L-Evanġelju tal-Ġimgħa 10 t’Awwissu 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 12:2426

Kapitlu 12 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann jurina lil Ġesù fl-aħħar jiem u sigħat qabel jidħol fil-kamra ta’ fuq biex jiekol mad-dixxipli tiegħu. Kapitlu 13 jiftaħ b’Ġesù jaħsel riġlejn l-appostli.

Din is-silta tiġi sewwa sew f’nofs Kapitlu 12, u m’għandhiex importanza biss minħabba dak li Ġesù jgħid, imma jikseb importanza ikbar fil-kuntest ta’ dak li l-evanġelista qed jirrakonta f’dan il-kapitlu.

Fil-bidu nisimgħu bi ġrajja tassew mhux tas-soltu. Saret ikla f’Betanja, probabilment għand Lazzru u ħutu, il-ħbieb ta’ Ġesù. Lazzru li kien miet kien mal-mejda mal-mistednin; jista’ jkun li kien dak stess li stieden. F’Kapitlu 21, wara l-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet, Ġesù stess f’xatt il-baħar jistieden għall-ikel lid-dixxipli wara s-sawma tal-lejl. Dak li għamlet Marija ma’ Ġesù, dilkitlu saqajh bil-fwejjaħ, Ġesù jorbtu ma’ dak li kellu jseħħ f’rabta mal-mewt u l-qawmien tiegħu. B’din l-ikla Lazzru kien qed jiġbed il-ġebla fuq saqajh għax il-Lhud bdew jippjanaw biex itajru minn nof slilu wkoll.

F’din l-ikla San Ġwann jgħidilna min hu tassew Ġuda, dak li kien se jagħmel u għalfejn kien qed jagħmlu: jittradixxi lil Ġesù minħabba l-kilba għall-flus. Irid jagħmilha ċara ħafna li dak li wassal lil Ġuda biex jittradixxi lil Ġesù kienu l-flus li f’għajnejn ħafna huma l-uniku mezz kif il-bniedem iżomm fuq saqajh u jkattar u jkabbar il-ġid u lilu nnifsu, donnu jaħseb li bihom jista’ jagħmel kollox u jibqa’ jgħix għal dejjem.

Iżda dak li kien se jiġri dalwaqt huwa prova li dan mhux minnu; anzi huwa minnu biss il-kuntrarju. It-tixbiha tal-qamħa hija ċarissma, m’għandiex bżonn tifsir u l-użu mill-ġdid tal-qamħa bħala tixbiha mad-dixxiplu mhix b’kumbinazzjoni.

Il-qamħa tista’ tintemm f’żewġ modi. Tista’ tiġi maħsuda u tintaħan biex issir dqiq u ħobż li jittiekel u jagħti l-ħajja lil min jieklu. Tista’ taqa’ fl-art u tindifen biex tagħti l-ħajja b’mod differenti, billi tnissel oħrajn bħala li jistgħu huma stess inisslu lil min jista’ jnissel jew jittiekel.

Ġesù juża t-tieni tifsira biex inissel fid-dixxipli tiegħu tama għal wara dak li kellu jiġri. Tassew li hu stess offra lilu nnifsu bħala ikel, iżda l-għotja tiegħu innifsu għall-mewt, biex jindifen fil-ġuf tal-art, twassal għall-qawmien tiegħu u t-tnissil ta’ ħajja ġdida f’dawk li jemmnu fih u dawk li ma kienux jemmnu u jiltaqgħu miegħu jew jisimgħu bih.

L-għotja twassal għat-tkattir tal-ħajja, mhux għax hemm eroiżmu fl-għotja imma għax hija għotja li ġejja mill-imħabba u fejn hemm l-imħabba (dik li m’hemmx ikbar minnha meta tagħti lilha nnfisha għal dawk li tħobb) hemm il-ħajja u l-ħajja bil-kotra.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.