L-Evanġelju tal-Erbgħa 5 ta’ Settembru 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 4, 38-44

Immedjatament wara li ppriedka u keċċa l-ispirtu ħażin mir-raġel, Ġesù baqa’ sejjer mad-dixxipli tiegħu għand Pietru. Jidher li Pietru u ħuh ma baqgħux joqgħodu Betsajda, minn fejn ġew, iżda marru joqgħodu fid-dar ta’ Pietru f’Kafarnahum.

Mal-familja tiegħu, kien joqgħod ħuh u omm il-mara. Jidher li Pietru kien il-kap tal-familja. Minn dak li jgħidilna l-evanġelista, din kienet l-ewwel żjara li Ġesù għamel fid-dar ta’ Pietru wara li Pietru ssieħeb ma’ Ġesù. Barra li kien is-Sibt, u allura jum li l-familja tqattgħu flimkien, kien hemm din iż-żjara tar-rabbi, li Pietru min jaf kemm tkellem dwaru, anke biex jiġġustifika mal-mara u mal-kunjata id-dixxipulat tiegħu u dak li kien jaħseb li se jfisser għalih u għalihom.

Sa mill-bidu tiegħu, huwa l-fatt li ma hemmx lok għal telf ta’ żmien; kollox isir malajr, mill-ewwel, mal-ħaġra t-tajn. Quddiem dak li qed jiġri m’hemmx lok għal ħafna ħseib żejjed. Donnu l-Evanġelista qed jgħid lil dawk li jisimgħuh: issa sar biżżejjed ħsieb u raġunament u diskussjoni; issa huwa l-waqt li nieqfu naħsbu u nibdew ngħixu. Iż-żmien tal-qis mitt darba għalaq; issa ż-żmien li taqta’ darba. Dan ma jagħmlux Ġesù biss imma anke dawk ta’ madwaru, dawk li qed jittieħdu minnu. Quddiem is-sejħat diretti u ndiretti ta’ Alla, m’hemmx x’wieħed joqgħod jaħseb u jqis u jkejjel; la qed isejjaħ hu wieġeb mill-ewwel. Ħadd ma jitlajja quddiem dak li jġib il-ferħ u t-tama.

Il-kunjata ta’ Pietru kienet bid-deni. Normalment id-deni jħallik bla saħħa, anke meta tixtieq tqum u taqleb id-dinja ta’ taħt fuq; ma jħallilek aptit u saħħa ta’ xejn u hekk ġrala din il-mara. Ġesù jaqbadha minn idha u jqajjimha. Id-deni, għall-qawwa ta’ Ġesù, iħalliha sewwa sew kif l-ispirtu ħażin, ftiy ħin qabel, għall-kelma setgħana ta’ Ġesù joħroġ minn dak ir-raġel. Nafu wkoll li d-deni ma jħallikx malajr, biex jinżel u jiġi f’postu jieħu l-ħin imma din il-mara, kif messha Ġesù qamet u bdiet isservihom. Saħħitha ġiet għan-normal mill-ewwel u b’ħeġġa kbira ferħet magħhom u qdiethom.

Ġesù mar għand Pietru u qalulu b’omm il-mara; daħal ħdejha u ħadilha idha u fejjaqha; kif fejjaqha qamet u bdiet isservihom. Il-kelma wkoll bdiet tinxtered. Filgħaxija nġabret il-belt bi ħġarha. Nafu li s-Sibt ma wieħed ma setax jimxi iktar minn ċertu tul, ma setax iġorr iktar minn ċertu toqol; għalhekk in-nies stennew ix-xemx tinżel, biex is-Sibt ikun spiċċa, u nġabru jitolbu ħniena mingħand dak li filgħodu kien keċċa spirtu ħażin u li ftit wara fejjaq mara mid-deni. Il-fatt hu li bdiet tiġri l-kelma, minn fomm għall-ieħor, li, fir-raħal kien hemm min qed ifejjaq, li kellu setgħat differenti, li l-kelma tiegħu kellha qwwa speċjali. Minn ħaġa għall-oħra, minn bniedem għall-ieħor; ix-xhieda taħdem b’immedjatezza u bi qsim ta’ esperjenzi.

Iżda minnufih niftakru wkoll li l-għan ta’ Ġesù ma kienx li jfejjaq jew ikeċċi l-ispirti ħżiena. L-għan ewlieni ta’ Ġesù kien it-tagħlim. San Ġorġ Preca, meta rrifletta dwar dan, ikkonkluda li t-tagħlim hu l-għajn ta’ kull ġid. Ġesù kellu dan il-għan, li minnu jiġi kull ġid; il-bnedem li jfiq jista’ jerġa’ jimrad, il-bniedem li jindem jista’ jerġa’ jiżbalja, iżda il-verità ta’ Alla, li tidħol fil-bniedem tibdillu ħajtu u tagħtih għerf u tama li ma jneħħihom ħadd.

Mhux ta’ b’xejn li l-għedewwa tal-bniedem, biex idgħajfuh u jimmanipulawh, jagħmlu minn kollox biex iċaħħdulu l-verità ta’ Alla billi jiskreditawha, u jaqtgħulu qalbu mnn dak li ġej bl-illużjoni li l-ħajja hija biss issa u hawn.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading