Koppja li għandhom 10 ulied jagħtu l-esperjenza tagħhom fil-Kungress Internazzjonali tal-Familja

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa 24 ta’ Awwissu 2018: Aktar dwar il-Kungress Dinji tal-Familji – is-sit newsbook.com.mt irrapporta l-ġrajja ta’ koppja li għandhom għaxart itfal u li se jitkellmu dwar l-esperjenza tagħhom fil-Kungress Dinji fl-Irlanda.

Aktar minn 20 sena ilu, Pablo Perez iltaqa’ ma’ Liliana Olivieri u l-ewwel kliem li qalilha kienu: “Il-persuna li tieħu grazzja miegħi trid tieħu grazzja mal-erba’ li aħna.” Għax hu kellu tliet itfal.

Ftit żmien wara li ltaqgħu, l-ħbiberija ta’ bejniethom kibret f’imħabba u żżewġu. Meta ltaqgħu għall-ewwel darba, Liliana kellha 37 sena u sitt itfal. Oriġinarjament kienet iżżewġet ta’ 21 sena imma żewġha miet malajr ftit xhur biss qabel twieldet l-aħħar tarbija tagħhom. Fit-tieġ ma’ Pablo, is-sitt itfal li kellha wassluha sa fuq l-artal. Illum huma familja ta’ 12-il persuna għax wara ż-żwieġ kellhom tarbija bejniethom – Thomas.

Olivieri hi mill-Arġentina, psikologa li tispeċjalizza fl-edukazzjoni tal-familja. Spiss tirrakkonta din l-istorja meta tkun mitluba tagħti taħditiet kemm f’pajjiżha kif ukoll barra l-pajjiż. Issa, fit-22 ta’ dan ix-xahar il-koppja se jkollhom l-opportunità ta’ ħajjithom li jitkellmu fil-Kungress Dinji tal-Familji.

Huma se jiffurmaw parti minn panel li fil-ġurnata tal-ftuħ tal-Kungress se jiddiskutu kif tgħaddi l-fidi ‘l quddiem fil-famija tal-lum. Liliana qalet li se titkellem dwar l-esperjenza tagħha li “tippriedka bl-eżempju.”

Il-mara hi konvinta li l-aktar ħaġa mportanti li l-ġenituri għandhom jagħmlu biex jgħaddu l-fidi lil uliedhom hi li “jgħixuha bil-ferħ, jagħtu xiehda u jaqsmu l-fidi tagħhom ma’ uliedhom b’mod naturali minn meta jitwieldu”.

L-istejjer li kienet tgħid lil uliedha qabel jorqdu kienu stejjer mill-Bibbja jew stejjer tal-qaddisin. Barra minn dan il-familja kellha ħafna devozzjonijiet popolari bħal jieħdu sehem f’pellegrinaġġi, purċissjonijiet u jżuru flimkien kappella Marjana u jattendu ‘l quddiesa tal-Ħadd bħala familja.

“Dan għen biex uliedna jkollhom imħabba naturali għal Ġesù, Marija u Ġużeppi u l-qaddisin”, tgħid Liliana Olivieri.

Min-naħa tiegħu, Pablo sabha diffiċli biex jaċċetta li meta kibru t-tfal il-kbar, fil-quddiesa ma baqgħux joqgħodu mal-bqija tal-familja imma kienu joqgħodu bil-wieqfa fuq wara tal-Knisja. Imma dan jagħmluh iż-żgħażagħ kullimkien.

Tgħid li meta t-tfal jikbru, importanti li wieħed “jirrispetta l-libertà tagħhom u li wieħed ikellem lil Alla dwar it-tifel u mhux lit-tifel dwar Alla u minflok tagħmel konversazzjonijiet bis-sens mat-tfal u tafda fis-snin ta’ formazzjoni li kellhom fid-dar u tħallihom jaslu għall-konklużjonijiet tagħhom.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading