L-Evanġelju tal-Ħadd 19 t’Awwissu 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 6, 51-58

Ġesù kien qed jitkellem fis-sinagoga ta’ Kafarnahum. M’għandniex ir-rejazzjoni negattiva li Ġesù kellu f’Nazaret, ir-raħal minsi fejn kien trabba. Hemmhekk kien qal li dak li kien għadu kif inqara dwar il-Messija mill-ktieb tal-profeta Iżaija, kien qed iseħħ huwa u jitkellem, huma u qed jisimgħu. Riedu jixħtuh minn fuq xifer l-irdum għal isfel.

Ir-rejazzjoni tas-semmiegħa fis-sinagoga ta’ Kafarnaum hija differenti. Probabilment tirrifletti id-diskussjoni li kienet qed issir fi żmien meta l-Evanġelju kien qed jinkiteb, jiġifieri qrib is-sena mija wara Kristu, xi sebgħin sena wara l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù. L-emfasi ta’ Ġwanni f’dan id-diskors huwa fuq il-ħtieġa li jittiekel il-Ġisem ta’ Kristu u jinxtorob id-Demm tiegħu biex min jiekol u jixrob ikollu l-ħajja ta’ dejjem; iqum mill-mewt u jgħix ma’ Alla u bħal Alla għal dejjem. Ma kienx faċli għan-nies li jdaħħlu f’moħħhom din l-ideja, anke minħabba l-fatt li, kif ngħidu, ħadd ma miet u ġie lura. Kien għad hemm, kif hawn sa żmienna u jibqa’ jkun hawn, l-għatx għall-prova. Mhux faċli temmen, mhux faċli li taqbeż fil-fidi u tinsa l-loġika tal-esperjenza tal-bniedem, esperjenza ta’ eluf ta’ snin.

Ġesù jidher qed jitkellem fuq ħajja differenti minn dik li normalment jgħixu n-nies. Kien qed jitkellem ma’ nies ħajjin, li baqgħu ħajjin anke jekk ma kielux dak li kien qed jitkellem dwaru Ġesù u baqgħu ħajjin sakemm mietu l-mewta naturali tagħhom. Fil-fatt kien qed jitkellem dwar il-ħajja ta’ Alla, dik il-ħajja li Alla, fl-imħabba tiegħu irid li kull bniedem ikollu.

Ġwanni jemfasizza, biex dawk li kienu jgħidu li ħadd ma mar u ġie, li min jiekol il-Ġisem u jixrob id-Demm tal-Mulej ikollu l-ħajja tiegħu fih u l-garanzija li ‘fl-aħħar jum’ jitqajjem mill-imwiet. Il-ħajja tkun fil-bniedem u l-bniedem jissieħeb ma’ Alla għal dejjem fl-aħħar jum, dakinhar li kollox jintemm fi Kristu. Ġwanni jipprova jfiehem lin-nies ta’ żmienu li l-ħajja ta’ dejjem tinkiseb fl-aħħar taż-żmien, iżda il-ħajja ta’ Alla tista’ tkun fil-bniedme minn issa stess.

Dan il-kliem u dawn l-idejat jagħmlu sens għax aħna marbutin biż-żmien, impossibli għalina li n-natura tagħna tkun maħlula minn dan il-kejl. Għalina kollox għandu bidu u għandu tmiem. Mela San Ġwann qed jipprova jurina li biex nifhmu dan il-ħsieb ta’ Alla irridu nirraġunaw kif jirraġuna hu, nidħlu fil-ħsieb tiegħu, mhux biss biex nifhmu s-sejħa tiegħu imma biex ngħixu bħalu issa u hawn.

U għalhekk il-ħieġa tal-ikel u x-xorb. Kif il-bniedem biex jgħix fuq din l-art għandu bżonn tal-ikel u x-xorb, hekk ukoll is-sopravivenza fil-ħajja ta’ Alla tinħtieġ is-sosteniment, tinħtieġ li min jgħixha jiekol u jixrob dak li jtih l-enerġija biex jgħixha. Ġesù jqiegħed lilu nnifsu fuq il-menù ta’ din il-Ħajja. Min irid jgħix fih u bħalu, irid jiekol lilu.

Jidher ċar ħafna il-ħsieb sa mill-bidu nett tal-Knisja dwar l-Ewkarestija. Il-ħobz u l-inbid li jixorbu l-insara fl-ikla tagħhom ta’ kull nhar ta’ Sibt huma l-Ġisem u d-Demm tal-Mulej. Jurihom li dan l-ikel hu meħtieġ għal min irid iżomm sħiħ fil-fidi tiegħu. L-insara ta’ żmienu kienu għaddjien minn żmien ta’ persekuzzjoni, kif jgħadud l-insara ta’ kull żmien, u biex iżommu sħiħ sa l-aħħar kellhom bżonn il-qawwa li tiġi minn Alla nnifsu.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading