Il-Palazz tal-Inkwiżitur


Dan l-aħħar kelli l-grazzja nżur il-Palazz tal-Inkwiżitur, fil-Birgu. Dan il-ġojjel storiku xtaqt inżuru l-għaliex ħassejt fija l-ħrara li ngħożż l-istorja ta’ pajjiżi li tant inħobb.

Il-Palazz tal-Inkwiżitur ma kienx ġie mibni biex fih jospita l-61 inkwiżitur li kellha Malta. Fil-fatt il-Palazz, li ġie mibni lejn is-snin 1530, ġie mibni bl-iskop preċiż li jkollu fih il-qrati ċivili tal-Ordni ta’ San Ġwann. L-istil ta’ kif inhu mibni dan il-Palazz hu Gotiku bi ħnejjiet maqsuma f’erba’ panewijiet. Dan it-tip ta’ bini hu simili ħafna għal dak ta’ binjiet oħra li jinsabu fil-Belt ta’ Vittoriosa li ilkoll kienu mibnija madwar l-1530. Probabilment l-arkitett tiegħu kien Fra Diego Perez de Malfreire, li kien enġinier tal-Ordni meta l-Kavallieri ġew f’pajjiżna. Kienu hu li ntroduċa f’artna din il-binja li kien għadda żmienha fi Gżiritna.

Sa mill-ewwel inkwiżitur f’Malta, Mons. Pietru Dusina, nintebħu li l-Inkwiżituri kienu Taljani. Ġeneralment l-Inkwiżituri kienu żgħażagħ, kolti u nobbli. Kienu jiġu f’Malta mhux biss biex iħarsu l-fidi Kattolika imma wkoll biex jagħtu bidu għall-karriera ekkleżjastika mill-aqwa. Tnejn minnhom tant kemm avvanzaw li spiċċaw fuq is-siġġu ta’ San Pietru bħala Papiet. Qiegħed nirreferi għall-Inkwiżituri Antonio Pignatelli (1646-1649), li wara ġie elett bħala Papa Innoċenz XII (1691-1700) u Fabio Chigi (1634-1639) li sar Papa Alessandru VII (1655-1667).

L-Inkwiżitur kellu wkoll dawk li kienu jgħinuh fix-xogħol uffiċjali u fil-ħajja personali tiegħu. Dawn kienu jissejħu l-familiares. Flimkien mal-uffiċjali tiegħu dawn il-persuni kienu jakkumpanjawh u, f’każ ta’ bżonn, kienu jiddefenduh wkoll bl-armi. L-Inkwiżituri kienu mħeġġa biex ma jonfqux b’mod eċċessiv. Madankollu kienu jagħmlu dak kollu li kien possibbli għalihom biex iżommu d-dehra tagħhom eleganti. Dan il-fatt kien jissokta jżid aktar il-faxxinu tagħhom. It-team personali tal-Inkwiżitur kien il-maġġordom, li kien jgħin lill-Inkwiżitur fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum; messaġġiera eleganti; il-purtinar mal-bieb; is-segretarju; il-kappillan, il-wejter; il-kok u żgħażugħ biex jagħtih daqqa t’id fil-kċina; il-balklor u, kif ukoll, il-barbier.

Fil-ħidma tiegħu biex iwaqqaf l-ereżija l-Inkwiżitur kien jaħdem ħafna kontra: l-abbuż mis-sagramenti, il-possessjoni ta’ kotba ipprojbiti; il-ksur tal-astinenza; il-bigamija, l-apostasija, l-attivitajiet maġiċi u rimedji superstizzjużi, opinjonijiet eretiċi, xhieda foloz, profanazzjoni tas-sagru, dagħa, u anki kien joħodha kontra dawk li ma jikkoperawx mal-Inkwiżizzjoni.

Bil-għan li jreġġa’ lill-persuni għall-prattika tal-fidi l-Inkwiżitur kien jordna żewġ tipi ta’ kastigi: dawk li għandhom x’jaqsmu mal-ġisem u dawk li għandhom x’jaqsmu mar-ruħ. Il-kastigi tal-ġisem kienu jinkludu ġenuflessjoni jew swat fil-pubbliku, qdif fuq ix-xwieni, ħidma mal-morda fl-isptarijiet, xogħol fuq il-fortifikazzjonijiet u priġunerija. F’dawn it-tipi ta’ kastigi kien hemm element kbir ta’ umiljazzjoni. Tajjeb ngħidu wkoll li dawn il-kastigi kienu jiġu mħaddma f’anqas minn 10 fil-mija tal-każi kollha.

Fil-maġġoranza tas-sentenzi kienu jingħataw kastigi ta’ natura spiritwali. Dawn kienu jingħataw bil-għan li l-ispirtu tal-persuna ikkundannata jiġi mfejjaq. Dawn it-tipi ta’ kastigi kienu jinkludu r-reċita tat-talb u tal-penitenzi, il-frekwenza tas-sagramenti, is-sawm ħobż u ilma u pellegrinaġġi lejn is-santwarji Marjani. Xi minn daqqiet is-Santu Uffizzju kien jistaqsi għaċ-ċertifikati biex jivverifika li l-penitenza kienet, tabilħaqq, ġiet mwettqa.

Il-proċedura tal-proċess kienet tinqasam fi tlieta. L-ewwel kien hemm l-indiema. Kien hemm dak li kien jissejjaħawtodenunzja volontarja. Dawk kollha li kienu jafu biċ-ċert jew anki jekk kellhom xi suspett li kienu ikkommettew xi ksur reliġjuż kienu obbligati li jistqarru l-ħtija tagħhom lill-Inkwiżitur. Wara kien hemm dik li tissejjaħ awtodenunzja imposta. Ħafna nies ma kienux jirrejalizzaw is-serjetà tal-għemejjel tagħhom li kienu wettqu. Għalhekk il-konfessur tagħhom kien jinsisti li għandhom jiddenunċjaw lilhom infushom quddiem l-Inkwiżizzjoni. Fl-aħħar kien hemm id-denunċja tal-oħrajn. Il-Kattoliċi kienu obbligati fil-kuxjenza li jinfurmaw lill-Inkwiżitur dwar il-ksur kontra l-fidi minn oħrajn u li kienu jinkludu l-familja, il-ħbieb u persuni oħra.

It-tieni fażi kienet il-ġuri. Wara li persuna kienet tiġi mixlija kienet tqum il-ħtieġa li tidher quddiem is-Santu Uffizzju biex tiġi ivverifikata l-verità tal-akkuża. L-Inkwiżitur kien jisma’ u jeżamina lill-akkużat u anki lill-avukati tiegħu jew tagħha bil-għan li jikseb l-evidenza neċessarja. Xi minn daqqiet meta dawk li kienu jiġu mistoqsija kienu jiġu suspettati li qiegħdin jostru xi informazzjoni l-Inkwiżitur kien jgħaddi għat-tortura bħala mod ta’ kif jikseb il-verità. Meta l-ħtija kienet tiġi stabbilita u l-akkużat kien iwarrab it-twemmin u l-għemejjel tiegħu (abjura) l-Inkwiżitur kien jħabbar is-sentenza.

L-aħħar fażi tal-proċess ġudizzjarju kien dak tas-sentenza. Dawk li ma kienux jinstabu ħatja, u allura kienu innoċenti, kienu jinħelsu. U, fejn neċessarju, kienu jiġu mwissija mill-Inkwiżizzjoni. Dawk imbagħad li kienu jinstabu ħatja kellhom jingħataw il-kastig. Kif rajna dawn il-kastigi kienu jinkludu sawm ħobż u ilma, qrar regolari, jieħdu sehem fl-Ewkaristija, imorru pellegrinaġġ, swat, priġunerija, xogħol fil-komunità, umiljazzjoni pubblika, qdief fuq ix-xwieni, eżilju, u, f’każi rari ħafna, ikkundannati għall-mewt.

Rigward it-tortura tajjeb ngħidu li din kienet tintuża biss f’każi serji ħafna bħal ksur fl-ortodissija tal-fidi Kattolika. Kienet tintuża meta l-akkużat kien ikun qed jigdeb quddiem xhieda ċara jew meta l-akkużat kien jiċħad milli jgħid dak kollu li kien jaf dwar il-każ.

Mhux ta’ b’xejn li San Ġwann Pawlu II, f’Tertio Millenio Adveniente, jfisser dan iż-żmien bħala “kapitlu ieħor ta’ wġiegħ li għaliha l-ulied subjien u bniet tal-Knisja għandhom jirriturnaw lejh bi spirtu ta’ ndiema” (nru. 35). Dan għaliex il-verità dejjem għandha tkun imwieżna bl-imħabba.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.