Is-cyanide pill


Dan l-aħħar kont qed nara xi dokumentarji online dwar in-Nażisti fl-aħħar gwerra dinjija. U, f’wieħed minnhom, issemmiet is-cyanide pill. X’inhi eżattament din il-pill? U l-għaliex kienet tittieħed? Min kien jiblagħha?

Ic-cyanide pill jew, kif inhi magħrufa aħjar, bħala d-Death-pill, kienet kapsula jew tablet li fiha kellha sustanza valenuża. Min kien joħodha kien jagħmel suwiċidju f’qasir żmien. L-istorja tgħidilna li din it-tip ta’ pillola kienet titqassam minn organizzazzjonijiet militari u ta’ spjunaġġ bil-għan li l-aġenti tagħhom, meta jkunu fil-periklu li jiġu maqbuda mill-għadu, jibilgħuha u hekk kienu jevitaw mewta imminenti u krudili, bħalma kienet it-tortura. B’hekk, is-cyanide kienet teħlishom minn interrogazzjoni imsieħba minn tortura tal-biża’.

Mal-pilloli letali bħas-cyanide hemm marbuta valur psikoloġiku importanti għan-nies li kienu jġorruhom fuqhom waqt li kienu qiegħdin iwettqu missjonijiet b’riskju kbir li kienu jinqabdu u jiġu interrogati. Jeżiżtu għadd ta’ eżempji fl-istorja ta’ persuni li belgħu s-cyanide biex jaħarbu mill-interrogazzjoni u t-tortura. Hekk, ngħidu aħna, is-sieħba ta’ Adolf Hilter, Eva Braun, flimkien ma’ numru ta’ mexxejja Nażisti bħal Heinrich Himmler, Hermann Göring, Philipp Bouhler u Martin Bormann, ikkommettew suwiċidju billi ħadu pilloli letali u li fihom kien hemm sustanza ta’ cyanide salts. X’ħasra hux meta bniedem itemm ħajtu b’dan il-mod! Kemm hi sabiħa l-ħajja tal-bniedem! Intant!

Mhux is-cyanide kollha hi ħażina. Fil-fatt, teżiżti tip ta’ cyanide pill li hija tajba. Issa din it-tip ta’ pillola ma ssibhiex fl-ispiżeriji. U lanqas joħolquha x-xjenzati. Din joħloqha biss ix-Xjenzat tax-xjenzati, Ġesù Kristu. Din il-pill għandha isem: Ġesù jiena nafda fik! Din il-kapsula tista’ tiblagħha billi titlobha. U meta titlobha? Proprju meta l-għadu, jiġifieri x-xitan u l-ispirti l-ħżiena tiegħu, jibdew jinterrogawk u jittorturawk bil-ħsibijiet. Mela x-xitan jinterrogana? U jittorturana? Jekk inħalluh iva! Jekk niddjalogaw miegħu hekk jagħmel! L-għaliex jobgħodna għall-mewt. U dan ngħidulek mill-esperjenza tiegħi ħija, oħti!

Għax ix-xitan ma jiflaħx jarana ferħanin lili u lilek! Ma jiflaħx jarana nifirħu! Hu qatt ma jista’ jifraħ aktar. Weħel mit-test tiegħu u allura issa, fid-dagħdiegħa infernali u dejjiema tiegħu, qed jara kif jagħmel biex ikabbar il-kumpanija tiegħu fl-infern. Ix-xitan jgħir għalik meta jarak tirnexxi fil-ħajja. Jgħir għalik meta tkun mimli u mimlija bl-imħabba. Hu mimli mibegħda. U kemm jinkedd meta jarak iddur lejn il-Mulej ħalli tħallih jibdillek ħajtek! Hu din qatt ma jista’ jagħmilha. Daqskemm hu supperv.

Għalhekk jibda’ jittorturak u jinterrogak b’dawn il-ħsibijiet velenużi tiegħu f’moħħok bħal: Dik taf għax qed tfaħħrek għax trid xi ħaġa minnek! Jew u int, raġel bħalek, li għamilt minn kollox f’ħajtek, kif issa ħa ddur lejn il-qrar u l-quddies! Ma tistħix! Inkella, hemm ara! Fejn hu t-talb li qed titlob. Għalxejn! Int trid tmur titlob meta int dnubietek waħdek? Jew, u din hi l-gidba tal-gideb tiegħu, int Alla qatt ma jista’ jaħfirlek daqskemm int raġel ħażin u mara ħażina! Biex ma nsemmux ukoll il-ħsieb faħxi, u int x’qed tagħmel ħaj u ħajja. Għax ma ttemmx ħajtek? Jew, int għall-infern. U l-istorja tkompli, tkompli, tkompli …

Għiduli intom ħbieb jew dawk il-ħsibijiet humiex kollha velenu tax-xitan? Għiduli ftit jekk dawn il-ħsibijiet humiex kollha suwiċidali l-għaliex jippruvaw joqtlu l-ferħ ta’ Ġesù fina? Il-ħajja sabiħa li tana? Mela x’nagħmel f’dawn il-mumenti? Kif ħa noqtolhom dawn il-ħsibijiet? Irrepeti iva, kemm tiflaħ sakemm il-ħsieb jitlaq it-talba: ĠESÙ JIENA NAFDA FIK! U, meta tibla’ din ic-cyanide ta’ Ġesù tgħix int u jmut ix-xitan għax jaħrab minnek bil-ġiri! Hekk mhux talli ma ttihx ċans jisraqlek il-ferħ ta’ Ġesù fik talli int tesperjenza kemm Ġesù, aktar ma jafek, AKTAR JAFDAK! Għax veru jħobbok!

Kuraġġ! Idħol YOU TUBE u ittajpja l-Kurunella tal-Ħniena Divina. Agħfas l-ewwel clip ta’ Radju Marija u itlob din ic-cyanide ta’ Ġesù, li hi l-Kurunella. Biha Ġesù joqtollok il-biża’, is-sens ta’ ħtija, il-qtiegħ il-qalb, ir-rabja u l-ansjetà li joħloqlok ix-xitan. Hekk tibda’ tgħix ferħan u ferħana mill-ġdid! Din is-cyanide ħudha kuljum. Jekk tista’ fit-3.00 pm jew meta tista’.

Meta x-xitan ifakkrek fil-passat tiegħek fakkru fil-futur tiegħu bis-cyanide ta’ Ġesù!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.