Inħarsu lejn is-Sema


Kitba ta’ Angelo Xuereb

Fil-15 ta’ Awwissu l-Knisja tiċċelebra t-tlugħ fis-sema tal-Verġni Marija. Ser nispjega kif din il-festa għandha tfakkarna fil-valuri spiritwali.

It-tlugħ fis-sema jħeġġigna għall-valuri spiritwali

Jekk naraw l-arti sagri tat-tlugħ fis-sema ta’ Marija naraw lil Marija ‘l fuq fis-sema u l-appostli fejn il-qabar iħarsu lejha. Dan jgħallimna li n-nisrani jrid iħares ‘il fuq jiġifieri l-interess tiegħu ma jkunux fi ħwejjeġ materjali biss iżda wkoll spiritwali.

Dan narawh minn din it-talba fil-Liturġija tas-Sigħat tal-15 ta’ Awwisu fit-Tifħir ta’ Sbieħ il-jum: “O  Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int tellajt fil-glorja tas-sema, bir-ruħ u l-ġisem, lill-Verġni Marija, Omm Ibnek; agħmel li ħsibijietna jkunu dejjem fil-ħwejjeġ tas-sema, biex jistħoqqilna sehem magħha fil-glorja li tajtha.”

L-interess spiritwali għandu jkun ta’ kuljum. Proverbju Taljan jgħidilna: “Quando non posso piu ricorro al buon Ġesù” jiġifieri meta ma għandix triq oħra nirrikorri għand it-twajjeb Ġesù. Il-parir ta’ dan il-proverbju huwa aħjar milli wieħed jaqa’ fid-disperazzjoni meta jaqta’ qalbu minn kollox. Iżda l-interess fil-ħwejjeġ spiritwali għandu jkun dejjem u ta’ kuljum.

Qegħdin ngħixu mgħaġġla u għalhekk biex titlob trid tagħmel sforz ħalli issib il-ħin. Għalhekk sewwa li nsibu ftit ħin matul il-jum u niftakru f’Alla tant twajjeb li ħalaqna u li qiegħed iżommna ħajjin. Jekk jiġu mumenti fuqna li ninsew nitolbu ma għandniex naqtgħu qalbna. Huwa faċli li taqa’ fl-iżball iżda hija ħaġa ħażina li tippersisti fih u tkun rassenjat li ma tista’ tagħmel xejn. Ma għandniex ninsew li t-talb huwa katina li jgħaqqadna ma’Alla.

F’din il-ħajja rridu nitgħallmu nħarsu ‘l fuq jiġifieri lejn il-ħajja eterna. U proprju t-talb u l-konverżjoni kontinwa jgħinuna biex nerfgħu ħsibijietna lejn Alla. Huwa biss jista’ jissodisfa l-qalb tagħna kif jgħidilna Santu Wistin li qalbna ma ssibx mistrieħ jekk mhux fih. Dan nistgħu narawh mill-Assunzjoni ta’ Marija fis-sema. Jekk inġibu quddiem għajnejna l-kwadru tal-Madonna ta’ Pinu b’Marija mdawra mill-anġli naraw li s-sema hija d-destinazzjoni finali tagħna. Mhux ta’ b’xejn li l-qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard kien iħobb jgħid li jekk wieħed ikun qata’ qalbu minn kollox u minn kulħadd għandu jmur jagħmel żjara fis-Santwarju ta’ Pinu u hemmhekk isib il-faraġ li għandu bżonn.

2  Alla jridna nagħmlu d-dmirijiet tagħna

Il-ħsieb tal-ħajja ta’ dejjem ma jfissirx li ma għandniex naħdmu biex intejbu l-qagħda tagħna. Anzi proverbju Malti jgħidilna “Għin ruħek biex Alla jgħinek”. Veru li l-providenza ta’ Alla qiegħda hemm iżda aħna rridu nagħmlu l-parti tagħna. Il-ħsieb tal-ħajja eterna ma għandux jiskuraġġina milli nibnu dinja aħjar. Il-Knisja qatt ma faħħret il-miżerja anzi jekk inħarsu lejn l-istorja tagħha naraw kemm għamlet biex itaffi l-faqar minn fost il-popli.

Biex inkunu eżatti jkun xieraq li nsemmu li jkun żball ukoll jekk naħsbu kontinwament fuq il-ħajja ta’ dejjem u temi spiritwali filwaqt li nittraskuraw id-dmirijiet tagħna fl-istat tal-ħajja tagħna. Infatti San Benedittu ried li l-monaċi tiegħu jaħdmu u jitolbu. Anki fi żminijietna dawk il-persuni li jgħixu ħajja kontemplattiva mhux biss jitolbu iżda jaħdmu wkoll.

Biex insaħħu dan il-punt inħarsu lejn il-ħajja tal-Verġni Marija. Hija kellha relazzjoni mill-aktar qawwija fit-talb iżda kienet tagħmel id-dmirijiet tagħha ta’ kuljum. U kellha tħabbat wiċċha mal-problemi tal-ħajja ta’ kuljum. Biżżejjed li ngħidu li kellha flimkien ma’ San Ġużepp tmur Betlem biex tobdi l-ordni ta’ Ċesri li ordna ċ-ċensiment. Kellhom immorru flimkien b’Ġesù magħhom lejn l-Eġittu fejn kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ bosta diffikultajiet. Barra minn hekk Marija kellha tgħix fis-satra tagħmel il-ħwejjeġ ordinarji ta’ kuljum bħal tisjir u tindif tad-dar. Iżda hija għamlitu “Bi Kristu, fi Kristu u ma’ Kristu” u għalhekk hija stħaqqilha li tittella’ mill-anġli fis-sema.

Nirriflettu ftit x’ser tkun il-kisba tagħna tagħna jekk ngħollu ħsijietna lejn is-sema. Nagħmluha ċara li mhijiex ser issir maġija jiġifieri kollox jissolva b’mod awtomatiku, il-ħajja ssir faċli u ma jkollna problemi ta’ xejn. Min jaħseb hekk żgur mhux ser issib dawn l-affarijiet f’din id-dinja. Iżda min ikun qrib ta’ Ġesù u Marija ser issib il-paċi tal-qalb fost l-inkwiet ta’ din il-ħajja.

3  Lejn il-qawmien

Din il-paċi lanqas ma hija xi ħaġa psikoloġika biss  li tagħtik ċerta konfort iżda mbagħad ma ssib xejn. Il-paċi li Ġesù jagħtina f’din il-ħajja hija preludju tal-paċi tas-sema. Il-mixja spiritwali li għandha l-bażi tagħha fil-magħmudija għandha twassalna lejn il-qawmien. Hekk nitolbu fit-talba ta’ wara t-tqarbin  fil-quddiesa tal-jum tat-Tlugħ fis-sema ta’ Marija: “Tqarbinna, Mulej, bis-sagrament tas-salvazzjoni tagħna; agħtina l-għajnuna tat-talb tal-Verġni mqaddsa Marija mtellgħa fis-sema, ħalli naslu fil-glorja tal-qawmien għall-ħajja. Bi Kristu Sidna.”

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.