Kelma b’lura


Kont qiegħed bil-qiegħda fir-restorant. Tal-Isptar. Għall-kwiet. Nieħu belgħa kafè. Għodu għodu. Biex niġi ftit f’tiegħi. Meta, f’daqqa waħda, nisma’ min jgħidli: Jimporta Patri npoġġi ftit ħdejk jekk jogħġbok? Dort lejha u, dlonk, weġibtha: Mela le oħt! Poġġi!

Nifimha ħbieb! U mela hemm tiegħi x’kull waħda tnejn? Anzi! L-għaliex hemm mhux tiegħi hi l-hena tiegħi li jkolli n-nies madwari! Li jiġu bilqiegħdha ħdejja. Ħa jkellmuni. Nismagħhom. U, bħas-soltu, jispiċċaw jgħallmuni u jgħallmuni bil-bosta!

Insomma! Ma laħqux għaddew wisq sekondi li ma bdejniex parlata. Kelma iġġib lill-oħra u d-diskors beda jinfetaħ. U jisbieħ! Eżattament bħall-fjuri. Petala wara l-oħra! Kemm tħaddittna ħej f’dik il-għodwa. U, dejjem imseħbin mill-kumpanija tant sabiħa tal-kafè. Dak importanti ħbieb! L-għaliex, u nerġa’ ngħidha l-għaliex ngħixha (mela intuli li naħbiha) mingħajru, ma nirraġunawx għodu għodu! Kmieni kmieni! Mela, f’daqqa waħda, din il-mara daret lejja u qaltli: Isma’ Patri! Xi tfisser il-kelma talb b’lura? Għall-ewwel ma fihmthiex. Forsi l-għaliex ma fhimtx eżatt x’kienet qed tfisser dak li qaltli. (Anki jekk forsi għalik, li qed taqra dawn il-ħsibijiet, jaf li din is-sentenza hi ċara kristall għalik). Għalhekk, wara li smajtha, weġibtha bis-sinċerità kollha: Ma fhimtekx oħt. Jimporta tfissirli ftit jekk jogħġbok?

U hi, bis-sempliċità kollha ta’ mara tal-familja u omm, qatli: It-talb isir blat! Tajba din! Tafu li qatt ma kont smajtha qabel din is-sentenza? It-talb isir blat! Għoġbitni! Tajba din! weġibtha, hekk kif moħħi ikklikkjali u ġabni fiha. Mela t-talb hu marbut mal-blat! L-għaliex, u tassew, it-talb għandu l-qawwa li jkisser il-blat. Għax, jekk jiena u int tabilħaqq nemmnu, it-talb jagħmilna qawwija daqs il-blat.

U quddiem jagħmilna daqshekk qawwija? Mhux ovvja li jagħmilna hekk quddiem l-għadu ta’ ruħna? Dak l-għadu li hu komuni għalija u għalik? U mhux għalhekk li San Ġakbu jgħidilna fl-Ittra tiegħu: Mela oqogħdu għar-rieda ta’ Alla. Ieqfu lix-xitan, u hu jaħrab minnkom (Ġak 4:7). Għax x’inhu l-veru talb jekk mhux dak li nagħmel ir-rieda tal-Missier għalija? U mhux minn hekk li jista’ l-Missier jagħrafni li jiena ibnu u bintu? U mhux b’hekk biss li jien nista’ nirċievi dik il-qawwa li ħejja għalija biex lill-problemi, minflok li nħalliehom ikissruni, nidħak bihom l-għaliex naf li, bl-Ispirtu s-Santu fija, jiena se nirbħilhom? U se nimxi fuqhom?

Anki Ġesù jgħidilna, mingħajr tlaqliq ta’ xejn, li huwa t-talb li lilna joħroġna rebbieħa fuq it-tentazzjoni. Jgħidilna: Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib (Mt 26:41). Minn naħa tiegħu San Pietru, fl-Ewwel Ittra tiegħu, jerġa’ jfakkarna fuq din ir-rejaltà importantissima meta jurina kif għandna nġibu ruħna meta x-xitan jipprova jwaqqagħna fil-ħażen. Iqfulu, sħaħ fil-fidi. Intom tafu li ħutkom, mxerrdin fid-dinja, qegħdin jaqsmu magħkom l-istess tbatijiet tagħkom (1 Pt 5:9).

Is-Salm 107 jfakkarna li, jkollna kemm ikollna problemi fil-ħajja, u iebsa kemm dawn ikunu iebsa, jekk nitolbu l-Mulej żgur li jaħdem f’dawn is-sitwazzjonijiet li, għalina l-bnedmin, jidhru impossibbli li jissolvew. Jgħidilna dan is-Salm: Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom. U bidel ir-riefnu f’żiffa, u sikket mewġ il-baħar. Huma ferħu għax ibbnazza; u hu wassalhom sal-port li xtaqu. (Salm 107:28-30). X’qawwa fih dan is-Salm hux! Bit-talb ir-riefnu jinbidel f’żiffa! U l-imwieġ tal-baħar jiġu msikkta! Imbagħad, bir-raġun, li nemmnu fil-Mulej. Nemmnu fih l-għaliex narawh jaħdem, quddiem għajnejna, b’dan il-mod tal-għaġeb. U allura, meta naraw dan kollu, kif tridna ma nifirħux? L-aktar meta jħoll il-kobba mħabbla u jsib is-soluzzjoni ta’ kollox Hu?
Minn naħa l-oħra t-talb mhux biss ikisser il-blat żonqri tas-sitwazzjonijiet iebsa li magħhom jkollna nħabbtu wiċċna ta’ kuljum u ta’ kull ħin, imma, kif qalli wieħed raġel, jagħmel lilna blata. Il-vers li jfakkarni f’din ir-rejaltà huwa dak meħud mis-sitt kapitlu tal-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin. Hawnhekk, San Pawl jgħid: Itolbu dejjem fl-Ispirtu, b’kull xorta ta’ talb u f’kull ħtieġa, ishru fih bla ma tieqfu, u itolbu għall-ħtiġiet tal-qaddisin kollha (Efes 6:18).

Spirtu s-Santu, imlini bil-qawwa tiegħek ħa naffaċċja l-ħajja bik fija. Amen.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.