrico Dandria, iben Alfredo Dandria u Raphaela mwielda Savona, twieled fil-Belt Valletta nhar l-14 ta’ Gunju 1892. Kien it-tielet iben minn familja ta’ tlettax. Fi ċkunietu attenda l-iskola St. Mary filwaqt li aktar tard attenda fl-Istituto San Paolo li kien twaqqaf u imexxi minn nannuh Sigismondo Savona. Dandria issokta l-istudji tiegħu fis-seminarju veskovili u fl-universita ta’ Malta minn fejn iggradwa fid-dritt kanoniku u fit-teologija. Aktar tard issokta l-istudji tiegħu f’Ruma, fl-Università Gregorjana, minfejn kiseb id-dottorat fil-filosofija. Minkejja li saret pressjoni fuqu sabiex jibqa’ Ruma u jingħaqad fil-korp diplomatiku tal-Vatikan Dandria ħass li postu kien f’Malta. Għalhekk, u kif kien wiegħed lill-Isqof Mawru Caruana, intefa’ b’ruħu u b’ġismu jaħdem fost iż-żgħażagħ. Kien ordnat saċerdot nhar it-18 ta’ Settembru 1915 u qaddes l-ewwel quddiesa tiegħu fil-Knisja ta’ San Ġakbu, fil-Belt Valletta.

Xahrejn wara li qaddes waqqaf ic-Circolo Foedus. Għal xi żmien kien ukoll il-President pro-tempore tiegħu. Aktar ‘il quddiem Dandria kien id-direttur tar-Rivista tal-istess Circolo. F’ Novembru tal-1920, flimkien ma’ saċerdoti oħra, waqqaf il-Gioventù Cattolica. B’dan ic-Circolo, li għadu attiv sallum, sar ġid spiritwali u materjali. Uħud mill-membri tiegħu spikkaw fil-politika, fl-arti, fl-iskultura, fl-isport, fil-kitba u f’għadd ta’ professjonijiet oħra.

L-Isqof Caruana ħatru il-mandatarju tiegħu bil-għan li tiġi imwaqfa Federazzjoni tal-Għaqdiet tal-Ġuvintur Kattoliċi. Dan it-tentattiv kien iż-żerriegħa biex titwaqqaf l-Azzjoni Kattolika Maltija.

Bħala edukatur Dun Nerik ħadem ħafna mat-tfal u ż-żgħażagħ tal-Belt Valletta. Kien ukoll għalliem brillanti tal-Ilsien Ingliż fl-Istituto San Paolo u fis-seminarju veskovili. Kien konsulent fil-kumitat tal-edukazzjoni tal-Gvern Kolonjali u tal-ewwel Gvern Malti. Baqa’ jservi f’dan il-kumitat sakemm kien maħtur Ministru tal-Edukazzjoni fl-1923. Kemm dam ministru inbnew 10 skejjel ġodda mferrxa mad-distretti elettorali ta’ Malta. Skejjel li ma kienux aktar adattati inbidlu jew ġew rinnovati. Filwaqt li skejjel magħluqa taħt Gvern Kolonjali, bħal dawk ta’ Marsaxlokk u l-Birgu, ġew miftuħa mill-ġdid. B’hekk l-iffullar fl-iskejjel spiċċa. Kif issolviet din il-problema Dandria ressaq quddiem il-Parlament liġi, bl-isem tal-Compulsory attendance Act, li kienet tobbliga lil dawk it-tfal li ġaladarba jibdew jattendu l-iskola iridu ikomplu l-kors kollu. Tfal li kienu ifallu bl-addoċċ il-ġenituri tagħhom kienu jitressqu l-qorti u kien hemm pieni ħorox lesti għalihom.

Fejn jidħlu l-għalliema Monsinjur Dandria żied il-pagi u tejbilhom it-taħriġ tagħhom. Twaqqfu mill-ġdid il-korisijiet għall-għalliema kollha li xtaqu jiżvillupaw it-talenti edukattivi tagħhom. Dawn il-korisjiet inkoraġġew studenti li jidħlu f’din il-professjoni hekk kif itemmu l-istudji tagħhom. Kull sena numru ta’ għalliema kienu jintbagħtu fl-kulleġġi Kattolici fl-Ingilterra biex jitħarrġu fil-qasam edukattiv. Dun Nerik introduċa d-dixxiplina fost l-għalliema u l-istudenti. Fil-qasam tal-patrimonju u l-kultura, li kien jaqa’ taħt il-ministeru tiegħu, issuktaw jiġu skavati għadd ta’ postijiet storiċi. Wara każ li tressaq il-qorti dwar sfreġju fuq knisja fil-Belt tal-Patrijiet Frangiskani, il-ligi li tħares il-kultura, l-arti u l-patrimonju mhux biss ġiet emmendata iżda wkoll saret waħda ġdida.

Mat-twaqqif tal-Assembleja Nazzjonali kienet saret sejħa għall-Għaqdiet kollha f’Malta sabiex jieħdu sehem fiha. Dandria weġibha din is-sejħa billi ippreżenta l-Għaqda Foedus fuq l-Assemblea. Aktar ‘il quddiem ipparteċipa għan-nom tal-Gioventù Cattolica. Insibuh preżenti fil-magħrufa laqgħa imqanqla fil-Belt Valletta tas-7 ta’ Ġunju 1919 fejn, fost l-irvellijiet kontra l-ħakma Ingliża f’Malta, inqattlu erba’ Maltin. Dun Nerik wera kuraġġ ta’ patrijott billi tħaddet ma’ uffiċċjali Ingliżi u ikkalma lill-folla irrabjata. Wara l-għoti tas-Self Goverment fl-1921 Dandria ingħaqad mal-Unione Politica Maltese (UPM) taħt it-tmexxija ta’ Monsinjur Panzavecchia u anki diversi qassisin. Meta fl-1926 żewġ partiti ingħaqdu taħt l-isem Partito Nazionale Moninsjur Dandria kien kanditat għal dan il-partit.

Fl-erba’ elezzjonijiet li kkontesta naraw li bejn l-1921 u l-1927 kien membru u Ministru tal-Gvern. Fl-1927 sal-1932 kien fl-oppożizzjoni. Filwaqt li kien elett fl-1932. Fl-1931 Monsinjur Dandria mar l-Ingilterra biex jfisser lill-Gvern Ingliż u lill-ġurnalisti is-sitwazzjoni ta’ Malta. Tul it-tlett xhur li dam hemm kiteb ktieb bit-titlu The Malta Crisis. B’riżultat ta’ dan kollu l-Gvern Ingliż kien bagħat kummissjoni Irjali biex tinvestiga x’kien qed jiġri. Minkejja l-marda tiegħu Dun Nerik iltaqa’ magħhom. Fil-kampanja elettorali Monsinjur Dandria baqa’ jitkellem fil-manifestazzjoni tal-massa sakemm saħħtu ħallietu. F’Mejju tal-1932 intbagħat għall-kura fl-Italja. Għalhekk baqa’ għand il-Patrijiet Ġiżwiti f’Bagheria viċin Palermo. F’dik l-elezzjoni Dandria ġie elett għall-Assemblea Leġislattiva u anki għas-Senat. Ingħata l-ġurament ta’ Ministru tal-Edukazzjoni imma qatt ma serva l-għaliex nhar it-3 ta’ Lulju 1932 ruħu taret għand il-Ħallieq.

Monsinjur Dandria kellu funeral kbir. Jibqa’ jissemma’ mhux biss bħala politiku imma wkoll għall-imħabba kbira li kellu lejn il-fqar. Kien verament missier il-foqra. Dandria kien predikatur prim bl-Ilsien Malti, Ingliż u Taljan fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Ġie midfun fil-Kattidral tal-Imdina li tiegħu kien Monsinjur.

Ikseb il-kopja tiegħek tal-ktieb Enrico Dandria, qassis, politiku, patrijott minn fuq is-sit http://www.kitegroup.com.mt jew inkella ċempel fuq 99932592. Jinbiegħ ukoll mill-ħwienet tal-kotba.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading