Il-kunvent u l-knisja tal-Patrijiet Agostinjani fir-Rabat


Il-wasla tar-reliġjużi Agostinjani fil-gżejjer tagħna tmur lura sewwa fiż-żmien. L-ewwel għeruq tal-preżenza tagħhom f’Malta toħodna lura għat-tieni nofs tas-seklu XIV. L-Ordni ta’ Santu Wistin kien twaqqaf bil-ħidma tal-Papa Innoċenz IV sa mis-sena 1244.

Sa mill-bidu tiegħu bosta kienu l-komunitajiet fin-naħa ta’ isfel tal-Italja u fi Sqallija. Kien minn hemm li l-ewwel reliġjużi Agostinjani waslu fi gżiritna.

Huwa fatt ċert li l-Patrijiet Agostinjani tilfu l-kunvent tagħhom u dak kollu li kienu jippossedu matul l-assedju Tork tal-1429. Reġgħu bnew kunvent ieħor tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod mill-ħitan tal-belt tal-Imdina. Dan il-kunvent twaqqa’ f’Lulju 1551 waqt it-theddida ta’ assedju ieħor mit-Torok fuq Malta. Ir-raġuni għal dan kienet li l-kunvent kien viċin wisq il-ħitan tal-belt u li t-Torok setgħu jużawh għal skopijiet militari. L-Agostinjani kellhom jistennew sat-28 t’Awwissu 1555 biex jingħataw mingħand il-Kapitlu Katridrali l-kappella żgħira ta’ San Mark u ftit djar imġarrfa li kienu jmissu magħha. Din kienet tinsab fuq is-Saqqajja, barra l-Imdina.

Minn kappella ċkejkna u ftit djar imġarrfa kellha tinbena knisja u kunvent sabiex fihom l-patrijiet jaqdu l-missjoni tagħhom għax-xandir tal-Kelma. Ix-xogħol għall-ippjanar tal-kunvent ingħata f’idejn Ġlormu Cassar. Matul iż-żminijiet saru diversi interventi fuq il-binja ta’ Cassar u fl-1739 l-Agostinjani ħassew il-bżonn ta’ kunvent ikbar sabiex jaqdi l-ħtiġijiet tagħhom aħjar. Il-kunvent attwali, ġawhra arkitettonika, jeħodna għal-ewwel nofs tas-seklu XVIII. Il-perit, Andrea Belli, kien il-moħħ wara din il-binja, xempju mill-isbaħ tal-barokk malti. Bil-mod il-mod, il-kunvent ‘il barra mill-Imdina, illum fir-Rabat, sar il-qalba tal-preżenza Agostinjana, il-post tal-formazzjoni reliġjuża ta’ dawk li ħadnu l-ħajja mfassla fuq l-idejal ta’ Santu Wistin u tal-iskola filosofika u teoloġika tal-Ordni f’Malta. Il-motto tiegħu hu: vetustior glorior għax l-antikità tiegħu hi xhieda tal-glorja tiegħu mal-mixja taż-żminijiet.

Mill-bieb ta’ dik li kienet tissejjaħ il-portinerija ‘l ġewwa kienet issaltan il-klawsura billi d-dħul ta’ persuni barranin kien ipprojbit jekk mhux bil-permess. Dan sabiex titħares aħjar il-ħajja reliġjuża fi spirtu ta’ ġabra, talb u studju. Dan l-ewwel kuntatt mal-aħwa reliġjużi permezz tas-servizz sempliċi ta’ purtinar kien ta’ wens għal bosta, speċjalment fqar ta’ kull tip li kienu u għadhom ifittxu l-għajnuna. Fil-pjan ta’ isfel insibu fost l-oħrajn il-kjostru, il-kappella Bellesini, ir-refettorju l-antik u s-sagristija. Biex wieħed jitla’ fuq hemm żewġ turġien: wieħed żgħir u l-ieħor imsejjaħ scala regia.

Fl-arkitettura monastika medjevali kien jingħata valur għoli lil dawk il-partijiet tal-monasteri li kienu jgħinu lill-monaċi jgħixu fi spirtu ta’ ġabra u kontemplazzjoni. Il-kjostru tal-kunvent kellu bosta għanijiet: joffri arja u dawl, joffri spazju fejn jinżergħu siġar tal-frott u ħxejjex, kif ukoll bjar għall-ilma skont il-ħtieġa tal-kunvent … Imma fuq kollox kien joffri spazju fejn ir-reliġjuż kien jogħdos fis-skiet u l-ħemda. U hemm jitħarreġ fl-għarfien u fl-istudju u jimxi ‘l quddiem fit-tfittxija ta’ Alla.

Fl-Oratorju, iddedikat lill-Imqaddsa Verġni Marija, Omm tal-Grazzja, il-komunità tinġabar ta’ kuljum sabiex fis-skiet tfaħħar lil Alla permezz tas-salmi. Fil-Kunvent San Mark l-istudju sa mill-bidu sab il-post li jixraqlu. Fil-bibjoteka mġedda għaż-żminijiet u l-ħtiġijiet tal-istudenti tallum, u msemmija għal San Tumas minn Villanova (+1555), insibu wkoll għadd ċkejken ta’ inkunaboli u ta’ kotba li jmorru lura għas-seklu XVI. Ir-refettorju hu l-post ċentrali fil-ħajja tar-reliġjużi. Santu Wistin, fir-Regola li kiteb għar-reliġjużi tiegħu, iwissi li, filwaqt li l-ġisem jieħu dak li hu meħtieġ, il-widnejn għandhom jieħdu mill-ikel tal-Kelma ta’ Alla. Fir-refettorju kienu jitħabbru l-avviżi għall-aħwa kollha mill-Pirjol.
Hekk kif wieħed jixref fuq il-kjostru jilmaħ il-kampnar tal-Knisja, li huwa magħruf bħala s-Sultan tar-Rabat. Dan il-kampnar huwa l-ewwel binja li jintlemaħ hekk kif wieħed ikun tiela’ lejn ir-Rabat. Dan huwa l-aħħar wieħed minn sensiela ta’ kampnari li nbnew matul l-istorja. Inbena fl-1911 permezz tal-ħidma ta’ Fra Nikola Mula Sciberras OSA. Fih erba’ qniepen. Fuq il-quċċata tiegħu nsibu għadd ta’ simboli marbutin ma’ Santu Wistin u l-Ordni Agostinjan.

Il-vjal ta’ quddiem il-Knisja huwa msemmi għal Santu Wistin, raħeb, isqof u duttur tal-Knisja. L-arkitettura ta’ dan il-vjal hi eżempju mill-isbaħ tal-istil tipiku tas-seklu XIX. Quddiem il-Knisja jinstabu erba’ statwi tal-ġebel. Dawn jirrapreżentaw lil San Nikola ta’ Tolentino (+1305), lill-Madonna taċ-Ċintura, lil Santu Wistin ta’ Ippona (+430) u lil Sant’Anton Abbati (+256).

Il-knisja, li nbniet fl-aħħar żmien rinaxximentali mill-arkitett tal-Ordni ta’ San Ġwann Ġlormu Cassar, hija prototip tal-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. Il-proporzjonijiet, it-tqassim, l-arkitettura speċjalment tas-saqaf, u bosta elementi oħrajn ifakkruna fil-knisja konventwali tal-kavallieri. Hi magħmula minn korsija b’saqaf “nofs bettija” u sitt kappelluni. Fl-2017 sar xogħol ta’ restawr u konservazzjoni professjonali fuq il-faċċata tal-Knisja ta’ San Mark.

Il-Knisja nbniet flok kappella ċkejkna li l-patrijiet agostinjani rċevew mingħand il-kapitlu tal-Kattidral fl-1556. Għal żmien twil fil-prospettiva kienu jinsabu żewġ kwadri titulari: dak ta’ San Mark Evanġelista (skola rumana tas-seklu XVI) u ta’ Santu Wistin (Mattia Preti, 1694) li attwalment jinsab fis-sagristija. Damet tinbena tnejn u tletin sena. Il-kor, fejn il-komunità tinġabar sabiex tfaħħar lil Alla permezz tat-talb tas-Salmi, kien magħmul fl-1855.

Il-kunvent u l-knisja tal-Patrijiet Agostinjani fir-Rabat iwasslulna dan il-messaġġ qawwi ta’ Santu Wistin: X’inhi l-imħabba? Għandha l-idejn biex tgħin lill-oħrajn. Għandha s-saqajn biex tħaffef lejn il-fqir u min hu fil-bżonn. Għandha l-għajnejn biex tara l-miżerja u l-għaks. Għandha l-widnejn biex tisma’ l-krib u l-biki tan-nies. Dik hi l-imħabba!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.