L-Isptar ta’ Kristu


F’dawn l-aħħar xhur il-Mulej tani l-grazzja li nagħmel ftit ħsibijiet fuq wieħed mill-kotba sbieħ, jekk ma ngħidx, mis-sbieħ nett nett, li kiteb San Ġorġ Preca. Dan il-ktieb, li għalija bħala Patri Kapuċċin li l-missjoni tiegħi mill-Mulej hija fl-isptarijiet mal-morda, jagħmel sens kbir ħafna. Qed nirreferi għall-ktieb mill-isbaħ ta’ Dun Ġorġ l-Isptar ta’ Kristu.

Tajjeb ngħidu li dan il-ktieb hu wieħed tabilħaqq kurjuż li qatt ħareġ minn id Dun Ġorġ Preca. Dun Ġorġ kitbu fis-snin ħamsin. Madankollu, u għal xi raġuni, dan il-ktieb ma ppubblikahx f’ħajtu. L-Isptar ta’ Kristu ħareġ għall-ewwel darba f’forma stensiljata fl-1980 u mbagħad, aktar tard, jiġifieri fl-1997 ħareġ bħala ktieb. L-Isptar ta’ Kristu inkiteb bil-għan li n-nisrani, kif jgħid San Ġorġ innifsu fid-daħla tiegħu għall-ktieb, jista’ jagħmel vjaġġ fl-immaġinazzjoni tiegħu fl-“isptar” ta’ Kristu. Hemmhekk isib lit-“tabib” li jagħtih il-kura li tkun taqbel għall-marda ta’ ruħu biex ikun jista’ jfiq minnha u hekk jikseb il-paċi. It-Tabib tas-Sema, li hu Ġesu Kristu, mhuwiex f’dan l-isptar. Siefer ‘il bogħod u se jdum ma jiġi lura. Biss, fil-post tiegħu, ħalla tobba oħra mħarrġin minnu stess u mgħallmin bl-istess duttrina tiegħu. B’hekk, dawn it-tobba, kapaċi jikkuraw lill-marid. Għall-pazzjenti nfushom dan ifisser serħan il-moħħ l-għaliex m’għandhomx le għalfejn jiddubitaw minnhom. Biex ifiqu l-morda għandhom jiftħu qalbhom ma’ dawn it-tobba u jqisuhom bi ħbiebhom. F’dan l-isptar il-kura għall-mard hi bla ħlas.

L-Isptar li qed jitħaddet fuqu Dun Ġorġ hi l-Knisja li, f’idejha, il-Mulej fada’ il-fejqan spiritwali u s-saħħa ta’ dawk kollha li jemmnu fih u jersqu lejha. Il-mard imsemmi minn Dun Ġorġ huma l-vizzjijiet li jista’ jaqgħu fihom il-bniedem, il-ġibdiet ħżiena, u ġrieħi oħra spiritwali li jnikktu lill-bniedem. Meta l-marid imur f’dan l-isptar partikulari joqgħod jistenna fil-waiting room tiegħu. Hawnhekk jibda’ jaħseb fit-tul fuq l-aħħar ħwejjeġ, in-novissimi (mewt, ġudizzju, infern u ġenna), u bl-għajnuna ta’ erba’ inkwatri kbar.

Imbagħad it-tabib isejjaħlu u jistaqsih x’inhi l-marda ta’ ruħu. U hekk kif il-marid jgħidlu minn xiex qed ibati, it-tabib iwasslu lejn is-sala mħejjija għal dik il-marda. F’dik is-sala t-tabib jagħti l-injezzjoni skond il-marda. Din tikkonsisti filli t-tabib jagħmillu lezzjoni qasira billi jurih il-kruha tal-vizzju jew il-marda tiegħu u jgħidlu x’mezzi għandu juża biex ifiq. Wara jagħtih kaxxa injezzjonijiet biex ikun jista’ jkompli l-kors għal xahar sħiħ, flimkien ma’ sentenza spiritwali biex joqgħod jaħseb fuqha. L-aħħar kliem li jgħidlu t-tabib hu: “Is-Sinjur Alla jkun dejjem miegħek.” Imbagħad isejjaħ lill-purtinar biex jakkumpanja l-pazzjent sal-bieb.

Fl-Isptar ta’ Kristu Dun Ġorġ jitratta 22 suġġett, li huma: iż-żina, il-korla, l-għira, il-mibegħda, ix-xeħħa, is-suppervja, is-serq, il-gidba, il-vanaglorja, id-dagħa, it-tlablib, l-ambizzjoni, l-ikel u xorb żejjed, il-vendetta, il-qtigħ il-qalb, il-bruda, l-iskrupli, il-ġlied, il-fittaġni, il-kurżità, l-għażż u n-nuqqas ta’ fidi. Jidher li Dun Ġorġ kellu l-ħsieb li jżid xi suġġetti oħra qabel ma ried jippubblikah bħas-supersitizzjoni u t-tfittxija għall-kumdità. Inġibu silta minn dan il-ktieb:

It-Tabib: Għidli, x’inhija l-marda tar-ruħ tiegħek? Il-Marid: Hija l-marda tal-ġlied. It-Tabib: Immorru fis-sala ppreparata għal din il-marda. Sala nru. 18: Is-Sala tal-ġlied. It-Tabib: Oqgħod attent għal din l-injezzjoni li se nagħmillek għall-fejqan ta’ din il-marda tal-ġlied. Kun af li hemm tliet kwalitajiet ta’ ġlied: 1. ġlied bl-idejn, bir-riġlejn jew bl-armi; 2. ġlied bl-ilsien, bi kliem inġurjuż, bi kliem ħażin u b’tgħajjir li jweġġa’ l-qalb bil-mankamenti tan-natura u bid-difetti; u 3. ġlied tas-silenzju: la kliem u lanqas sliem, mibegħda.

Ġlied ta’ kull xorta huwa sinjal ta’ qalb ħażina, u meta l-qalb tkun ħażina ma jistax ikollha ferħ, kwiet u paċi, iżda biża’, inkwiet u taħbit. Il-bnedmin li huma ta’ Alla huma dawk li għandhom qalbhom tajba, għax Alla huwa tajjeb; u l-bnedmin li għandhom qalbhom ħażina huma ta’ Satana (ix-xitan), għax Satana sa mill-bidu kien qattiel u ħażin. Issa jekk wieħed jaf li huwa ta’ Satana, allura jista’ jkun li ma jbiddilx il-qalb tiegħu?Min jiġġieled ikun qed joffendi ‘l Alla għax il-bniedem huwa xbieha ta’ Alla, u ma jistax ikun li min iħobb persuna iżeblaħ ir-ritratt jew ix-xbieha tagħha. Alla jimpurtah ħafna mill-imġiba tagħna mal-proxxmu, u tant jimpurtah, li kif jgħallem Kristu, Hu jġib ruħu magħna kif aħna nġibu ruħna mal-proxxmu.“Bl-istess kejl li tkunu kejjiltu bih lill-oħrajn, ikun lilkom imkejjel” – ħniena bi ħniena, ġustizzja b’ġustizzja u vendetta b’vendetta. Skond in-natura jenħtieġ li wieħed iħarrax u jwebbes qalbu bil-mibegħda anki biex jgħid kelma ta’ tgħajjir, u wisq iżjed biex jagħti bil-ponnijiet. Il-ġlied mhuwiex ħaġa ta’ Alla għax Alla hu mħabba, u min jiġġieled la jħobb ‘l Alla u lanqas lil Kristu li jgħallimna li kull ġid jew kull deni li nagħmlu mal-proxxmu jgħoddu magħmul miegħu stess, u fl-istess ħin lanqas ma jkun iħobb lilu nnifsu la jrid imur jinħaraq għal dejjem (fl-infern).

Din hija l-injezzjoni li tajtek għall-fejqan minn din il-marda li hija perikoluża wisq għad-deni mhux biss tar-ruħ imma wkoll tal-ġisem. Issa se nagħtik kaxxa injezzjonijiet mill-istess kwalità għal tul ta’ xahar biex tagħmel waħda kuljum u magħha se nagħtik sentenza: “Jekk jista’ jkun min-naħa tiegħek żomm il-paċi ma’ kulħadd”, kif jgħallimna San Pawl. Is-Sinjur Alla jkun dejjem miegħek.

Akkwista kopja tal-ktieb L-Isptar ta’ Kristu. Huwa ta’ mitqlu deheb għal ħajtek!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.