ll-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu f’San Pawl il-Baħar


Xi ftit xhur ilu kelli l-grazzja niġi mistieden biex nqaddes quddiesa qrib l-okkażjoni tal-festa tant għażiża ta’ Jum l-Omm. Għal dan il-għan l-organizzaturi ta’ din l-attività, b’għaqal, għoġobhom jagħżlu l-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu f’San Pawl il-Baħar.

Minn dejjem kelli xewqa kbira li nkun midħla sewwa tal-istorja ta’ din il-Knisja. Għalhekk, u kif jgħidilna nagħmlu l-Mulej tagħna Ġesù Kristu fid-diskors tant importanti tiegħu, jiġifieri dak l-hekk imsejjaħ tal-Muntanja, Itolbu, u jingħatalkom; fittxu, u ssibu; ħabbtu, u jiftħulkom. Għax kull min jitlob, jaqla’, min ifittex isib, u min iħabbat jiftħulu (Mt 7 :7-8), dan hu eżattament li għamilt. Tlabt, fittixt, sibt, ħabbatt u fetħuli.

L-istorja tal-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu f’San Pawl il-Baħar għandha rabta speċjali mal-Granmastru Franciż tal-Ordni ta’ San Ġwann, Fra Alof de Wignacourt. Dan il-Granmastru kien ġie magħżul bħala l-Granmastru ta’ Malta sewwasew fl-10 ta’ Frar tas-sena 1601. L-istorja ta’ pajjiżna turina biċ-ċar kemm Wignacourt kien maħbub sewwa mill-popolazzjoni ta’ artna. U, din l-imħabba tal-poplu tagħna lejh, Wignacourt kisibha bil-ġid li wettaq fostna. Fil-fatt, il-Granmastru Wignacourt waqqaf il-Monte della Redenzione degli Schiavi. L-għan ta’ dan il-Monte kien biex, permezz tiegħu, jiġu mifdija ċ-ċittadini Maltin li kienu ttieħdu bħala ilsiera fuq ix-xwieni tal-Korsari.

Barra minhekk dan il-Granmastru ħaseb u bena l-akwedott li jibda’ mir-Rabat u jibqa’ sejjer sal-Belt Valletta. Matul il-ħakma tiegħu Malta kienet sfat għal darb’oħraattakkata mit-Torok. Dan il-ħbit kien seħħ f’Lulju tal-1614. Ix-xwieni Torok kienu daħlu fil-bajja ta’ San Tumas, f’Marsaskala u hemmhekk għamlu ħsara mill-kbar nett fl-inħawi taż-Żejtun u Ħaż-Żabbar. Is-saltna ta Wignacourt tibqa’ mniżżla b’ittri tad-deheb fl-istorja ta’ ġensa. Dan l-għaliex, fl-1607, Michaelangelo Merisi da Caravaggio, il-magħruf pittur Taljan li ħalla xogħlijiet kbar f’Ruma, f’Napli u fi Sqallija, kien ġie f’Malta biex iwettaq xogħlijiet għall-Ordni. Caravaggio kien investit bħala kavallier tal-Ordni.

Il-Granmastru Wignacourt kellu devozzjoni kbira lejn l-Appostlu Missierna San Pawl. Kien hu li waqqaf il-Festa tan-Nawfraġju ta ‘ San Pawl fl-10 ta’ Frar, eżattament fil-jum tal-għażla tiegħu bħala Granmastru. Bħalma nafu din il-festa għadha festa nazzjonali sallum. Wignacourt waqqaf il-Kulleġġ tal-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat uħallas 8,900 skud biex jsebbaħ il-post fejn, u skond it-tradizzjoni, San Pawl kien għex matul it-tliet xhur li qatta’ f’Malta.

Il-Granmastru ried jiddefendi l-bajja ta’ San Pawl il-Baħar mill-attakki tal-kursari. Kien għalhekk li għażel l-punt strateġiku fejn illum hemm it-torri li jġib ismu stess,Wignacourt, faċċata tad-daħla tal-bajja. F’dawk iż-żminijiet fuq dan is-sit kien hemm kappella żgħira iddedikata lin-nawfraġju ta’ San Pawl. Wignacourt waqqa’ din il-kappella żgħira u, fil-post tagħha, bena waħda ġdida minflokha. Din hi l-kappella preżenti li nsibu illum. Il-perit tagħha x’aktarx kien Vittorio Cassar, jiġifieri l-istess perit li kien responsabbli għall-bini tat-Torri. L-ewwel ġebla ta’ din il-knisja ġiet imqegħda mill-Granmastru nnifsu fl-10 Frar, 1610.

L-arkitettura tal-knisja hi sempliċi ħafna. Fil-fatt tikkonsisti f’bini rettangolari b’loġġa fuq quddiem u fuq iż-żewġ naħat. Il-faċċata u l-ġnub jikkonsistu fi tliet ħnejjietbil-ħnejja ċentrali twassal għal bieb rettangolari. Il-bjut tal-ħnejjiet huma magħmula b’ċangaturi ċatti mqegħda fuq il-ħnejjiet. Barra minn hekk sitt koppletti, f’forma ta’ plattina ċatta, jżejnu l-loġoġ tal-ġnub. Fuq il-faċċata tal-Knisja hemm tieqa tonda. Il-bini kollu hu mibni fuq pjattaforma aċċessibbli minn taraġ fil-faċċata. Dan jagħti l-bini dehra tabilħaqq impressjonanti. Il-bieb ewlieni jħares lejn il-punent u huwa imżejjen bl-istemma araldika tal-Granmastru Wignacourt, li hi magħrufamill-Fleur de Lys. Fuq l-istemma jew arma hemm tieqa tonda li tagħti d-dawl lill-kappella.

Hemm tliet pitturi f’din il-knisja. L-ewwel waħda tinsab fuq l-altar ewlieni u tirrappreżenta n-nawfraġju ta’ San Pawl. Il-Granmastru u l-artist huma rappreżentati fuq il-lemin tal-pittura. Il-pittura hija Caravaġġeska fl-istil. Il-paletta tikkonsisti prinċipalment f’kuluri pjuttost skuri. Il-pittura fuq il-lemin tirrapreżenta lil San Pawl fid-dar ta’ Publiju filwaqt li l-waħda fuq ix-xellug tirrappreżenta l-abitanti tal-gżira li qed ifittxu interventi mirakulużi minn San Pawl. Il-pitturi huma attribwiti jew lil Fra Pietro Urrea Camarasa Cassarino inkella lil Lionello Spada. L-Isqof Cagliares bierek is-santwarju fit-3 ta’ Mejju 1617. Fir-rapport taż-żjara pastorali tiegħu l-Isqof Cagliares jirreferi għal numru ta’ oqbra Kristjani fl-inħawi. Dan juri li, mill-bidu tiegħu, dan is-santwarju kien post ta’ qima.

Il-Granmastru Wignacourt għaqqad il-kappella mal-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat. Fil-fatt ħalla f’idejn il-qassisin tar-Rabat is-servizzi pastorali f’din il-kappella.Għalhekk, sal-ġurnata preżenti, il-kappella taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Kolleġġjata tal-Grotta ta’ San Pawl tar- Rabat.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija din il-knisja ġarrbet ħsarat kbar. Il-Patrijiet Franġiskani ta’ San Pawl il-Baħar salvaw il-pitturi. Il-bini ta’ din il-kappella reġa’ beda fl-1950. Din inbniet fuq id-disinn oriġinali tagħha. Hi reġgħet infetħet għal darb’oħra fis-7 ta’ Frar tal-1956 mill-Eċċellenza Tiegħu Mons. Mikiel Gonzi, Arċisqof ta’Malta.

Illum il-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu f’San Pawl il-Baħar, hi waħda miċ-ċentri ta’ devozzjoni Pawlina f’Malta u ħafna pellegrini minn barra minn xtutna, u anki dawk Maltin ħutna, jżuru lil din il-kappella. Ħafna koppji jagħżluha ukoll biex jiċċelebraw iż-żwieġ tagħhom. Il-kappella għadha taqdi l-ħtiġijiet pastorali tal-komunità lokali, turisti u residenti tas-sajf. Fil-preżent, Fr Dione Cutajar, hu responsabbli għas-servizzi pastorali mogħtija f’din il-kappella.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.