Erbgħin sena!


Il-ġimgħa li għaddiet fettilli nidħol fuq xi clips tiegħu fuq YOU TUBE. Minn dejjem laqagħtni. Aktar u aktar għall-umiltà kbira li kellu. Qatt ma mbotta lilu nnifsu! Qatt ma tela’ fuq ponot subgħajh biex jilmħuħ! Imma kwiet. Sieket. Sakemm il-kwalitajiet tiegħu bdew jifqgħu l-blat.

Hekk niddeskrivieh. Emmnuni! Ma nistax niddeskrivieh mod ieħor. Għadni nħares lejn ir-ritratti tiegħu. B’dik it-tbissima li tisraq il-qlub! Għax, dik it-tbissima, ġejja mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna (Lq 1:78). Anzi! Dik it-tbissima hi tiegħU! Nara r-ritratti tiegħu u nieħu kuraġġ. Inxerred id-dmugħ! Dmugħ ta’ ferħ! Ta’ kuraġġ! Ta’ tama! Dmugħ ta’ paċi! Dmugħ li l-viżjoni tal-Mulej, u mhux dik tal-bniedem konfuż quddiem dnubietu u dnubiet ħutu, finalment se tirbaħ fuq kollox. Għalkemm anki issa qed twettaq rebħiet kbar u siekta.

Dak leħnu ħiemed. Dak l-għarfien li hu ċkejken. Iva! Ċkejken quddiem il-majestà kbira tal-Mulej Alla tagħna. U, minn wara dak in-nuċċali, dawk għajnejh tant sbieħ u mbissma, iħajruni niftaħ il-Kelma ta’ Alla u naqra dawk il-kelmiet tad-deheb tas-Salm 131. Liema Salm l-Ispirtu s-Santu urieni biex napplikah minn qalbi għall-maħbuba Lieni tagħna, li l-festa tagħha kienet, appuntu, nhar il-Ħadd li għadda: Mulej, ma tkabbritx qalbi, anqas ma ntrefgħu għajnejja; jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar, jew wara ħwejjeġ ogħla minni. Imma żammejt ruħi fis-skiet u l-mistrieħ, bħal tarbija f’ħoġor ommha; bħal tarbija miftuma, hekk hi ruħi ġewwa fija (Salm 131:1-2).

Kellu biex jitkabbar. Professur fit-teoloġija, b’seba’ u għoxrin sena jgħallem is-seminarju! Kellu biex jitkabbar. Karattru jħollok u ġentilezza tal-għaġeb! Kellu biex jitkabbar. Jaqra dak il-qari kollu u moħħu jixorbu! Kellu biex jitkabbar. Kien jaf ifisser kunċetti tqal u ‘l bogħod għall-poplu f’lingwaġġ li jifhmu kulħadd. Imma hemm! Baqa’ eżattament bħal dakinnhar li kien ġie elett. Hemm! Imwaħħal mal-art! Umli!

Issa naħseb li sirtu tafu għal min qed nirreferi! Għal maħbub Papa Ġwanni Pawlu I. Albino Luciani! Dak il-Papa tat-tbissima. Il-Papa li ġie elett, eżattament, nhar is-Sibt 26 t’Awwissu. Li, forsi għalik jew għal ħaddieħor din id-data m’hix daqshekk importanti. Tant li taf tkun data bħall-oħrajn. Imma mhux għalija! Il-Patri! L-għaliex, din id-data, hi dik li ratni nitwieled u nieħu nifs il-ħajja. Sewwasew 46 sena ilu! Is-sabiħa hi li l-ġurnata kienet l-istess waħda li fiha ġie elett bħala Papa l-Kardinal Luciani, is-Sibt! Mela l-Jum tal-Madonna!

Anki f’dan il-jum għażiż, jiġifieri fis-26 t’Awwissu, fil-Polonja tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna ta’ Częstochowa. U Marija hijiex ix-xempju tal-umiltà vera? Mhix dik li, minflok li qalet lil tal-camera, b’arroganza nfernali, biex iġib lilha biss minflok qaltlu biex jiżżumja fuq il-Mulej? Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi (Lq 1:47). Mela int li, bi grazzja u mhux għax bi bravura tiegħek, il-Mulej għażlek biex tagħti servizz f’post speċjali fejn Marija hi meqjuma ilbes l-umiltà u tkissirx persuni oħra li, f’għajnejk, jafu mhux qiegħdin eżatt! Ilbes l-umiltà ta’ Marija u ifhem lil kulħadd! Għaqqad u mhux tgerrex!

U, la qed insemmu l-umiltà, kif nista’ ma nsemmix qaddisa oħra li illum ukoll hu jum twelidha? Qed nirreferi għal Santa Tereża ta’ Calcutta. Dik kellha saqajha mal-art! Mela Madre Tereża, Marija u Albino Luciano x’kellhom komuni? Kellhom dak li tant nixtieq nisma’ mill-fomm il-predikaturi li jippriedkaw fuq Lieni tagħna: xammret il-komma u mhux mneħirha! Qdiet u mhux ġiet moqdija!
Għalhekk bħallum, erbgħin sena ilu, idda fuq il-Knisja dawk kbir. Id-dawl Albino Luciani. Li, l-umiltà ta’ Ġesu fih, għadha tfejjaq lili u lilek. Għadha timliena bil-paċi u bil-ferħ. Għadha tnisslilna fiduċja. Anki fil-Knisja li, bħal omm marida, għandha bżonn lili u lilek biex nieħdu ħsiebha aħna. Uliedha.

Grazzi Mulej li tajni l-grazzja li nitwieled fil-jum ta’ meta għażilt lil Papa Albino Luciani biex ikun il-Vigarju ta’ Ibnek Ġesù fuq l-art. Libbisni l-ispirtu tiegħu. Għax, l-umiltà li kellu, kienet traġġa’ ħafna nies lejk u lejn bintek il-Knisja, miġrugħa. Dik il-Knisja li qed tgħajjat lili u lilek ħa nxammru kmiemna u mhux imneħirna. Ħa nfejquha. Amen.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.