Qiegħdin fis-sajf. Fl-istaġun tal-baħar. Mela ejja ħa mmorru ħa nagħmlu ċuffa ħi! U, u issa ejja nitħaddtu ta’ irġiel u nisa li aħna, ma xiex se tibdlu l-baħar ta’ Malta?
Oh! Kemm hu sabiħ! Mela, aktar milli ħa noqgħod nintefaħ u nitkabbar qisni l-baħar ħlaqtu jien, aħjar indur lejk O Mulej u ngħidlek, bis-sinċerità kollha: Grazzi Mulej! Kemm inti kbir! Kemm tħobbha lil din it-tikka ta’ art! Lil din il-biċċa ġebla f’nofs il-Mediterran u f’nofs id-dinja! Amen! Halleluiah!
Għall-erwieħ jaħasra! Wara din it-talba issa nista’ iva nfendi kelma minn ġo qalbi għall-qalbkom għeżież ħbieb tiegħi! U, nimmaġinak tgħidli: Illum biex ħiereġ Patri? Xejn sieħbi għajr bl-istorja li għandha x’taqsam mal-baħar. Jiġifieri dik tal-musmar f’widinti! Ommi Mà! Issemmihiliex! Imma le ħija! Oħti! Għax, jekk jien tassew inħobbok u nirrispettak, ma nistax ma nkellmekx xi naqa’ fuqha! Għax din, ‘proprju’ (biex nuża’ kelma li jħobb juża’ predikatur), hi marbuta mal-baħar mhux ħażin.
Niftakarni teenager. Insomma. F’dik l-età fejn iż-żgħażagħ tagħna jibdew juru l-muskoli inkella itektku bit-tkaken u jindilku xi naqra iżjed. Nifimhom tafux! Issa m’għadhomx tfal! U, allura, xi ħoss iridu jagħmlu. Imqar jibgħatu xi sinjal lilna l-kbar biex nieqfu nittrattawhom ta’ trabi bil-ħarqa. Ikella ta’ tfal bit-titti jew bil-gażaża. Intant. Niftakar qisu issa, mort ngħum. Dik il-ħabta kont ngħum daqs Turu Rizzu. Kemm kont għomt dakkinnhar! U, daqskemm għomt, fettilli niftakar fil-lezzjoni ħelwa li, l-għażiż missieri, kien tani meta għallimni ngħum f’bajja li, f’dawk iż-żminijiet, jekk imqar tazzarda tmur l’hemm, mill-ewwel kienu jittimbrawk: Iii! X’għarukaża! Kemm int nemmies u nemmiesa!
Mela, f’dak il-jum, fettilli nistrieħ fuq li nistrieħ fil-baħar. Kemm ħadt gost! F’dik ix-xemx sabiħa, sajfija, ta’ wara nofsinnhar. Ma’ dawk it-tfal. Fil-bajja kbira fit-tramuntata ta’ Malta. (Ipprova aqta’ fejn). U, tant kemm ħadt pjaċir, li nsejt id-dinja! Hekk. Mistrieħ fil-baħar u nħares lejn dak is-sema sabiħ. Kaħlani. Is-sema tal-ħamsa ta’ wara nofsinnhar.
X’ħin sar il-ħin tlajna mill-baħar. Inxifna. Ilbisna. Ġiet il-private. U, morna d-dar. Bħas-soltu wasalt u għamilt il-borma fuq in-nar biex jisħon l-ilma. Inħsilt. U nżilt, irrankat, ħa niekol biċċa laħam, bil-patata, b’bajda, b’tadama u, sintendi, b’dik in-naqra tewma tajba tajba moqlijin. Imma ħej x’ħin ftaħt ħalqi biex niekol (jew aħjar nibla’) dak li kelli quddiemi, mill-ewwel ħassejt l-uġiegħ! Oqqow! U uġiegħ tafux! Ma stajtx niekol aktar! U x’niekol niekol! Kważi bdejt nibki bl-uġiegħ!
Mela x’kien ġara? L-għażiża ommi, ta’ tabib la ċertifikat li hi, mill-ewwel intebħet. Għalhekk qaltli: Għada immorru għand it-tabib! L-uġiegħ fil-widnejn tassew iġennek ħbieb! Għax ma tkun tista’ tara xejn quddiemek. Tafu li lanqas Il segreto del Sahara (Is-sigriet tas-Saħħara), ma stajt nara fuq RAI UNO? B’xejn ma stajt inderri! Għax ħi l-uġiegħ fil-widnejn aqta’ kemm hu inkreppativ! Għalhekk qattajt dak il-jum u l-lejl fil-ġnien taż-żebbuġ. Nikbi fis-skiet (biex ma nqajjimx lil ħija miskin li l-għada ried iqum għal jum xogħol tal-beati Pawli) u nsewwed qalbi bid-dwejjaq tas-sitwazzjoni. X’waħdadin! Xi pressjoni kelli f’widinti! U kemm kienet tagħli!
Mela l-għada morna għand it-tabib. U dan, wara li tturmbjali sewwa bit-torċ li kellu lenbut żgħir iswed, biex jara sewwa t-tambur tal-ispeaker tal-laħam, qalli: Infammazzjoni. Għandek dawn l-antibijotiċi. Waħda filgħodu u l-oħra filgħaxija. Kull xi ħaġa qabel toħodhom. Imbagħad, wara li naddafli sewwa widinti, għamilli l-garża, u qal lil ommi: Issa ġibu ġimgħa oħra ħa neħħiehlu. Ma laħqitx għaddiet ġimgħa meta ommi ħadietni dritt għandu. U, meta qalgħali l-garża din kienet imċapsa b’xi ħaġa bajda u safra. Bil-materja.
Għall-erwieħ! Kemm striħajt! Huwa dik li ma tistax titkellem, tidħak, tixrob, u, sintendi, tiekol, kiefra ħbieb! Dak l-uġiegħ, li dejjem itektek, emmnuni li ma flaħtux! Daqskemm ma nifilħux is-suppervja ħuti! Jew, dik li ngħidulha, is-self-righteousness! Dik li ma tistax tgħidli kelma għax nibilgħek! Għax ċert u ċerta li jien qaddis u qaddisa! Jaqq! U din, ħafna drabi, ma tiġix minn Marì jew Żeppu tafux. Li, jgħixu b’mod sempliċi mal-familja tagħhom. Le! Din tiġi mit-tali u t-talija. Minn dawk li jilbsu pulit! Ifuħu. Tal-make up u tax-xahar dejjem issettjat. Tal-ħafna fwieħa! Alla ħares tgħidlu jew tgħidilha kelma! Jibilgħuk! U anki xi messaġġ iebes fil-mobile kapaċi jibgħatulek. U jakkużawk għalxejn. Għax, ħija, u oħti, int il-ħażin, il-ħażina. Mhux huma. Għax huma għandhom xi hotline mal-ġenna. U int, tal-ħabba gozz!
Ejja ma ndaħħqux! Mintix tinduna Miss u Mr li ruħek għandha musmar f’widintha! Jaqaw qatt ma ħarist lejn il-mera. Hemm! Ħarstek dejjem imdejqa! Għax min kapaċi jidħak jarah lill-Mulej. Min kapaċi tumilja ruħha u ma teħilx u tagħmel storja ma’ kull kelma li jgħidulha, qed tikber vera fil-Mulej. Mela mur għand it-tabib ħi ħa jagħtik l-antibiotiku kontra l-infjammazzjoni tas-suppervja li jisimha umiltà. U tfiq!
Ħallihom jgħidulek li jridu. L-importanti kif jarak il-Mulej u mhux in-nies! Jekk dejjem ma tridx li tgħix b’musmar f’widnet ruħek il-ħin kollu!