Viqq viqq!


Jivvibra. Billejl. Bi nhar. Ikun fi x’ħin ikun. Il-vibrazzjoni tiegħu tħossha. Tismagħha. Viqq! Viqq! Ġieli, meta jagħmel viqq viqq, jixgħel il-bozza ż-żgħira wkoll. Tkun ta’ xiex tkun. Irrilevanti lewnha. Imma jixgħelha. L-għaliex, u sintedni, jivvibra. Il-mobile. Miskin.

Dejjem għaddejjin. Mela, jekk inkunu qiegħdin f’laqgħa importanti tax-xogħol, isimgħu, fis-skiet. Fil-ħemda. Waqt li tkun qed tiġi mfissra xi strateġija. Forsi l-istrateġija tal-istrateġiji. Inkella xi comma, wara ħafna u ħafna linji mingħajr full stops. Jew aħjar dik il-pawsa żgħira. Wara xi ħasla inkella xi kliem solenni u li bih taħseb li tkun ġejja l-aħħar tad-dinja fuqek. Viqq! Viqq!

Kemm stejjer huma marbuta ma’ dik il-viqq viqq! Kemm ħolm! Veru inkella ta’ biċ-ċajt. Li, bħal bżieżaq tas-sapun, malajr jinfaqa’ f’wiċċek u, miskina, għax hekk biss nista’ ngħidilha, miskina għajnek. Inkella għajni. Jekk il-bużżieqa tas-sapun tinfaqa’ f’wiċċek. F’wiċċi. Kemm tibda’ taħarqni! U taħarqek! U, għaliex le, tħokkni. U tħokkok wkoll. Filwaqt, u mingħajr dubju, li tibqa’ taħraqni. U taħarqek. U dik l-għajn, miskina, issir ħamra nar. Isa Mar! Mur aħsilha bl-ilma frisk!, kienet tgħidli l-għażiża ommi. U kellha raġun biex tbigħ tafux! L-għaliex, meta kont żgħir, eżattament fil-programm Għalina n-nisa, li kienet tippreżenta l-għażiża Susan Malvaney mit-Tnejn sal-Ġimgħa fit-3.00 pm, kienet tagħti l-parir li meta jiġri hekk għandna dejjem naħslu għajnejna. Oh l-għerf veru ħbieb! Kemm ma jiqdiem qatt! Jiqdiemu iva l-persuni imma l-għerf, speċjalment l-għerf li ġej mill-kċina, (u mhux neċessarjament li għandu x’jaqsam mal-ikel biex ħadd ma jgħoddni b’xi wieħed żaqqieq, għalkemm xi naqra jien ukoll), dak ma jispiċċa qatt! Jgħaddu kemm jgħaddu ż-żminijiet!

O viqq viqq! Kemm ħadtna ‘l bogħod illum! Imma, u issa ħa ngħidhielek, ħadtna wkoll viċin tafx! Kemm kawlati saru minħabba l-viqq viqq! Dak il-messaġġ jew dawk il-messaġġi li ma kellhomx jintbagħtu. L-għaliex ġew irvinati relazzjonijiet. U inqasmu qlub. Kollox sew! Wara kulħadd bravu! U kulħadd jaf jgħid: Mia colpa ħtija tiegħi! Imma issa ħej ejja ma nkunx traġiku u traġika tafx! L-għaliex bħalma waqajt u għamilt ġerħa din il-ġerħa tista’ titnaddaf ħa tibda’ tingħalaq bil-mod il-mod. Ħa tibda’ tfiq! Bħalma tfiq tiegħek ukoll! Mela ejja issa nieqaf nitfa’ l-melħ fuq il-ferita. U, bħal viqq viqq, niftakar li l-feqjan f’ħajti dejjem qiegħed hemm. Dejjem hu lest għalija. Basta u però inkun irridu u nħallih jinżel fija sakemm ifejjaqni!

U l-fejqan veru jfejjaqni ħbieb! U dan ifakkarulna l-istess viqq viqq! Imma x’viqq viqq hu?, bir-raġun tistaqsini. Ħa nfakkrek waħda sieħbi! Tiftakar meta rċevejt dak il-messaġġ li kien jgħid: Trid nieħdu kafè flimkien u ngħidu kelma fuq li ġara? U int, għax umli, mela raġel fuq l-irġiel u mara fuq in-nisa kollha, għamilt iva l-pass. U mort tiltaqa’ miegħu u magħha. Wiċċ imb’wiċċ. Bil-paċi kollha. U mingħajr ebda pretensjoni jew arja ta’ ġlied. Għaliex fid-dinja, għidli, min ma jidħolx naqa fi sqaq? Min ma jaqbiżx xi naqa r-rail? Ibda’ minn dawk tal-lenti u spiċċa b’dawk li huma mingħajrhom.

U mela ejja ma ngħaġġbuhiex u nibqgħu ngħixu fis-sliem mal-misteru tal-viqq viqq! Jiġifieri tal-ħoss tal-mobile li jiġbdilna l-komma. Bil-viqq viqq tiegħu! Għax jgħidli u jgħidlek: Hello! Jien hawn! Hello! Jiena, it-tali u t-talija! Kemm hi sabiħa din tat-tali u tat-talija! Sabiħa l-għaliex għad jiġi żmien fejn int u jien le mhux ħa nkunu hawn! Li warajna, irridu jew ma rridux, se nħallu vojt. Li, il-preżenza tagħna, mhux ħa tibqa’ tivvibra aktar. Mhux ħa tibqa’ tagħmel viqq viqq!

Imma issa, li nistgħu nivvibraw bħall-mobile, għax għadna ħajjin, allura nistgħu nagħmlu viqq viqq, ħa niftakru li anki ħaddieħor ukoll irid jagħmel viqq viqq! Li ħaddieħor ukoll irid jgħix! Irid jgħid tiegħu! Irid isemma’ leħnu! Irrid jikber! Anki jekk jiżbalja. Irid iva jinbidel.

Mela ħa nieħu t-tagħlima li jagħtini l-viqq viqq! Ejja nismgħek! Ejja nkun hemm għalik! Ejja nara xi trid! Naf! M’għandix għalfejn nifqa kull m’hawn bl-għajjat. Kulma rrid hu li nagħmel dan il-ħoss ċkejken, viqq viqq! U tibżax! Tismagħni! Ejja nivvibra fik l-imħabba vera li tħenn, tagħder, tissapportja u tibqa’ miexja waqt kull bżonn! Ejja nivvibra fik il-fiduċja li għandi fik. Għax int, int min int, għandek ukoll il-viqq viqq tiegħek. Għandek ukoll il-ħajja tiegħek. Il-messaġġ tiegħek. U, fuq kollox, l-imħabba tiegħek x’tagħti u x’taqsam ma’ l-oħrajn.

Ibqa’ ivvibra l-imħabba ħija, oħti! Ibqa’ ivvibra l-ġenerożità. U anki, iva, il-maħfra wkoll! L-għaliex int, u int min int, għandek postok f’din id-dinja, f’din is-soċjetà, f’din il-familja, f’din il-knisja. Ibqa’ ivvibra l-ħniena. U tibżax! Anki min hu stirat meta jisimgħek tivvibra l-imħabba jibda’ jinħall u jivvibra hu u hi wkoll!

Viqq viqq!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.