Portijiet miftuħa mhux magħluqa!


Il-port. Il-portijiet. Kelma li, bħalissa, qiegħdha tintuża ħafna. U, tant kemm qed tintuża, li, meta issemmieha, qisu jkollok is-sensazzjoni li għandek lil min qed jara x’se tgħid. Biex jibda’ jgħid tiegħu u tibda’ tgħid tagħha. Sintendi! Fuq xi ħaġa li, abbli, ma tkunx għedtha! Intant…

Il-port. Dak l-ispazzju kenni fejn ikun hemm fih il-vapuri, id-dgħajjes u l-laneċ. Sintendi, magħmulin b’għan. Biex il-bniedem jivvjaġġa bihom. Minn post għall-ieħor. L-għaliex, fir-rispett tal-liġi u tal-ħniena umanitarja, kulħadd jista’ jivvjaġġa. Minn post għall-ieħor. Wara kollox anki jiena u int, li qiegħdin fuq l-art, mingħajr ilma taħtna imma tarmak u blat, ukoll qiegħdin fi vjaġġ. Dak il-vjaġġ li bdejnieh meta ġejna mnissla fi ġwief ommijietna. Meta konna ftit ċelloli. Imma, u anki f’dawk il-ftit ċelloli, konna diġà int int u jien jien. U dan il-vjaġġ bdejna nagħmluh. Bil-mod il-mod.

U kull vjaġġ jitlob bidu. Tluq. U hekk imbarkajna fuq id-dgħajsa tal-ħajja. U bdejna nbaħħru. S’issa, tul il-vjaġġ tagħna, iltqajna ma’ kull għamla ta’ ostakolu. Kellna jiem sbieħ u li ħadna gost bihom. U kien hemm mumenti fejn baħar il-ħajja għamlilna ftit tad-deni mhux ħażin. U, imnalla sibna port miftuħ biex fih stajna nidħlu ħa nistennu. Imma x’port hu dan li qed nitħaddtu fuqu?

Il-port, bħalma għedna, huwa l-kenn. Il-post fejn nistgħtu nistkennu mix-xmux u l-irjieħ qawwija tal-baħar tal-ħajja. Il-port kienet dik il-persuna li ftaħna qalbna magħha. Waqt li konna f’dak it-tieġ. Hemm arahom! Dawk marru jixorbu! U aħna, spiċċajna waħedna magħha. U, proprju f’dak il-waqt, sibna ċ-ċans li ntarrfu kelma ħa nieħdu kuraġġ! U, għall-grazzja tal-Mulej, l-Imgħallem aqta’ kemm semagħna! L-għaliex, dik il-persuna, voluntarja, mingħajr ħlas, qagħdet tisma’ lili u lilek. U, qagħdet tismagħna l-għaliex ħasset għalina. Iva! Għalina, li, ftit qabel, konna għadna kemm qlajna xebgħa baħar issemmix! Baħar ta’ problemi. Diffikultajiet. Inċertezzi. Imma bilfors ħbieb dawn ikollna ngħaddu minnhom! L-għaliex, int u jien, fi vjaġġ qiegħdin. Sew jekk din naqblu magħha u sew jekk le. Forsi l-aqwa argument li juri kemm dan hu veru hu li lkoll inħossu t-toqol tal-ħajja!

Kemm hu sabiħ li nkunu port għal xulxin hux! Aħna li qiegħdin ngħixu fuq l-art! Forsi huwa ħafna aktar faċli li niftħu l-portijiet tagħna għal min qiegħed fiżikament fuq il-baħar. Jaqsam. Xi ħaġa li d-dinjità tal-persuna umana, is-solidarjetà u, għal min jemmen, il-fidi Nisranija, żgur li tinkoraġġina nagħmlu f’kull ċirkustanza. Kull ħajja, anki dik fuq il-baħar, tibqa’ għażiża! U prezzjuża!

Imma ħbieb kemm hu faċli li nkunu akkaniti biss għal dan it-tip ta’ salvataġġ li, bħalissa, għandu l-coverage tal-midja dinjija u nwarrbu, ħelu ħelu u qisu mhu qed jiġri xejn, tip ieħor ta’ salvataġġ importantissimu. Tip ieħor ta’ kif nistgħu nsalvaw ħajja. Tip ieħor ta’ kif nistgħu ngħixu dak li jgħidilna Ġesù: Kont barrani u lqajtuni (Mt 25:35).

U issa, b’għajnejna f’ta’ Ġesù, li jaqrana, kemm hi kiefra hux li nies, li jħokku magħna, fil-familji, fil-komunitajiet, fis-soċjetà u fil-Knisja stess, huma meqjusa u ittratti ta’ barranin! Meta dawn in-nies għandhom jiġu ittratti ta’ ġewwa! X’kontradizzjoni grassa hi dik li, filwaqt li naraw lil min se nsalvaw ‘il barra minn xtutna, fuq ‘il baħar, qed ninsew lil dawk li jgħixu magħna! Fi djarna stess!

L-esperjenza tiegħi fis-swali, u, fuq kollox, fil-kurituri u fir-restaurant tal-isptar il-ħin kollu turini dan! Kemm hawn nies li għandhom bżonn min jismagħhom ftit! Min juriehom qalb! Min iħoss għalihom. U mhux biex janalizzahom u mbagħad jiġġudikahom u jarmiehom! Kemm hawn bżonn min jagħtihom idejh. Ħa jimxi magħhom. Kemm hi faċli li nkun strateġist u strateġista. Kemm hi faċli li nkun naf inpoġġi d-diskors kif għandi npoġġih. U kemm hu faċli ngħid x’għandu u x’ma għandux isir. Imma, u safejn naf jien, mhux dan hu l-passaport biex nidħol fil-ħajja ta’ Kristu! U, wisq anqas, fil-ħajja ta’ dejjem li tibda’ minn din id-dinja stess.

Ġesù darba qal: Il-foqra dejjem issibuhom magħkom (Ġw 12:8). Hemm arahom il-foqra fejnhom! Il-foqra li jilbsu pulit. Li għandhom l-aqwa karozza u li jmorru jieklu barra fil-weekend. Il-foqra li jfuħu bid-deodorant li jitfgħu fuqhom. Imma issa nistiednek tħares lejn għajnejhom. Arahom kif inhuma miksurin! Tgħidlix għax tort tagħhom l-għaliex ikolli ngħidlek li qalbek ingħalqet. Min qed jippromovi lil dawn il-foqra siekta li għandna jħokku magħna? Min qed joffrilhom is-salvataġġ? Mela li għandek sempliċiment saqaf taħt xiex torqod hu biżżejjed? Mela li ddaħħal il-paga fl-aħħar tax-xahar ħa jkollok xi tħallas u x’tonfoq hi dak li għandek bżonn biex tgħix tassew?

Personalment naraha ħafna profetika għad-dinja tallum u ta’ pajjiżna dak li qalet Santa Tereża ta’ Kalkutta: “L-akbar marda fil-Punent illum m’hijiex t-TB jew il-lebbra. Hi meta ma tkunx milqugħa, maħbuba u ħadd ma jieħu ħsiebek. Nistgħu nikkuraw il-mard fiżiku bil-mediċina imma l-unika mediċina għas-solitudni, għad-disperazzjoni u għall-għejbien tat-tama hi l-imħabba. Hawn ħafna fid-dinja li qed imutu għall-biċċa ħobż imma hawn ħafna li qed imutu għal ftit imħabba. Il-faqar fil-Punent hu għamla differenti ta’ faqar – mhux biss faqar ta’ solitudni imma wkoll ta’ spiritwalità. Hawn ġuħ għall-imħabba, bħalma hawn ġuħ għall-Mulej”.

Dan id-diskors mhux ħarba mir-rejaltà imma għaddsa tajba fir-rejaltà! Il-barrani mhux biss dak li jiġi minn barra pajjiżna. Il-barrani qiegħed ukoll fostna. Iħokk magħna. Tal-familja! Dawk li jgħixu, jiddevertu u jaħdmu magħna! Li jitolbu u jaħdmu għas-Salnta ta’ Alla magħna! Għalhekk nagħmlu tajjeb li naraw ir-rejaltà kollha. Hekk inkunu bnedmin sħaħ u mhux zopop. Mela ejja niftaħ il-port tiegħi u int iftaħ il-port tiegħek, jiġifieri qalbna, għal xulxin! Qlub miftuħa għal xulxin hi t-tweġiba. Mela, portijiet miftuħa mhux magħluqa!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.