Il-karta tal-ħut


Meta konna żgħar kien jgħaddi tal-ħut. Jgħajjat kemm jiflaħ: Ħajjin! Ħajjin! Ħallieha li meta kont nittawwal lejn it-tilari ħlief ħut stendut ma kontx nara! Madankollu xorta waħda kien jgħajjat: Ħajjin!

Ġieli, anzi, ta’ spiss, niltaqa’ ma’ nies li jgħiduli: Patri! Jien lejn il-quddies ma nersaqx! Inkella, kif qalli darba wieħed: Tini t-tqarbin! Għax fikom ma nemminx aktar! Bħalma tafu lili tarawni magħkom. Fl-isptar. Mill-ewwel tagħrfuni. M’hemmx f’hiex titfixkel. Dak hu! (Mt 26:48). U, biex nagħmel tiegħi l-kliem ta’ Ġesù, li bejnu u bejni hemm abbiss, ngħidilkom: Għedtilkom li jien hu (Ġw 18:8).

Li nies ma jiġux il-Knisja għall-quddiesa hi xi ħaġa li lili tweġġagħli qalbi ħafna. Mhux l-għaliex dan il-fatt qiegħed iweġġa’ lili daqskemm l-għaliex qiegħed iweġġa’ il-qalb ta’ Kristu li tant iħobbna. Il-Knisja hi aħna ilkoll! L-imgħammdin! Mela, kull min hu mgħammed, hu l-Knisja. Għalhekk Ġesù qalilna: Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom (Mt 18:20).

Ħbieb, għal Ġesù kulħadd ajma qalbi! Mela l-attivist politku ajma qalbi! Il-persuna, hi x’inhi l-orjentazzjoni sesswali tagħha, ajma qalbi! L-iddevorzjat u l-iddevorzjata ajma qalbi! Min qiegħed iħawwad u qiegħdha tħawwad ajma qalbi! Min qed jiġi mwaħħad u mħawda ajma qalbi! Bħalma anki hu ajma qalbi! il-qassis, flimkien mal-patri, is-soru, l-isqof, il-kardinal u l-Papa! Mela, għal Ġesù, Aħna ilkoll ajma qalbi! Għax aħna, nagħmlu x’nagħmlu, ngħidu x’ngħidu u niktbu x’niktbu, kollha ajma qalbU! Għax aħna tiegħU!

Emmnuni ħbieb li meta naqra d-Djarju ta’ Santa Fawstina – li tistgħu issibu b’xejn hawn http://www.laikos.org/Djarju_Sta_Fawstina.htm – minn għajnejja dejjem ileħħu d-dmugħ. Kliemu sinċier wisq biex nipprova nħassarulu jien, Patri midneb, bir-raġunament midneb tiegħi ta’ bniedem li jara biss sa mnieħru u mhux sa qalbU. Qalb Ġesù tal-Ħniena! U mhux għalhekk li mhux l-ewwel darba nkun ħa nitwerreċ meta nibda’ nirraġuna kollox bir-raġunamenti u l-argumenti li għandi fija u dawk li hemm iħokku miegħi! Mela, Mulej eħlisni nitolbok li ma jmurx nidħol ġo xi ħajt!

Darba ħbieb qrajt dawn il-kelmiet mid-Djarju li Ġesù qal lil Santa Fawstina: Kun af li ssewwidli Qalbi ħafna meta inti ma tirċevinix fit-Tqarbin (Djarju, 156). Xerridt id-dmugħ meta qrajt hekk. Iddispjaċieni bil-bosta! Mhux għalija! Għax jien ħaqqni! Jien ma jistħoqqlix! Imma Ġesù tabiħaqq jistħoqqlu! U tassew li iddispjaċieni meta ħassejt lil Qalbu tissewwed daqshekk. Hu! Li jistħoqqlu biss the best! Għax hu Just the best!

Kemm hawn nies li ma jersqux lejn Knisja għall-quddies! In-numru qed jikber! Mhux il-każ li nidħol fir-raġunijiet l-għaliex. Dak kulħadd jafhom hu. Imma hemm ħaġa ħbieb li, il-Mulej Ġesù, għallimhieli permezz tal-bejjiegħ tal-ħut! X’tagħlima kbira għallimni bih! U biha! Jekk jien nagħtik biċċa deheb li, daqskemm tiswa’, m’għandhiex prezz għax hi imprezzabbli. U din il-biċċa deheb nagħtihielek f’karta tal-ħut. Int, l-għaliex nagħtik din il-biċċa deheb f’karta tal-ħut li tinten, u taf tintenn is-seba’ pesti, taqbad u tarmieha? Żgur li le! Anzi! Tippreferi tieħu l-biċċa deheb anki jekk tkun imġeżwra fil-karta tal-ħut tinten. Kemm int għaqli! U għaqlija! Prosit! U dan tagħmlu l-għaliex taf il-valur imprezzabbli tagħha!

Ħbieb, il-quddiesa hija dik il-biċċa deheb imprezzabbli. Għax, fil-quddiesa, nirċievu l-istess Kelma flimkien mal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu. Issa min jiċċelebraha, jien u ħuti s-saċerdoti, anki jekk forsi mhux quddiem il-bnedmin, ilkoll, min ftit jew wisq, nintnu quddiem il-Mulej Ġesù! Bħalma ninten jien li mmur għall-quddies jew jien li iddeċidejt li l’hemm aktar ma nersaqx. Issa ejja nkun għaqli u għaqlija! Ejja nagħmel differenza bejn il-biċċa deheb u l-karta tal-ħut! Ejja ma narmix id-deheb, li hi l-quddiesa, mal-karta tal-ħut! Le! Ejja nibqa’ immur għal dik il-biċċa deheb imprezzabbli li hi l-Kelma ta’ Alla u l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Sidi. Il-quddiesa! L-għaliex biha, jiġifieri bil-qawwa tiegħU, li jien se nkompli miexi u miexja mixjieti f’din il-ħajja. Jien li, bħal min qed jiċċelebraha, quddiemu ninten ukoll. Għax jien ukoll karta tal-ħut!

U, bilħaqq, taf x’hemm sabiħ fil-biċċa tal-karta tal-ħut? Li min jiċċelebraha u min jattendi għall-quddiesa t-tnejn li huma karta tal-ħut! Għax it-tnejn li huma jintnu! Mela t-tnejn li huma għandhom bżonn il-fejqan! Kemm hu għaqli ħbieb li, minflok li naħa jew oħra jakkużaw lil xulxin bl-intiena tal-ħut jaqbdu id f’id ħa ngħinu lil xulxin biex nħallu l-fwieħa ta’ Kristu (2 Kor 2:15) tfewwaħna ilkoll! Dik il-fwieħa li tiġi mill-quddiesa!

Ħalliena mill-boycott jew mill-kundanni! Ejjew immorru għall-quddiesa. U nilqgħu lil xulxin fil-quddiesa! Għall-biċċa deheb imprezzabbli li, int u jien, tant għandna bżonn. Għax b’dik il-biċċa int u jien nistgħu nimtlew bil-ħniena, bit-tjieba, bl-umiltà, bil-ħlewwa, bis-sabar u bil-maħfra! (ara Kol 3:12-13. 16). U, għax it-tnejn li aħna karta tal-ħut, nistgħu iva niftħu għajnejn xulxin bl-imħabba ta’ Kristu! Imbagħad veru nkunu: Ħajjin!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.