It-tlugħ fis-sema ta’ Marija u l-Ewkaristija

Print Friendly, PDF & Email

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Il-Verġni Marija ma ratx it-taħsir tal-qabar u ttellgħet fis-sema bir-ruħ u l-ġisem. Il-persuna ta’ Marija li serviet bħala l-ewwel tabernaklu ewkaristiku kien xieraq li bħal binha Ġesù tqum mill-imwiet.

L-ewwel tabernaklu

Nagħtu ħarsa lejn il-Liturġija tal-Qari ta’ din il-festa u naraw kemm dan is-suġġett joħroġ ċar. Fl-ewwel qari tal-Quddiesa tal-Vġili nsibu r-rakkont ta’ meta David ħa b’mod solenni l-arka fil-post li waqqaf għaliha f’Ġerusalemm. Fl-arka kien hemm it-twavel li Alla ta lil Mosè bil-kmandamenti fuqhom, bieqja bil-manna u l-ħatar ta’ Arun. Bla dubju ta’ xejn dawn kienu ta’ importanza mill-akbar għall-poplu Lhudi.

Marija hija l-Arka tat-Testment il-Ġdid. Għal disa’ xhur hija ġarret f’ġufha lil Sidna Ġesù Kristu, li huwa aktar għażiż mill-ħwejjeġ tant għeżież li kellha fiha l-Arka tat-Testment il-Qadim. Fl-Evanġelju tal-Vġili nsibu t-tifħir lil Marija li waħda mara qalet lil Ġesù: “Waqt li Ġesù kien qiegħed ikellem lin-nies, kien hemm waħda mara li refgħet leħinha minn qalb il-folla u qaltlu: ‘Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!’” (Lq 11, 27).  U mbagħad fl-Evanġelju tal-jum insibu ż-Żjara ta’ Marija fid-dar ta’ Żakkarija u Eliżabbetta. Fil-vjaġġ tagħha minn Nażaret sa Għajn Karem, naraw l-ewwel purċissjoni ewkaristika. Fil-ġuf ta’ Marija kien hemm il-‘Verbum Dei’ jiġifieri Sidna Ġesù Kristu, it-tieni persuna tat-Trinità. Għalhekk Marija b’Ġesù f’gufha ġabet ferħ li ma jistax jitfisser fid-dar ta’ Żakkarija.

L-Ewkaristija rahan tal-ħajja ta’ dejjem

Hemm rabta mill-aktar intima bejn l-Ewkaristija u l-qawmien mill-imwiet. Dan jgħidu Sidna Ġesù Kristu stess: “Issa r-rieda ta’ min bagħatni hija din: li jiena ma nitlef xejn minn dak kollu li tani, iżda li nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Din hi tabilħaqq ir-rieda ta’ Missieri: li kull min jara lill-Iben u jemmen fih, ikollu l-ħajja ta’ dejjem u jien inqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum” (Ġw 6, 39-40). Hawnhekk Ġesù kien qiegħed jitkellem mill-Ewkaristija bħala rahan tal-ħajja ta’ dejjem.

Jekk min jirċievi l-Ewkaristija għandu din il-wegħda tassew kbira, kemm aktar Marija kien jixirqilha li tittella’ s-sema bir-ruħ u l-ġisem; hija serviet tal-ewwel tabernaklu għal Ġesù. Mhux biss serviet bħala l-ewwel tabernaklu,  rabbiet lil Ġesù, ħabbitu bi mħabba bla tarf, iżda kienet lesta li toffrih bħala sagrifiċċju fuq il-Kalvarju. Bi kliem li jqanqal San Ġwann Dammaxxenu jikteb:

Kien jeħtieġ li dik li fit-twelid ta’ Binha żammet bla mittiefsa xbubitha, wara mewtha żżomm bla mittiefes ġisimha. Kien jeħtieġ li dik li ġabet fi ħdanha bħala Binha lil dak li jista’ kollox, ikollha l-għamara tagħha ma’ Alla. Kien jeħtieġ li l-għarusa li l-Missier għażel għalih, tgħammar għal dejjem f’kamartu. Kien jeħtieġ li dik li rat lil Binha msallab, li dakinhar nifdilha qalbha s-sejf tan-niket li ma nifdilhiex fi twelidu, tarah ukoll fil-lemin tal-Missier. Kien jeħtieġ li l-Omm ta’ Alla jkollha dak kollu li hu ta’ Binha, u tkun meqjuma mill-ħlejjaq kollha bħala Omm Alla u qaddejja tiegħu.[1]

Marija mudell ta’ mħabba lejn l-Ewkaristija

Marija hija verament mudell ta’ fidi fl-Ewkaristija. Kieku ma kienx hekk ma kinitx ser tmur fuq il-Golgota u toffrih bħala sagrifiċċju għad-dnub tad-dinja. Hija kienet kontinwament timmedita l-persuna ta’ Ġesù. L-Evanġelju ta’ San Luqa jgħidilna: “Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (2,19).

Biex wieħed jersaq lejn l-Ewkaristija jrid ikun umli. U f’dan ir-rigward il-Verġni Marija hija mudell. Meta l-anġlu Gabriel stedinha biex issir Omm Alla hija laqgħet lil Sidna Ġesù Kristu b’umiltà liema bħalha tant li qaltu: “Hawn hija l-qaddejja tal-Mulej, ikunli skond kelmtek” (Lq 1,38). Hija baqgħet umli fir-relazzjoni tagħha ma’ Ġesù. Hija dejjem obdiet lil Alla anki f’ċirkustanzi li ma setgħetx tifhimhom. Għaliha Ġesù  kien teżor. Iżda hija għożżitu u ħabbitu skont kif riedha Alla. Jekk fit-tħabbira tal-Mulej naraw lil Marija tilqa’ b’fidi lil Ġesù fi ħdanha, fuq il-Kalvarju nerġgħu narawha tagħtih lura lil Alla.

 

Fl-Evanġelju tal-festa tal-Assunzjoni naraw lil Marija tara lil Ġesù wkoll fil-proxxmu. Hija ma tkabbritx li kienet ser issir Omm Alla, iżda marret għand Eliżabbetta biex tgħinha fil-qadi tal-ħajja ta’ kuljum. Quddiem il-misteru tal-Inkarnazzjoni ma tkabbritx, ħaġa li tista’ tiġri fil-ħajja spiritwali,  hekk li San Ġwann tas-Salib jitkellem mis-suppervja spiritwali.

Lejn il-qawmien

Dawk l-għeġubijiet kbar li għamel Alla ma’ Marija, jagħmilhom ukoll magħna naturalment bi grad anqas. Nirriflettu ftit. Jekk Alla ma ħalliex lil Marija tiċċappas bid-dnub oriġinali, lilna jagħtina l-grazzja tal-magħmudija li taħfrilna d-dnub tan-nisel. Jekk Alla ta l-grazzja li Marija ssir l-Arka tat-Testment il-Ġdid, jistieden ukoll lilna biex nirċievu lil Ġesù Ewkaristija. U jekk Alla qajjem lil Marija mill-mewt bir-ruħ u l-ġisem, lilna wkoll qiegħed iwegħidna l-ħajja ta’ dejjem jekk immutu fil-grazzja ta’ Alla u l-qawmien mill-imwiet b’ġisem glorjuż fl-aħħar jum.

Santu Wistin jgħidilna: “Dak li ħalqek mingħajrek ma jsalvakx mingħajrek”. U għalhekk f’din il-festa nġibu quddiem għajnejna lil Marija mtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem fil-glorja tas-sema.  Niftakru kemm Alla   jridna nimxu fuq il-passi tagħha billi nħobbu aktar lil Kristu, biex naslu f’Ġerusalemm tas-sema.

Ma nistgħux inħobbu lil Kristu mingħajr il-fidi u l-umiltà. Infatti meta nersqu għat-tqarbin ma naraw xejn ħlief  ostja u ma nħossu xejn. Iżda l-fidi u l-umiltà jgħinuna nemmnu dak li ma narawx.

Nistgħu nitmitaw lil Marija fl-imħabba tagħha lejn Ġesù billi nitqarbnu aktar bi mħabba lejh, filwaqt li nagħmlu ftit tar-ringrazzjament wara. Ma ninsewx li l-Ewkaristija hija tant kbira li tlaqqagħna mal-istess Ġesù li kien hemm fil-ġuf ta’ Marija, u li twieled u kiber sakemm mar għall-passjoni minħabba fina.

U fuq kollox inkunu nħobbu lil Ġesù meta nagħmlu karità mal-proxxmu kif għamlet Marija meta marret għand Eliżabbetta.

[1] Ara Papa Piju XII,  Kostituzzjoni Appostolika Munificentissimus Deus (1 ta’ Novembru 1950): AAS 42 (1950) 760-769.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading