Ma kinitx bħall-oħrajn!


Għaddiet il-finali tat-tazza tad-dinja. L-istadju ta’ Luzhniki, f’Moska, ra spettaklu liema bħalu. Kienet finali mhux tas-soltu. L-għaliex Patri?

Ħa mmur mill-ewwel għall-punt ħbieb. U nolqot il-musmar fuq rasu! Mela, iż-żewġ timijiet, Franza u l-Kroazja, it-tnejn li huma, ifakkruna f’xi ħaġa importantissima: Ommna Marija! Iva! Fi Franza hemm is-santwarju ta’ Lourdes. Kemm immorru nies! Saħansitra isqfijiet u Papiet! Bħalma l-Kroazja tfakkarna fil-Herzegovina, li hija Kroata pura, u allura Medjugorje! Santwarju kbir Marjan li jara eluf kbar ta’ saċerdoti, u numru kbir ta’ isqfijiet u anki ra u laqa’ lill-Kardinal Christoph Schönborn li, u bir-raġun kollu, jiddefendi bil-qawwa dan is-santwarju ta’ Medjugorje li fih, jsir ħemel ġid mad-dinja. Daqskemm jieħu vokazzjonijiet għad-djoċeżi tiegħu minn dan il-post Kroat!

Mela l-finali tal-futbol bejn Franza u l-Kroazja ma kinitx le waħda kwalunkwe. Kienet finali-familja fejn fiha kien hemm il-marka ta’ Ommna tas-Sema, il-Verġni Marija. U dan jien stajt narah b’ħafna modi. Fejn hemm Marija ħbieb hemm l-imħabba! L-għaqda! Il-paċi! Il-ferħ! Il-fraternità! Il-familja! Kif tista’ dan ma temmnux? Meta tara l-qalba ta’ Pariġi, fejn is-soltu kulħadd għal rieħu u ħadd ma jagħti każ ta’ ħadd, u allura tista’ toqtol u tidfen, tara lil dawk in-nies kollha jsiru familja waħda? U kif tista’ ma temminx li, f’din il-finali, Marija ma kinitx il-protagonista meta, il-Kroati kollha, kienu għalenija waħda bħala familja jistennew din il-finali tal-finali?

Kif nista’ ma nemminx li Marija ma kinitx f’din il-finali tat-tazza tad-dinja meta, il-kowċ nazzjonali Kroat, Zlatko Dalic, qal, mingħajr tidwir ta’ kliem, li l-karriera tiegħu ma kinitx tkun possibbli mingħajr il-fidi tiegħu? Ftit qabel il-logħba Zlatko Dalic qal: Dak kollu li wettaqt f’ħajti u fil-karriera professjonali tiegħi nattribwieh lill-fidi tiegħi. Jiena rikonoxxenti lejn il-Mulej. Għalkemm afferma: Jiena nista’ inkun ħafna kuntent f’ħajti imma mbagħad, u bil-ġiri, malajr stqarr: Mingħajr fidi sħiħa u l-motivazzjoni tkun diffiċli ħafna biex tiksibha. Meta bniedem jitlef kull tama imbagħad għandu jserraħ fuq il-Mulej tagħna li hu ħanin u fuq il-fidi tagħna. Dejjem inġorr kuruna miegħi u meta nħoss li nkun għaddej minn żmien diffiċli ndaħħal idi fil-but u nżommha u kollox jeħfief.

Li kont nisma’ miljun paniġierku, bir-rettorika u bil-leħen għoli li (bħala jiġri lili meta, xi darba fil, nagħmel xi wieħed minnhom), faċli jinħanaq, ma nikkonvinċix le ruħi daqskemm jikkonvinċini Zlatko Dalic! Forsi ħafna ma jafux li, qabel it-tim Kroat mar ir-Russja biex jilgħab fil-kompetizzjoni tat-tazza tad-dinja, il-kontinġent Kroat mar Medjugorje biex jitolbu f’dan il-post imbierek mis-sema. Dan hu l-veru sportiv ħbieb: min jemmen u jgħix il-fidi tiegħu!

Xi ħaġa oħra mill-isbaħ u li seħħet f’din it-tazza tad-dinja kienet il-viċinanza tal-President tal-Kroazja Kolinda Grabar-Kitarovic. Kemm ferħet mal-players u s-supporters! Kemm żifnet iż-żifna tar-rebħa! Kemm għannqiethom magħha lill-players mhux biss ta’ pajjiżha imma wkoll lil dawk Franċiżi. Qabiżli d-dmugħ meta rajt lilha u lil Macron sejrin id f’id lejn il-podju tal-premjazzjoni fejn kien hemm lest it-trofew tat-tazza tad-dinja u l-midalji. Qabiżli d-dmugħ meta rajthom jgħannqu magħhom lil dawn il-players! Ma’ Putin ukoll! Iva! Id-diska tal-Beattles, All we need is love, love is all we need, tfakkarni dak li jgħidilna Ġesù: Dan li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin (Ġw 15:17). Kemm se ndumu ma nitgħallmuha din fis-soċjetà, fil-Knisja, fil-familji, fil-komunitajiet u l-bqija? Ħobbhom in-nies għax jgħaddu malajr! Għannaqhom! Aħfrilhom! Ifimhom! Għall-grazzja t’Alla nies ta’ dawn it-tip se jidħlu fis-sema. L-oħrajn jew jinbidlu jew ….

Personalment kienet finali li ma ninsieha qatt! Kelli l-grazzja li nkun f’kollegament ma’ Medjugorje u ma’ Franza. Nista’ ngħid li fraħt miż-żewġ naħat. Għax, min ikollu lil Ġesù u lill-Marija fih u fiha l-affarijiet jarawhom xorta oħra. Lil hinn mela mill-kampnari u l-koppli, l-oratorji u l-kunventi u, aktar u aktar fil-fond, fir-rejaltà tal-Ispirtu s-Santu li jagħti l-ħajja u jagħtina l-vera mħabba li, int u jien, aqta’ kemm qed nogħkorbu għaliha!

Tlabna! Fraħna! U, iva, waqt li Franza għollew it-tazza, ma stajtx ma nniżżilx grokk spirtu. Proprju grokk! Il-grokk tar-rebħa! Mhux ta’ Franza imma tagħna ilkoll! Tal-imħabba u l-fraternità! Tal-grazzja li għandna lil Marija, iva Marija, li hija Ommna! Li l-finali tat-Tazza tad-Dinja ta’ din is-sena kienet kollha tagħha! U, GĦAX IL-FINALI KIENET TA’ MARIJA OMMNA DIN IL-FINALI SARET IVA TAGĦNA ILKOLL!

Marija! Xi ġmiel ta’ mara! Xi ġmiel ta’ omm! Xi ġmiel ta’ ħabiba! Xi ġmiel ta’ partner! Xi ġmiel! Ħobbha sieħbi lil Marija! Iġri lejha! Inħall warajha! Ħallieha tgħabbik! U ħa ngħidlek sieħbi: agħmel eżatt kif jagħmel Zlatko Dalic, il-kowċ tal-Kroazja: żomm il-kuruna f’idejk u itlob ir-Rużarju KULJUM! Sieħbi, jekk ma tafx kif titlob ir-Rużarju mur fuq YOU TUBE u ikteb il-kelma Rużarju. Tibżax! Malajr titgħallmu! Iva! Ibda’ itolbu mal-clips li ssib fuq YOU TUBE MILLUM!

Huwa għalhekk sieħbi li din il-finali, bejn Franza u l-Kroazja, ma kinitx bħall-oħrajn! Kien hemm l-id de luxe tagħha: MARIJA!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.