X’qasma ta’ qalb!


Inkun ilni nipprepara ma nafx kemm! U nagħmel kull xorta ta’ sagrifiċċji. Noqgħod lura minn ma nafx kemm-il ħaġa biex nagħti lil dik il-ħaġa l-prijorità li jixirqilha. Biex imbagħad? … Hemm ara x’tieħu!…

Iebsa! Il-weġgħa tkun, iva, kbira! Għax il-qalb tkun sfat minfuda. U anki jekk ma tkunx tidher, tibżax, id-demm igelgel mill-ġewwieni tagħha. Din hija l-ħajja ħbieb tiegħi! Dan hu l-prezz li jiena u int inħallsu l-ħin kollu. L-għaliex, minflok li noqgħod ċiċċi beqqi fil-pultruna tas-salott, quddiem it-televiżjoni, niekol il-crips u nixrob il-luminata kiesħa inkella l-alkoħol, inxammar idejja ħa nagħmel b’ħajti xi ħaġa sabiħa. U hekk nidħol fid-dinja artistika. Biex nagħmel differenza.

Dan l-aħħar kelli funeral ta’ persuna li ħabbet ħafna lill-Mulej. Kienet persuna sempliċi u ta’ fidi kbira. Niftakarni kont għadni ħiereġ mix-shift ta’ billejl. Mela tistgħu taħsbu kif kont qed inħossni f’moħħi? Ħassejtni bħal dgħajsa f’nofs ta’ baħar. Niżżeffen mal-imwieġ. Madankollu, anki f’dan il-mument ta’ tbatija għalija, f’nofs funeral, l-Ispirtu ta’ Alla tagħni taqbila ta’ kiesaħ. Babaw! Li dalgħodu nixtieq naqsamha magħkom: Mingħajr sofferenza ma nistax nagħmel differenza!

Tidher taqbila sempliċi. X’fiha jekk mhux taqbila tal-erenza ta’ l-ewwel linja mal-erenza tat-tieni linja? Imma ħej din it-taqbila fiha biċċa għerf kbir x’nogħmodu! Aħna x’ngħidu bl-Ingliż? No pain no gain! Jiġifieri, mingħajr uġiegħ m’hemmx kisba. U s-suċċessi fil-ħajja jiġu wara ħafna tbatija! Wara ħafna diżappunti! Wara ħafna u ħafna tenttativi!

U, la d-diżappunt huwa parti mill-ħajja, jien u int irridu nitgħallmu ħafna tagħlimiet minn dawn is-sitwazzjonijiet li, uħud minnhom, mhux talli niġru warajhom aħna talli jiġru warajna huma. L-ewwel, id-diżappunt ifakkarni li l-ħajja mhux dejjem ġusta. Naf! Iebsa! U nifhmek! Għax anki jien nitnikket! Fil-ħajja ħafna jinġarru ma’ dak li jidher u mhux ma’ dak li hu! Ħafna jinħallu wara l-kliem ħelu li jgħidilhom ħaddieħor. Biex, u forsi, li jkun qed jgħidu biex mingħalih iserraħ il-kuxjenza tiegħu mill-pukerija inkella mill-froġa li jkun qed jagħmel. Mela ejja mmorru lil hinn mill-kliem ħelu li nisimgħu. U bniedem ippruvah fil-prova. Fil-prova kollox! kien iħobb jgħid San Ġorġ Preca. O kemm kellek raġun Dun Ġorġ! Hawn min iwaħħallek stallett waqt li jkun qed jidilkek bix-xama! U bil-karezzi! U ngħidx għandekx raġun Dun Ġorġ!

It-tieni, id-diżappunt jgħallimni wkoll li fil-ħajja mhux kulħadd iħobbni. Mhux kulħadd jippreferini. Anki jekk inkun ħaqqni fuq li ħaqqni li jagħżluni. U r-raġunijiet jistgħu jkunu biżibilju. Hawn min jien ma nogħġbux u ma nogħġobhiex għax jgħir għalija. U allura, meta jarani, jew jipprova jkellimni, tħossu li qisu li jkun qed jagħmel sforz u mhux minn qalbu. Fih paċi ma jkollux! Int ħarislu naqra f’għajnejh. Jew f’għajnejha. Tibżax! Malajr tinduna. U innutalu l-fixla li jkollu u jkollha! Aqta’ kif ta’ taħt San Mikiel jinkixef! Hawn min ukoll ma jniżżilnix għal dak li nirrapreżenta jew inkella l-għaliex hekk, ma inżiltlux. Ma inżiltilhiex fl-istonku.

It-tielet, id-diżappunt jgħallimni li hemm affarijiet li f’ħajti irrid nibdel ukoll. Inkella ma nkunx rejali. Inkun qed ngħix fl-isħab. Fid-dinja ħadd m’hu perfett. Mela ejja nkun umli u nirranġa fejn nista’ nirranġa. U dan nagħmlu b’ħafna ferħ, sempliċità, b’għaqal u b’kalma kbira. Xi grazzja għandi meta niftakar li jien xogħol li għadu qed jiġi maħdum. Mela, li għadni ma wasaltx! Li għadni qed insir. Jew, bħall-borma, għadni intektek fuq in-nar tal-burner tal-esperjenza tal-ħajja.

Ir-raba’, id-diżappunt jgħallimni wkoll li triq magħluqa taf iddaħħalni f’toroq ġodda, isbaħ u aktar spazzjużi. Safejn naf jien kull sqaq għandu minfejn tidħol. Inkella kif inkun dħalt fih jekk ma m’għandux daħla? Id-diżappunt jgħallimni noħroġ minfejn dħalt sakemm naqbad triq oħra li twassalni b’aktar sigurtà lejn id-destinazzjoni tiegħi.

Il-ħames, id-diżappunt jgħinni nikber fl-għerf tal-ħajja. Jagħmilni, għal dawk li l-Mulej ilaqqagħni magħhom, dawl tal-Ispirtu tiegħu, l-Ispirtu s-Santu. Li huwa l-Ispirtu ta’ Għerf. Ibża’ minn min juża kull mezz possibbli biex jieħu u tieħu dak li jrid u li trid. Dawn, jekk ma ħadux tkaxkira illum għad joħduha għada żgur! L-għaliex fil-ħajja ma jistax le ikolli dak li noħlom li jkolli. U, biex nitgħallem ċertu tagħlimiet, irrid nitkaxkar naqra fit-tajn. U ninbarax ukoll.

Darba iltqajt ma’ sentenza sabiħa li aqta’ kemm għamlitli ġid! Xi minn daqqiet pjan huwa sempliċiment lista’ ta’ affarijiet li ma jseħħux! Għalhekk, meta ħaġa ma seħħlekx kif xtaqt, qatt taqta’ qalbek, u naqta’ qalbi. Għax dik l-esperjenza, dak id-diżappunt, jaf ikun biċċa minn pjan ferm isbaħ li hemm lest għalik u għalija! U, meta jgħaddi ż-żmien, int u jien naf ngħidu: mnalla dak li kelli f’rasi ma seħħx! L-għaliex li kieku illum m’għandix dak li għandi! Mela skużani ftit qasma ta’ qalbi!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.