Tgħid din kienet il-finali tal-finali?


Ma nixba qatt nitħaddet fuqha. U, aktar ma jkolli l-grazzja li nitħaddet fuqha aktar, ma jgħaddi ż-żmien, qed nasal għall-istess konklużjoni. Il-finali tat-tazza tad-dinja ta’ din l-edizzjoni, 2018, kienet kollha Marjana! Iva! Fiha kien hemm l-id tal-Madonna!

Il-finalisti stess, Franza u l-Kroazja, ifakkruna f’dan. Ma ninsewx li dawn iż-żewġ pajjiżi hemm santwarji Marjani magħrufin mal-erba’ naħat tad-dinja. Min qatt ma sema b’Lourdes? Min qatt ma sema’ b’Medjugorje? Li qiegħdha fin-naħa Kroata tal-Bożnija, il-Ħerżegovina? Għal min jgħix biss f’moħħu, u allura għalih ir-rejaltà hija biss dak li moħħu ipasparlu, inkella iħossu insigur bil-qabda, se jkun sarkastiku għal dan id-diskors. “Din tiġbida oħra!” se jirraġuna. Imma, għal min hu umli u miftuħ għas-sorpriżi tal-Mulej, allura b’dan id-diskors aqta’ kemm se jifraħ! Għax, appuntu, ħa jara, f’dan kollu, kemm il-Mulej iħobbu u jħobb lilna l-bnedmin!

Għalija, Marija, kienet ħafna preżenti f’din il-logħba finali. Saħansitra minn qabel ma ntlagħbet aqta’ kemm offriet emozzjonijiet. Kemm aħbarijiet bdew ħerġin! Li, għal darba, ma kienux zekzik. Anzi! Kienu informazzjoni mibdula f’formazzjoni mill-kbar nett. Ibda’ biex, l-aħbar li l-coach tal-Kroazja, Zlatko Dalic, dejjem iġorr miegħu kuruna tar-rużarju u jżommha f’idejh diġà tgħid ħafna. Nafu kemm l-għadu ta’ ruħna jibża’ mill-kuruna. Ir-rużarju ikissru! Mela ejja noħorġu dik il-kuruna sieħbi ħa nibdew nitolbu r-rużarju u nieqfu nkunu priġunieri fil-gallinar tal-ispirtu ħażin li jġagħlna nixbgħu u niddardru bir-rużarju! U, ngħid jien, ma naħsibx li Zlatko Dalic iżommha biss fil-but il-kuruna tar-rużarju. La jgħix ħdejn Medjugorje, santwarju dinji ta’ Ommna Marija, żgur li jitlob ir-rużarju!

Hekk kif qed insemmi lil Medjugorje ma nistax ma nsemmix iż-żjara sabiħa li għamel il-kontinġent Kroat f’dan il-post qaddis, eżattament qabel ma telaq lejn ir-Russja biex jieħu sehem fil-kampjonat tat-tazza tad-dinja. F’ritratt li bgħatuli stajt ninnota, b’ammirazzjoni kbira, il-players Kroati għarkupptejhom fuq il-ġebel jitolbu. Bqajt tabilħaqq impressjonat b’din ix-xena ta’ kontinġent li jemmen fil-qawwa tal-interċessjoni ta’ Marija! Imbagħad, uħud minna, bdew ineħħu r-rużarju kuljum mill-familji jew mill-komunitajiet? Talba daqshekk qawwija u ta’ protezzjoni kontra x-xitan? Aħna aħna jew m’aħniex sieħbi!

Fejn tkun Marija aqta’ kemm ikun hemm ferħ! Għax Marija mhux tanalizza ħa toqtol il-ferħ. Lanqas ma tinterpreta l-ġesti tal-ferħ biex tagħżel, tikkundanna u tniżżel fil-ktieb iswed tagħha lil min hu bħat-tfal. Le! Marija iġġib il-ferħ! Dak il-ferħ li kont ħassejt snin ilu meta, għall-ewwel darba, kont mort f’Medjugorje. Eżattament f’Jannar. U, jiena u dieħel f’dan ir-raħal qaddis, ħassejtni qisni dieħel fir-raħal tal-logħob tat-tfal (biex ma nsemmix riklami!). Kemm ħassejtni sew f’dawk il-jiem! Addijo l-inkwiet u l-qsim il-qalb li kont ġejt bih minn Malta! Għax, meta nkunu għand Ommna mhux ta’ uliedha se nħossuna?

Issa nista’ nifhem dak it-tgħanniq u l-ġesti tant sbieħ u mimlija mħabba tal-President Kroat Kolinda Grabar-Kitarovic! Issa nista’ nifhem l-akkaniment tagħha li tkun preżenti fil-ground kull darba li t-team Kroat kien jilgħab. Huma fiergħa l-idejat li dan għamlietu għall-propoganda ħalli terġa’ tikseb mandat ieħor bħala president tal-Kroazja. Le! Meta jkun hemm preżenti Ommna tas-Sema nerġgħu nsiru tfal! Nerġgħu naqbdu idejn xulxin! Nerġgħu ngħannqu lil xulxin bħalma jgħannqu lil xulxin it-tfal! B’dik l-innoċenza! U mhux hekk għamlu Kolinda u Emmanuel Macron, il-President Franċiż? Għax, min jilqa’ lil Marija bħala Ommu, jerġa’ jikseb dak il-ferħ kbir tat-tfulija!

Imbagħad, il-partita kienet tabilħaqq speċjali. Fiha inqala’ minn kollox! Kienet partita avventuruża. Mela, il-papprata ta’ Hugo Lloris, l-autogoal ta’ Mario Mandzukic, il-goals brillanti ta’ Paul Pogba u Kylian Mbappe għal Franza u Ivan Perisic għal Kroazja. Ma rridux ninsew lanqas il-penalty ta’ Antoine Griezmann li, wara mumenti ta’ tagħrbil, ir-referee Arġentin, Nestor Pitana, kien saffar biex jingħata.

Bilħaqq! Kellna wkoll l-invażjoni fil-ground tal-grupp feministi punk rock Russi il-Pussy Riot. Imma, jgħidu x’jgħidu, kienet il-First Lady li serqet kollox f’din il-finali tal-finali! Ommna Marija! Li, għax irridu nkunu wliedha u hekk nirbħu t-tazza tal-ħajja ta’ dejjem, millum ‘il quddiem, ta’ kuljum, se nitolbuha bit-talba tar-Rużarju Mqaddes!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.