Is-sħana! Kemm taħraq!!!!


Is-sħana! Kemm taħraq!!!! Smajtu dan il-kumment. U ġieli għedtu jien ukoll. Ajma! L-aktar f’Awwissu, fl-eqqel tas-sħana!

Kemm nevita milli nimxi fix-xemx! U noqgħod għas-sħana kbira. Tibżgħux! Jien lanqas jekk irrid ma nista’ nimxi daqstant fix-xemx u noqgħod għas-sħana li toqtlok.

Il-kundizzjoni ta’ saħħti u l-mediċina li nieħu dan ma jippermettulix li nagħmlu. Imma anki illum, wara sitt snin li t-tobba bravi tagħna għarfu x’għandi u, bil-għajnuna tal-Mulej, qiegħdin isalvawli ħajti, jien qed nifhem kemm għandi nara ħajti bħala rigal. Bħala barka kbira! U kbira ħafna! U, illum ngħid, forsi għalhekk nieħu gost inkellimkom meta tkunu Mater Dei. L-aktar fis-swali. U anki fir-restaurant. U din m’hix sempliċiment l-għaliex in-nies in-nies ikellmu ħbieb! Le! Din hija ċelebrazzjoni tal-ħajja flimkien! Din tfisser li nagħtu l-id tas-support lil xulxin. Liema id, biż-żmien, nintebħu bil-bosta kemm tagħmel differenza f’ħajti u f’ħajtek!

Imma allura s-sħana fejn tidħol f’dan id-diskors kollu? Int u jien is-sħana illum ma nissaportuhiex. U ħafna jafu l-għaliex. Ara l-klima tad-dinja kif qridnieha matul iż-żmien. Miskin l-ozone layer li dejjem qed jittaqqab bid-dħanen u l-inkwinament li ilu għaddej is-snin! Ħasra hux kif din il-konċentrazzjoni ta’ ozone, li tassorbi ħafna mir-radjazzjoni ultraviolet li qed tasal sad-dinja mix-xemx, qed tagħmlilna daqshekk ħsara!

Imma x’inhu l-ozone layer fil-ħajja tagħna ta’ kuljum? Il-Mulej jgħallimni li hu dan: il-wiċċ li nistgħu nitħaddtu bejnietna ħalli l-affarijiet dejjem jiċċaraw. Id-djalogu ħbieb! Id-djalogu! L-għaliex, u meta jkun hemm id-djalogu, fih innifsu dan għandu l-ħila jassorbi l-ultraviolet li tiġi mir-rabja. Kemm hi kerha r-rabja! Ajma! L-aktar dik ir-rabja li tkun ilha tinħema s-snin! Dik ir-rabja li lilek, f’għajnejja, ma tkunx le ħallietni narak bħala persuna! Anzi! Dik ir-rabja li, lilek, tkun pinġietek quddiem għajnejja bħala mostru! Xitan!

Ir-rabja taħraqna! Tixxuttana! Ma tħallinix naraw ir-rejaltà kif tassew hi. Ir-rabja tiftħilna l-feriti. Ir-rabja tagħmlilna oħrajn ġodda. Ir-rabja titfa’ il-melħ tagħha fuq feriti li jkun għaqlu u allura, minflok ma tgħinnhom biex ifiequ, aktar iddenniehom. Ir-rabja iddenniena!

Bħal din is-sħana li bħalissa qed taħkem fuq Gżiritna, ir-rabja ma tħalliniex nieħdu n-nifs sewwa. Fil-verità, ir-rabja tħallina bla nifs! Ir-rabja tisirqilna minn fuq fommna t-tbissima. Dik it-tbissima li tagħmel minn ħajjitna rigal. Rigal tal-Mulej għal xulxin! Għall-aktar nies imbiegħda. Rigal għal dawn in-nies li, is-soltu, ħadd ma jmur jifraħ bihom! Ħadd ma jitħaddet magħhom! Ħadd ma jagħtihom kelma ta’ faraġ! Ħadd ma jagħtihom kelma ta’ kuraġġ u ta’ tama! Ħadd ma jilqagħhom! Ħadd ma jgħidilhom kemm il-Mulej jafdahom! U, illum, liema bniedem, hu min hu tassew jafdak? Jafdani? Għax ilkoll bnedmin. Ilkoll difettużi. Ilkoll iva ninħakmu mill-preġudizzju. Ilkoll fina hemm il-biża’ li, nammettu jew ma nammettux, taħkimna!

Imma, u din verità assoluta, Hu Ġesù li jħares lejk, bħalma jħares lejja, sempliċiment Patri li jitlob il-ħin kollu li l-Mulej ikollu ħniena minnu. Hu biss li jgħidlek, bħalma jgħidli, wara li jsemmi ismek u ismi: JIEN NAFDA FIK! Għidli ftit, min tassew jgħidlek dan id-diskors? Min jgħidlek din is-sentenza? U, jekk għalik din hija xi storja, inkella ħrafa, nistiednek taqra ¬d-Djarju ta’ Santa Fawstina u li tista’ issibu b’xejn, għalik fuq il-website LAIKOS. Hekk jgħidli u jgħidlek Ġesù! Hekk jittrattana!

Kuraġġ! Meta r-rabja nibda’ nħossha taħraqni, bħalma taħraqni s-sħana tax-xemx bħallissa, ejja nixrob u niekol frisk! Ejja immur fl-air condition! Nipproteġi ruħi mix-xemx bl-ilbies tal-kappell inkella nagħmel is-sunblock. F’kelma waħda, ejja ngħidlu: Mulej, nagħtik ir-rabja li għandi u agħtini nitolbok il-paċi tiegħek! U, jekk fil-proċess, niftakar li r-rabja li għandi hija minħabba dak, dik jew dawk, ejja ngħidlu: Mulej, f’ISMEK U F’DEMMEK, inbierku, inberiekha u nberikom. Amen.

Ħija, oħti, tibda’ tintebaħ li tibda’ tħossok aħjar. Tibda’ tiffriska minn ġewwa. L-għaliex, il-preżenza ta’ Ġesù, hi żiffa friska li timlina bil-paċi, bit-tama, bl-imħabba, bis-sabar, bil-qawwa, bir-rażan u, fuq kollox, bil-ferħ! Dak il-ferħ li tant isebbħilna wiċċna! Li jagħmilna aktar żgħażagħ milli aħna! Li jgħinna naraw lil ħajjitna u ħajjet ħaddieħor avventura ta’ mħabba li tfejjaq u tagħti l-ħajja!

One thought on “Is-sħana! Kemm taħraq!!!!”

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.