L-Evanġelju tal-Erbgħa 15 t’Awwissu 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 1:39-56

Illum l-Għid tal-Assunta. Aħna għamilnieh l-għid tagħna, il-festa tagħna u hekk hu sewwa u xieraq u hekk għandu jkun; ma nistgħux niċċelebraw lil xi ħadd jekk aħna ma nħossuniex ta’ ġewwa ma’ dak ix-xiħadd. Iżda mhux sewwa u ma jixraq xejn li nisirqu l-festa mingħand min hi tiegħu. Jekk aħna niċċelebraw il-festa ta’ xi ħadd ifisser li nammirawh u allura rridu nkunu bħalu, inkella x’fih x’tammira jekk ma fihx fiex issir tixbħu?

Marija semgħet l-aħbar li, għalkemm ħawditha, laqgħetha biex tgħixha. Ħawditha, imma ferħet meta semgħetha għa xkienet l-aħbar li ġensha kien ilu jistenna sekli sħaħ. Ħawditha għax ma fehmitx kif hi kellha tkun il-magħżula mhux għax ħasditha l-aħbar li l-wegħda ta’ Alla lill-poplu tagħha kienet waslet biex titwettaq.

Din kienet aħbar ta’ ferħ kbir u kienet lesta li jsir minnha skont kelmet l-anġlu għax ferħet bil-kbir għax fehemet li kelmet il-Mulej iddum għal dejjem. Il-ferħ ta’ Alla għamlitu tagħha u l-imħabba tagħha saret l-imħabba ta’ Alla. U l-imħabba ta’ Alla ma tafx tieqaf; tqum u tmur tħaffef fejn hemm bżonn. M’hemmx tlajjar jew ħsieb meqjus, m’hemmx rażan fejn hemm l-imħabba tant li kultant, f’għajnejn min ma jagħarfhiex, tidher ġenn, min iħobb biha jaħsbuh li tilef moħħu.

Hija mħabba li tingħaraf u tittieħed. Malli leħen Marija instema’, (għalkemm ma nafux x’qalet), wassal għall-għarfien ta’ dak li l-imħabba ta’ Alla taf tagħmel u kienet qed tagħmel. Kemm l-omm u kemm it-rarbija ġo ġufha għarfu minn leħen Marija, l-imħabba tal-ftit ċelloli li kienu qed jissawru f’ġufha: ftit ċelloli li għamlu differenza enormi fil-ħajja ta’ dawk li ħassew il-preżenza tagħhom; fihom, fi ftit ċelloli, kienet diġa qed tinħass l-imħabba ta’ Alla għall-bnedmin. X’ma nifirħux għal Marija, x’ma nifirħux magħha!

Hieni kulmin jemmen li jseħħ kulma jwiegħed il-Mulej. Hieni min jafda fih u ma jiddubitax mill-imħabba tiegħu li thenni. Alla jwiegħed u jżomm kelmtu u kelmtu sseħħ anke f’dak li l-bniedem iwarrab, ikasbar u jżeblaħ, għax l-għerf ta’ Alla imqanqal mill-imħabba tiegħu jiżboq kulma l-bniedem jista’ jaħseb, anke meta mingħalih qed jaħseb biex jagħmel ħajtu aħjar. Meta l-bniedem imeri lil Alla u jgħid li Alla m’għandux raġun ikun qiegħed imeri lilu nnifsu u jiċħad f’qalbu l-ġid tiegħu stess.

Fil-‘Magnificat’ ta’ Marija aħna naraw u nfaħħru l-umiltà ta’ Marija, nammirawha li għarfet iċ-ċokon tagħha li Alla uża biex jagħmel ħwejjeġ kbar, għalhekk jismu Qaddis. Kapaċi nagħmlu paneġierki twal, ma jispiċċaw qatt u li fl-aħħar idejquna wkoll, fuq il-kwalitajiet sbieħ ta’ Marija. Iżda għandna l-ħila wkoll innessu lilna nfusna x’inhuma dawn il-ħwejjeġ kbar, ninjorawhom għax ma jdoqqulniex.

Il-ħwejjeġ kbar li għamel Alla ġabu taqlib kbir mhux biss fil-bniedem, iżda fin-nisġa tas-soċjetà. Hija bidla mill-qiegħ nett fil-mod kif il-bnedmin iħarsu lejhom infushom u jġibu ruħhom bejnitehom. Niżżel lis-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u għolla liċ-ċkejknin; għollihom mhux poġġihom minflokhom; tagħhom dinjità mhux setgħa fuq xulxin. Mela’ b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ u l-għonja bagħthom ’il barra b’xejn; dawk li żbilanċjaw il-miżien tal-ġustizzja soċjali meta għamlu differenza bejn batut u batut, bejn dgħajjef u dgħajjef, meta rekknu għalihom il-ġid biex sarrewh fl-imħażen u ħallew l-istonku tal-imġewwaħ bil-ġuħ, meta trekknu fil-kenn ta’ djarhom ma’ wliedhom u ħallew jitħabat mal-mewġ lil min sab ruħu, ma’ wliedu, fil-maltemp tal-ħajja.

Marija għarfet li l-festa mhix għall-kwalitajiet sbieħ tagħha għax dawk huma biss mezzi u għodda, iżd al-festa hija għal dak li Alla għamel: ħwejjeġ kbar biċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Ruħi tfaħħar lill-Mulej.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.