Ħdejn is-supermarket


Waqt wieħed mix-shifts maratona li kelli fl-Isptar dan l-aħħar, waqt li kont qed nieħu kafè għall-kwiet biex nistrieħ ftit mit-tbatija tax-xogħol fl-Isptar, l-Imgħallem ilaqqagħni ma’ raġel.

U, waqt li kont qed nieħu boqqa kafè, dan ir-raġel, ħerqan ħerqan, qalli: Patri! Tagħmilli pjaċir? Emmnuni ħbieb imma meta nisma’ din it-tip ta’ talba dejjem inwaqqaf par widnejn daqshiex. U hekk inkabbarhom aktar milli huma diġà kbar. Għax, l-Imgħallem, Dak li jħobb lin-nies għax jimxi magħhom, jgħallimni biex fejn nista’ ngħin, ngħin. Imma jgħallimni wkoll li mhux kulma niġi mitlub nista’ nagħmlu. Mela, tini melħek Ġesù ħi! Amen!

Għidli sieħbi, weġibtu. Patri! weġibni r-raġel. Se jkollna t-tberik tal-annimali ħdejn it-tali supermarket. Tiġi tberikhomlna? Dlonk weġibtu: Meta sieħbi? U r-raġel, pront pront, qalli: Fit-tali data. Ħadt gost li semmihieli dik id-data. Dan l-għaliex fiha stajt naqdih. Iva ħabib. Niġi! weġibtu bit-tbissima.

Kemm feraħ dan ir-raġel! U nifhmu! Għax aħna s-saċerdoti u l-patrijiet għalhekk qiegħdin! Biex naqdukom! U mhux biex nixxaħxu. U nkunu komdi aħna. Almenu s-sigħat li ma jispiċċaw qatt li l-Mulej jagħtini grazzja li nwettaq fl-Isptar dan hu li kontinwament jgħallem lili u lil sħabi l-oħra l-patrijiet li, b’tant imħabba u dedikazzjoni, qiegħdin jagħtukom servizz qalbieni u sieket tagħhom.

Il-jum wasal. U t-tali, ta’ raġel li hu, ġie għalija. Imma ħej ġie naqra kmieni! Patri li qed jikber biż-żmien u li għandu slow puncture f’saħħtu, għalkemm jirringrazzja l-Mulej li għaddej jaqdef ġmielu, trid tagħtih mqar naqra ħin miskin. Biex jiġi f’tiegħu. Intant. X’ħin ħadt il-ħin tiegħi nżilt. Iltqajna. U aqta’ kemm fraħna b’xulxin! Għax meta jkun hemm qalb tajba, dik il-qalb li għallmuna li għandu jkollna l-għeżież ġenituri tagħna fil-familja, aqta’ kemm ikun hemm fejqan sieħbi!

Morna ħdejn it-tali supermaket. X’ħin wasalt u rajt dak il-biċċa ta’ supermarket daqshiex bqajt imbellaħ. Possibbli Malta qiegħed? bdejt nirraġuna. X’passi ta’ ġgant għamel pajjiżna minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija l’hawn hux! U, f’dan ir-rigward, intbaħt b’ħaġa oħra wkoll. Kemm kien hemm nies deħlin jixtru! Il-karozzi ma waqfux deħlin vojta u ħerġin mimlija affarijiet tax-xiri. Alla jbierek!

Wara ftit wasal il-mument tant mistenni. Hemm kienu ħutna. Għax hekk irrid insejħilhom jekk jien Franġiskan. Imma, u qabel kollox, għax jien bniedem. L-annimali veru ħutna ħbieb! Inħobbuhom. Rajthom kollha. Skjerati. Wieħed wara l-ieħor. Rajt klieb ta’ kull xorta. Minn donnu ġolf. U minn petitu petitu. Jew petita petita. Rajt ukoll iż-żwiemel. Bojod, suwed, griżi u kannella. Lil dak li kellu ż-żiemel iswed għedtlu: Sieħbi! Dan iż-żiemel donnu bħall-iswed li kellu l-Messala. Dħaknieha din il-battuta. U mela! Il-Mulej ma jridniex ngħixu tal-Gestapo tafux! Iridna ferħanin! U ma ninsewhiex din: il-verdett tiegħu li jgħodd. Mela attent tal-libsa twila u tal-ġlekk u l-ingravata! Attent! Għax malajr iġibek offside l-Imħallef Etern!

Wasal il-ħin mistenni minn kulħadd. Mhux tal-karnival. Imma tat-tberik! Qabel bdejna r-raġel insisthieli: Issa ddumx Patri! Agħmlilhom kelmtejn. Għalhekk, meta tawni l-microphone f’idejja, għamilna t-talba u għedtilhom żewġ kelmiet kif qalli l-coach tiegħi, l-Ispirtu s-Santu. Ara ħbieb, bdejtilhom. L-annimali sbieħ. Inħobbuhom. Imma meta se niġu għall-eżami l-kbir, dak ta’ ħajjitna, l-Eżaminatur Etern, Ġesù Kristu, mhux ħa jsaqsina fuq kemm ħabbejna l-annimali. Imma se jsaqsina kemm ħabbejna u ħfirna lill-bnedmin. Mela ejja nħallu l-imħabba tal-annimali twassalna biex inħobbu lill-bnedmin. Għax il-bnedmin qiegħdin fis-sillabu tas-salvazzjoni eterna tagħna ħbieb!

Wara li tlabt talba r-raġel qal lill-ġemgħa: Issa ejjew bil-biljett ħa tirċievu l-barka. U hemm huma, bdew ġejjin! L-annimali ta’ Malta. Annimali tal-Maltin! Iggustajthom! Ħelwin! Fil-paċi! Xi wħud minnhom inħasdu x’ħin tfajtilhom l-ilma imbierek. Imma ħadu gost ħbieb! Bħalma ħadu gost sidinhom. Għax il-barka tal-Mulej kulħadd iħossha.

X’ħin spiċċajna kien hemm koppja u qbadt parlata magħhom. Il-mara qatli: Patri, l-annimali jwassluna nħobbu lill-bnedmin. Sabiħa sinjura l-kumment tiegħek. Imma, u jiddispjaċini ngħidlek, ma naħsibx li hu dejjem il-każ. Hawn min iħobb annimal u bi bnedmin ma jridx jaf. Ma jridx iħobbhom. Għax weġġgħuh. Weġġugħha.

Isimgħu x’jgħallimna Papa Franġisku nhar l-14 ta’ Mejju 2014: Kemm aħna naraw persuni li huma marbuta ma’ qtates u klieb imma ma jgħinux lill-proxxmu tagħhom, il-proxxmu tagħhom li hu fil-bżonn… Dan mhux tajjeb. Il-kelma pjetà [ħniena] m’għandhiex tiġi mħawda mal-ħniena li nħossu lejn l-annimali li jgħixu magħna. Fil-fatt, jiġri li xi minn daqqiet nħossu dan is-sentiment lejn l-annimali u nibqgħu ndifferenti [kiesħa silġ jew taż-żonqor] lejn ħutna subjien u bniet li qed ibatu.

X’messaġġ tajtni għal ħajti għażiż Papa Franġisku, jien li tant inħobb l-annimali! U ġieli nħobbhom ferm u ferm aktar mill-bnedmin! Imnalla mort sa ħdejk O Ġesù, dakinnhar, ħdejn is-supermarket!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.