Kif tgħajjijni!


Dakinnhar kienet ġurnata ta’ xogħol mhux ħażin. Il-pages bdew deħlin bħalma jidħlu l-ordnijiet għall-pizzez biex jitwasslu fid-djar. Miskin dak tal-mutur jew dik li ssuq il-karozza! Lanqas nitfa’ ċans ta’ mistrieħ ma jkollhom! Nitħassarhom!

Mela dħalt f’sala. U hi kienet wara d-desk. Taħdem. U dejjem sejra. Għalhekk napprezza lilha u lil sħabha li jaħdmu magħha. Kollha kemm huma mingħajr distinzjoni. Eh ħija! Il-ġurnata tax-xogħol tagħhom jagħtuha. U jagħtuha sal-qiegħ u mill-fond tal-fond ta’ qalbhom! Imma, f’daqqa waħda, smajtha tgħidlu: “Kif tgħajjijni!”

Iva ħbieb! Għajjijha! Int ġieli għajjietek? Jew, inkella, għajjiek? Lili ġieli iva għejjewni. U għajjewni sewwa! Bħalma ninsab ċert li għejjejt lilhom jien ukoll. Imma x’inkunu qiegħdin ngħidu sewwa meta ngħidu: “Kif tgħajjijni!?” Ħeqq! Ikolli ngħid li din il-frażi tfisser li meta rasek u l-bronż ikunu xorta waħda allura hemm tkun qed tgħejjijni. Ikun ifisser li meta ngħidlek vit u int tagħmilli skorfina hemm ukoll tkun qed tgħejjijni. Ifisser ukoll li meta ngħidlek si u int tweġibni no hemm tkun qed tgħajjijni. Allura dak li nkur irrid infissrlek meta, daqskemm ilek taħlili enerġija fix-xejn, ngħidlek li aħjar tmur titfa’ rasek x’imkien qabel nitfagħhielek jien! U ngħidlek dan sempliċiment l-għaliex tkun tassew għejjejtni! Fi kliem ieħor l-għaliex tant tkun dejjaqtni, u ma nifilħekx aktar, li nasal ngħidlek, mingħajr ħafna tidwir u mutetti: “Sparixxi minn quddiemi!”

Din ukoll parti mill-ħajja ħbieb! U dan il-mument iebes jgħaddi minnu kulħadd. Speċjalment dawk li, minflok li jinqaflu f’kamrithom biex jaraw it-televiżjoni inkella jaħlu l-ħin jilgħabu bl-iPad jew bil-mobile, joħorġu minn dak il-komfort u jaffaċċjaw lin-nies. Tifhmunix ħażin! Sabiħ li tiltaqa’ man-nies. Sabiħ li tkun magħhom. Sabiħ li tkun għad-diżpożizzjoni tagħhom. L-aktar ma’ dawk tal-familja stess. Għax, u issa ngħiduha kif inhi, m’hawnx isbaħ mill-familja. Ir-raġuni hija ovvja! Jekk il-Mulej stess huwa familja: Missier, Iben u Spirtu s-Santu?!

Imma ħej aħna bnedmin. U ġieli jkun hemm dawk l-uħud li, jew għax veru, inkella l-għaliex iħobbu jilgħabuha, jagħmlu, finalment, ta’ rashom. Iwettqu kollox kif ipasprilhom is-sur moħħhom. Għax hekk ħassew li għandhom jagħmlu. Anki jekk, u dan jafuh bħalma nafuh int u jien, li l-ħass jiżloq u jżellaq. U meta tiżloq ma tafx kif tiġi! U fejn se tiġi!

Kif Tgħejjijni! Kif tgħejjijni! … Skiet. Jaf il-persuna l-oħra tiskot. Jaf tidħak. Inkella tirrabja. Jew tirritalja bil-kelma. Jew b’xi ħaġa oħra. Allaħres! Għax veru nkunu wasalna fix-xifer! Imma, u ngħid jien, jiena li qed ngħid: “Kif tgħejjijni!”, x’seta’ għandi fuqek? Qed nesprimilek it-tferfir intern li qed inħoss f’dan il-mument. L-għaliex, bl-imġieba tiegħek, qed iddejjaqni. Ma toġgħobnix. U, u issa ħa mhux ħa nogħmodha, marradtni! Ismagħni ngħidlek, “Kif tgħejjijni!” Kollox sew! Jekk hemm affarijiet li tista’ tgħidhomlhom tant l-aħjar. U jalla li l-affarijiet jitranġaw. Imma jekk m’hemmx, l-għaliex ma nifilħekx, u forsi minni li ma nifilħekx, minħabba l-karattru diffiċli li għandi, x’ħa nagħmel? Kif ħa nqattagħha ħajti miegħek fuq ix-xogħol? Jew, jekk jogħġbok, jekk qed ngħixu taħt l-istess saqaf?

Qabel nibda’ nfajjar, ngħajjar, nibbotja, nantifona, intajjar il-platti jew il-karti li għandi quddiemi fuq l-iskrivanija, ejja nidħol daħla fija nnifsi. Int mobile għandek? Iva! Anki smart phone? Għandi! Milhux daħħalt wieħed ġdid! Tajjeb! Prosit! Int ġieli l-batterija tal-ismart phone tiegħek tibda’ nieżla? L-għaliex tibda’ tonqsilha l-qawwa tagħha? Iva! Mela se tifhimni mill-ewwel dak li se ngħidlek. Ara kemm ġejt preċiż għall-punt! X’tagħmel meta tinżillek il-batterija? Mhux niċċarġjaha x’kull waħda!

Prosit! Mela issa żgur li fhimtni! Meta tibda’ tonqoslok il-paċenzja u tibda’ tixgħellek il-bozza l-ħamra, sinjal li l-paċenzja tiegħek tibda’, bil-mod il-mod, tħallik. Jew aħjar tkun waslet fil-qiegħ! Allura, meta l-qanpiena tar-rieda tibda’ iddoqlok, sejjaħlu! Sejjaħ lid-DOTTOR STRANAMORE, l-Ispirtu s-Santu, u itolbu hekk: Spirtu s-Santu, iċċarġjani bil-paċenzja tiegħek! Amen.

Hi! Dasqhekk biss? Mela! Daqshekk biss! Imbagħad ħallieh imexxik hu. Meta tibda tarak tieħu paċenzja f’sitwazzjonijiet fejn qabel kont ittajjar kulma issib quddiemek irringrazzjaH lill-Ispirtu s-Santu! L-għaliex, mingħajr ma tkun taf, ikun tefgħek mill-batterija għal fuq ic-charger!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.