L-Evanġelju tat-Tnejn 23 ta’ Lulju 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 15:1-8

Fiċ-ċenaklu, qabel ma bata u miet, Ġesù mhux biss jiftaħ qalbu mad-dixxipli tiegħu u jitlob quddiemhom imma jurihom dak li hu, fl-aħħar mill-aħħar, indispensabbli biex tassew il-ħajja tagħhom tkun tixbaħ lil tiegħu: li jkunu ħaġa waħda flimkien u li jkunu, iktar minn hekk, għax li jkunu flimkien tiddependi minnha, li jkunu ħaġa waħda miegħu.

Fit-tixbiha tad-dielja Ġesù juri li hu u d-dixxipli huma ħaġa waħda, huma, il-friegħi, kollha magħquda mad-dielja li hu hu. Min jipprova jgħix differenti hu jew illuż jew qarrieq, u min jipprova jikkonvinċi lil ħaddieħor biex ikun mod ieħor qed jipprova jqarraq; m’hemmx triq oħra għax it-triq huwa hu.

Il-Missier jieħu ħsieb din id-dielja, li h l-Knisja, il-familja ta’ Alla fuq din l-art, għa xhi għal qalbu u permezz tagħha, jagħti l-frott, li magħsur u ffermentat, jagħti l-inbid li jferrħaħ qalb kull bniedem. Ħadd ma jduq l-inbid u jgħid kemm hi tajba d-dielja li ttieħed minnha, imma, minn naħa l-oħra, mill-frott tagħhom tagħrfuhom; wieħed jista’ jagħraf jekk l-inbid hux ġej minn dielja tajba jew inqas.

Għalhekk, il-Missier jiżbor u jnaddaf, għalhekk hu mportanti li l-friegħi jibqgħu magħquda fl-istess dielja; mingħajrha ma jagħmlu xejn, imma mingħajrhom hi ma tagħmilx frott l-anqas.

Il-fergħa li taħseb li tista’ tagħmel il-frott weħidha tajba biss biex titqaċċat u tintrema.

Id-dixxipli huma mnaddfa bil-kelma li rċevew u semgħu mingħand Ġesù. Il-Kelma tnaddaf, issaffi u torqom, twassal għall-maturazzjoni, għall-perfezzjoni, twassla biex mill-fergħa joħroġ il-frott. Id-dielja, li anke fi żmien il-ħsad, tidher niexfa u bla ħajja, fiha hemm moħbija l-qawwa li tagħti l-weraq li jagħtu d-dell u trendi l-frott bnin; hija tixxeblek u tinfirex ma’ kullimkien u tagħti dell u frisk fiż-żmien meta kollox jinxef. Interessnanti li meta kulħadd ikun bil-għatx minħabba l-qilla tax-xemx sajfija, hi ma teħtiġx ilma u fl-istess ħin toffri kenn mis-sħana u d-dija tax-xemx. Hi tagħti l-ħajja meta hi stess ma tagħmel xejn biex tieħu minn dak li hu bżonjuż. Il-Kelma hi biżżejjed biex hi tgħix.

F’din is-silta Ġesù juri dak li hu l-mandat tiegħu, dak li jixtieq il-Missier u li fih jitgħaxxaq, li d-dielja tibqa’ sħiħa u tagħmel ħafna frott.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading