Sagristan impenjat


Kull darba li nattendi għall-quddiesa tal-liberazzjoni fil-Knisja Parrokjali Franġiskana ta’ Marija Addolorata f’San il-Baħar nibqa’ imsaħħar biż-żamma perfetta ta’ din il-knisja. Allura, b’apprezzament għax-xogħol fejjiedi li Bro George Micallef OFM Conv, ħija għażiż fl-Ordni Franġiskan, qtajtha li nagħmillu din l-intervista.

Bdejt biex nistaqsi lil Bro George dwar ħajtu. Twelidt nhar is-7 ta’ Diċembru 1980. Il-ġenituri tiegħi rabbewni fi mħabba liema bħalha u dejjem ħadu ħsieb li jkunu għalija ġenituri tajbin u li jfittxu dejjem dak li hu l-aħjar għalija. Għandi ħija li hu sentejn iżgħar minni. Fl-ewwel 7 snin tiegħi konna noqgħodu Ħaż-Żebbuġ imma wara li għamilt l-ewwel tqarbina morna noqgħodu man-nanna Ħal-Qormi. Attendejt l-iskola primarja u sekondarja tal-Gvern u wara f’dik li qabel konna ngħidulha l-iskola tas-Snajja.

Din hija l-istorja ta’ kif Bro George ħass is-sejħa tiegħu li jidħol Brother Franġiskan: Meta kelli dawk it-13 il-sena, kont bdejt inħoss f’qalbi s-sejħa li nkun ta’ Ġesu’ fil-ħajja konsagrata. Qabel dħalt il-kunvent kont impjegat ma’ persuni bi bżonnijiet speċjali u mal-anzjani. Dan ix-xogħol kompla ressaqni lejn Ġesu f’dawk li qed ibatu u jinsabu weħidhom. Kien fit-23 ta’ Settembru 2008, meta kelli 27 sena, li ħabbatt il-bieb tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali fejn ġejt aċċettat biex nibda’ l-postulandat. Wara sena mort u bdejt in-Novizzjat f’ Assisi, il-Belt ta’ San Franġisk. U wara f’Malta, komplejt il-formazzjoni tiegħi sakemm nhar it-12 ta’ Settembru 2014, għamilt il-professjoni solenni tiegħi fejn wegħedt lil Alla għal dejjem li nkun tiegħu, kast, ubbidjenti u fqir. Dakinnhar kien l-isbaħ jum ta’ ħajti. Ma stajtx nikkontrolla id-dmugħ għax kienet ħaġa li tant kont ilni nistenna minkejja l-maltemp kollu li ltqajt miegħu sakemm wasalt sa din il-ġurnata.

Għal George San Franġisk ifisser dak li ħabb [lil Kristu] bis-serjetà u bi qdusija kbira. Kien bla ħafna skola bħali imma kellu qalbu mimlija b Alla u bil-Kelma tiegħu. U aktar ma naqra l-kitbiet u l-ħajja tiegħu aktar jiġbidni lejH.

Staqsejt ukoll lil Bro. George kif nibtet fih l-imħabba li jieħu ħsieb il-Knisja. Min meta kont tifel żgħir ħafna niftakarni narma l-artal u l-istatwi li kont naqla’. L-imħabba għall-knisja kibret miegħi aktar u aktar meta l-ġenituri tiegħi kienu daħħluni abbati. Sena minnhom anke għamilt il-priedka tal-Milied. In-nanna, li llum mejta, meta kont zgħir kienet teħodni magħha f’kappella fejn kont noqgħod u meta kbirt jien stess bdejt nieħu ħsiebha. Kont ngħin ħafna ukoll fil-knisja parrokkjali tar-raħal tiegħi. Jekk dan ix-xogħol ma jkunx ġo fik u ma tkunx tħobbu, tibda’ tagħmel l-affarijiet ta bilfors u n-nies tinduna li Knisja tkun mitluqa.

Għal Bro George il-ministeru ta’ sagristan jagħmel sens l-għaliex fil-Knisja jgħix Alla nnifsu fis-Sagrmament tal-artal. Għalhekk trid tinżamm dejjem bl-aħjar mod li tista’. Ġieli ssib lil xi ħadd li jgħid li dan huwa logħob bil-Knisja. Le mhux logħob ghax li tieħu ħsieb id-dar tal-Mulej, għalija hija l-isbaħ ħidma li qatt stajt ingħatajt. Wara kollox l-aktar ħaġa importanti hija li Ġesu jaf li dak li nagħmel qed nagħmlu b’sinċerita u bl-akbar imħabba lejH u lejn Ommu Marija li għaliha hi ddedikata l-Knisja tagħna.

Għal Bro George l-ministeru ta’ sagristan jressqu ħafna lejn Ġesù l-għaliex, u fi kliemu, bil-mod kif nipprepara l-Knisja għall-festi u li nżommha nadifa u sabiħa nkun qed ngħin lin-nies titlob aħjar.

Fil-ministeru tiegħu ta’ sagristan Bro. George issemmi fatt li ħalla marka kbira f’ħajtu.

Darba waħda waqt li kont il-knisja, ġiet persuna u talbitni xi ħaġa tal-ikel. Lanqas kellha x’tiekol. Għalhekk tlajt fil-kċina tal-kunvent u nizziltilha biċċa pizza li kellna ippreparata għal filgħaxija, flimkien ma’ frotta u flixkun luminata. Kif inzilt u tajtilha ħarset dritt f għajnejja, rringrazzjatni u qabzilha d-dmugħ. Dak il-ħin ħassejt li qed nara lil Ġesu’ quddiemmi. Hu stess qalilna li dak li nagħmlu ma min jinħtieġ l-għajnuna tagħna nkunu qed nagħmluh miegħu! Fraħt ħafna dakinnhar għax fil-verita flok għent jien lil din il-persuna kienet hi li għenet lili. Għenitni niltaqa’ mal-bniedem Ġesu li jinsab fil-faqar u fit-tbatija.

Bro George isib l-ispirazzjoni tiegħu li jżomm il-knisja pupilla f’San Franġisk. San Franġisk, fil-kitbiet tiegħu insibu li insista li dak li jmiss mal-artal għandu jkun mill-ifjen u nadif għax fih jilqa l-Gisem u Demm tal-Mulej fis-Sagrifiċċju tal-quddiesa.

Dan hu l-messaġġ li jgħaddi Bro George lil kull min hu sagristan: Ħobbu dan ix-xogħol b qalbkom kollha u ibżgħu għalih. Hu wisq prezzjuż. Ħudu ħsieb il-knejjes aqwa mid-djar tagħkom għax fihom jgħammar il-Mulej. Żommuhom indaf u sbieħ u għinu n-nies iżommu aktar is-skiet u l-ġabra fil-knisja.

Dwar il-ħajja ikkonsagrata lill-Mulej Bro George jgħid hekk: Kemm hi sabiħa l-ħajja konsagrata! Għalija hija l-isbaħ triq. Qabel dħalt fl-ordni kelli kollox bħal kulhadd imma l-ferħ li tagħtini din il-ħajja ma jagħtihuli ħadd. Il-patrijiet bil-professjoni jsiru ħutek. Magħhom taqsam il-ferħ u niket ta kuljum. Għalhekk int li qed tħoss f’qalbek lil Alla jsejjaħlek wieġbu b’ġenerozità u bla biza’ u tara kif ħajtek li tkun tajt lil Alla tkun sabiħa u f’għaqda diretta ma’ Ġesu.

Bro George jiġbor l-ministeru tiegħu ta’ sagristan f’din il-frażi: Vokazzjoni ta’ ferħ u ntimita ma’ Alla fit-tempju tiegħu.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.