Ħsibijiet sajfin


Hawn qiegħdin ħbieb! F’nofs sajf jaħraq! Sħana nieżla ma’ kullimkien. Fannijiet iduru. Jew, għal min għandu l-grazzja li jkollu xi wieħed minnhom, bl-arja kundizzjonata fuq rasu. Għall-erwieħ jaħasra!

Iva! Għall-erwieħ! L-għaliex naqra frisk kulħadd iħobbha. Il-frisk jagħtik in-nifs. Iva! Dak in-nifs li, anki fl-eqqel jiem tas-sajf Malti-Mediterranju, jaf isiblek ukoll dak il-waqt fejn tkun tista’ taħseb ftit. Fejn tkun tista’ toqgħod bilqiegħda ħa tirrifletti kemmxejn fuq il-ħajja. Abbli quddiemek ikollok xi biċċa laħam mixwija fuq il-barbikju sett! Awċ x’gost! Inkella dik it-tazza inbid li nkunu tfajna fis-silġ. Liema tazza tinżillek għasel! Ix-xejn xejn hux! L-aqwa, u fuq kollox, li tikkuntrasta bil-qabda mal-massa tas-sħana li ddur madwarna. Imma, u s-sabiħ, qiegħed propju hawn: li għandek il-lussu li tiekol xi ħaġa tajba. Waqt, u għaliex le, li tistrieħ. U taħseb ftit ….

Għalhekk l-ewwel ħsieb sajfi li jiġini, meta nkun qed niekol xi ħaġa tajba fuq il-barbikju sett u bit-tazza tal-inbid frisk f’idi u fil-kumpanija ta’nies li jferħħuli lil qalbi u mhux inikktuhieli aktar bit-toqol li hemm ġo fihom, hi kemm jien imbierek li għandi din il-grazzja li nista’ noqgħod hekk. Bil-kwiet. Filwaqt li niekol xi ħaġa sabiħa mal-ħbieb ta’ veru. Kemm hawn ħbieb li dan ma jistgħux jagħmluh! Min, ngħidu aħna, flok saqaf fuq rasu li jħarsu, bħalma għandna int u jien, bħalissa għandu saqaf li jaf ikun, ġurnata jew oħra, il-mewta tiegħu stess. L-għaliex, waqt xi errejd, taf taqa’ bomba hemm, fejn qiegħed bħalissa, mistoħbi mill-qilla tal-bombi li jżuruh ta’ spiss, u tħallieh tal-post! Kos hux! Dak is-saqaf li suppost kellu jkun ta’ protezzjoni issa spiċċa jkun, għal dak ir-raġel, dik il-mara u dawk it-tfal, insomma għal dik il-familja, post ta’ distruzzjoni!

Imbagħad, waqt li qed nibla’ boqqa nbid, friska friska, qed jiġuni f’moħħi, bħal karellata, dawk il-miljuni ta’ nies li m’għandhomx x’jieklu u x’jixorbu. Filwaqt li jien, hawn, qed immut bl-ikel abbundanti li bħalissa għandi quddiemi! Kos hux kif inhi l-ħajja! Min għandu bix-xaba u min qed imut għall-qattra! Qed nismagħha iva l-għajta ta’ dawk li, forsi f’pajjiżi stess, minkejja l-progress li għandna, ma jistgħux le jkollhom din il-grazzja li għandi jien, illejla. Dik il-grazzja li jieqfu ftit milli qed jagħmlu u jqattgħu ftit tal-ħin ma’ nies li jixtiequlhom tabilħaqq il-ġid. U mhux iwaħħlulhom is-sjuf minn wara dahrom. Min jaf? Tgħid ma jixtiequx li jkollhom dawn il-ħbieb imdawrin magħhom? Il-faqar għadu magħna! Anki jekk, tul is-snin, kull gvern tħabat kemm felaħ biex f’pajjiżna negħlbuh. Kemm kellek raġun għażiż Ġesù meta fil-vanġelu għidtilna: Il-foqra dejjem issibuhom magħkom! (Ġw 12:8).

U wara li ħadt ftit tan-nifs, hekk kif temmejt l-ewwel platt li kelli f’idejja, mill-ewwel ġew quddiem għajnejja dawk li, anki f’pajjiżna, ma jistgħux le jieklu kif qed niekol bħalissa jien. Min għax marid b’qalbu u min l-għaliex minħabba d-dijabete, u min għal ħaġa u min għal oħra. Mela l-problema m’hijiex fil-pajjiżi l-foqra imma fostna wkoll. U din mhux kustjoni issa li wieħed m’għandux x’jiekol. Din hija wkoll kwistjoni ta’ kemm wieħed tippermettilu saħħtu! Oh kemm int għażiża u prezzjuża ja saħħti! U kemm għandi għax nirringrazzja lill-Mulej għalik!

F’din illejla qed nieħu gost niekol bukkun ma’ ħbiebi! X’ambjent sabiħ hawn bejnietna! X’paċi qed tirrenja fostna! Imma mhux kulħadd le għandu l-lussu li dan jista’ jagħmlu! Ajma! L-aktar f’dawk il-familji jew komunitajiet fejn hemm il-firda. Mhux ovvja li hemm l-ikel jinżel velenu? Għax, f’dawn it-taparsi familji u komunitajiet hemm l-ippreferuti. Jiġifieri hemm dawk li lilhom dejjem jitbissmulhom u jipprommovuhom. Jagħmlu x’jagħmlu! U jgħidu x’jgħidu! Għax dawk tal-qalba sieħbi! U tal-qalba dejjem tal-qalba! Imbagħad hemm l-itturufnati. Jiġifieri dawk tas-sekonda klassi. Iva ħabib! Hemm dawk li anki jekk il-Mulej jagħmel bihom il-mirakli lil dawn dejjem se jħarsu lejhom bl-ikraħ. U bl-ikraħ għall-aħħar. Għax, imsieken, niżżluhom fil-blekbuk! F’dak il-misħut ktieb l-iswed! Oh kemm il-preferenzi tassew ġejjin mill-abbissi tal-infern u qatt mill-glorja tal-ġenna!

Hemm, bit-tazza tal-inbid aħmar f’idejja, tleqq fid-dawl tal-barbikju, qed nilmaħ ukoll par għajnejn ħomor issemmix. L-għajnejn ta’ min tilef lil xi ħadd għażiż. Huma wkoll l-għajnejna ta’ min ġie ittradut minn min tant ħabb. U forsi, l-għaliex ħabbu u ħabbha tant, ma stenniex li kien se jieħu din id-daqqa ta’ sikkina wara dahru. U wara dahra. Hekk! Bla ħniena! U mingħajr xejn mistennija! Oh ħbieb! X’uġiegħ il-qalb! X’qasma ta’ qalb! Għax dawn it-telfiet huma kollha firdiet. Firdiet li jnisslu ħafna toqol. Solitudni. U tifrik.

U anki meta, aktar ‘il quddiem fil-lejla, fettilli nibdel it-tazza u nixrob l-inbid abjad, hemm hi, ġiet quddiem għajnejja, il-bjuda ta’ min għadu jbati l-għaliex għadu ma ħafirx lilu nnifsu. U lilha nnifisha. Issa ejjew inkunu ġenwini: x’seta’ jagħmel aktar? U x’setgħet tagħmel aktar milli għamlet? Imma mur għidlu! Mur ikkonvinċieha! Qed jgħid li dak li seħħ kien tort tiegħu. U issa qategħtha li żgur ma tibqax tgħix fil-kwiet. Għax, qatt m’hu ħa naħfer lili nnifsi!

Le ħija! Le oħti! Anki t-tazzi mimlija bl-inbid frisk jinbiddlu u jinxtobru. Le! Ħalli dawn il-ħsibijiet sajfin ifakkruk f’ħaġa: ibqa’ miexi u miexja fil-ħajja! Għax is-sħana tal-imħabba tassew li tissupera kollox!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.