Sufha!


Ixxommni minn seba’ mili bogħod! Tkun lanqas għadha infetħet il-bieba tal-lift. U hekk, kif il-bieb ta’ barra jinfetaħ, araha tiġi tiġri għal fuqi! B’denbha jferfer! Tafu li tibda’ titriegħed daqskemm tibda’ tifraħ bija!

Ġieli jkollha f’ħalqha l-ballun. Ħeqq! Mhux ovvja sieħbi! Trid ir-rambaġġ! X’ħin tarani, għalkemm ċkejkna ċkejkna, aqta’ kemm tibda’ togħla mal-libsa lewn il-ħamrija tiegħi. Qisha tkun qed tgħidli: “Ejja rieqed! Qum minn hemm! Ħa nilgħabu naqra! Daqskemm kemm ilni nistenniek! Isa! Tittortunanix aktar!”

U jien, quddiem kelba ħelwa ħelwa, bajdanija, ikolli nitlef “qdusieti” (?). Ikolli noqgħod! Għax mara hi! Mela, bis-sewwa jew bid-dnewwa, tagħha se tgħaddi! U naqbad dan l-imbierek ballun. Inkun se nwaddabulha l-aħħar. U, nagħtiha l-impressjoni li nkun se nwaddbu fil-bogħod. ‘Il bogħod! ‘Il bogħod! … Inkun lest biex inwaddbu u kollox. Riġli x-xellugi iżżomm il-ġisem tqil tiegħi f’postu. L-għaliex, b’riġli l-lemini, nagħmel ta’ bir-ruħi li nkun se ntir daqskemm se nwaddab dan l-imbierek ballun fil-bogħod. Nerġa’ ngħid … fil-bogħod ‘il bogħod… Lil hinn mill-Gżira maħbuba tagħna. Iva! Lejn il Belpaese! Il-pajjiż tal-għaġin, tal-kultura u tan-natura!

Imma, għalkemm ħsiebi jkun hemm, qalbi tgħidli: “Bil-mod Patri! Taqsmilhiex qalbha jaħasra lis-sinjorina Ferfiera! Int ħallieha tifraħ naqra x’kull waħda! Uff! Kemm int stramb taċ-ċoqqa!” U jien, għal din it-tpespisa ħelwa femminili, ikolli noqgħod. Għax raġel jien! U mhux mara! Mela nżerżaq bil-mod, u minn idi l-leminija, jaqa’ l-imbierek ballun! U hi, f’ħakka t’għajn, araha tiela’ għalih! Ġieli lanqas tħallieh imiss mal-art daqskemm tkun ħafifa! F’radda ta’salib mal-ewwel taħkmu f’ħalqha. U, it-tferfir ta’ denbha, flimkien mar-rogħda li jkollha fuqha, kemm jitqawwew bil-bosta!

U jien x’nagħmel? Ħeqq! Immur niġri mill-ewwel għal fuq il-pultruna. Inkella, is-sinjorina, toħodieli. U hi, bir-rankatura kollha, tiġi tiġri għal fuqi. Aqta’ kif titla’ għal fuq riġlejja! U ara taħsbu li se taqta’ qalbha tafux! U mela le! Jekk ma jseħħilix titla’ mal-ewwel darba tipprova mat-tieni, mat-tielet, mar-raba’, insomma, għal ma nafx kemm hemm bżonn. Sakemm fl-aħħar titla’! Tafu li qatt ma rajtilha wiċċha aħmar meta tagħmel hekk? Qatt ma stħat. U, jekk inkunu qegħdin inżikuha xi naqra, avolja tintebaħ l-għaliex kollox tifhem, ara taħsbu li se tagħti kasna! Is-sinjorina tibqa’ tipprova sakemm tieħu dak li trid! X’tagħlima għalija hux li meta nirċievi xi kritika mingħand xi ħadd ta’ madwari arani naqta’ qalbi! U le! X’naqta’ qalbi! Nibqa’ sod u soda bħalma tagħmel hi! L-aqwa li nkun connected mal-Wifi Provider, il-Mulej!

U mbagħad, meta tarani fuq is-sufan, dlonk tibda’ ir-rambaġġ. Titla’ fuq riġlejja. U jien mill-ewwel nibda’ inżiegħel biha. Iż-żegħil tħobbu daqs ma nafx xiex. Ħeqq! Mara hi! U x’jiġri? Jseħħli noħdilha l-ballun! Ħa nwaddbu! Imma issa ma nwaddabulhiex mill-ewwel. Issa noqgħod nittratieni. Mela l-ewwel naħbiħ fil-but taċ-ċoqqa. Imma ħej hawn irrid noqgħod attent! Darba minnhom għamlet ikla tajba mill-palċmini tal-Kelma ta’ Alla. X’għamlet? Stadietni imbierka li hi. Daħħlet gedduma fil-but u bdiet tisraqhomli naqra naqra! Ippruvajt kieku naljenaha bid-dental sticks. Imma x’taljenaha taljenaha! Minn kelba ħelwa saret iljun, tigra u leopard feroċi! Mà x’biża!

Sadanittant il-ballun nibda’ ngħaddih l’hawn u l’hemm. Ħalli ma ssibux! U x’tagħmel? Tiġri fuqi! Daqqa tidħolli fil-kapoċċ. Inkella idur wara għonqi! U, kulfejn tkun, is-sinjorina tħalli s-suf bajdani, nadif u sabiħ tagħha. Meta nkun se nitlaq minn għandhom nintebaħ kemm ikolli suf fuqi! Iċ-ċoqqa timtela’ b’sufha! Mhux l-ewwel darba li nkun l-isptar u titlagħli xi sufha minn tagħha. Inkella fuq it-Televiżjoni nintebaħ li mal-microphone nsib il-jolly: sufha! Emmnuni! Aqta’ kif inkun se ninfaqa’ nidħak Live!

Għax sufha għalija relikwa. Ngħożżu! L-għaliex ifakkarni kemm hu sabiħ li tħobb u tifraħ b’ħaddieħor. U allura, jekk smajtni ngħid li suf il-kelba hu relikwa, m’għandekx għalfejn sieħbi tieħu qatgħa. Għax ħa ngħidlek, ma jiswa’ xejn li “l-qdusija” (?) ma jkollhiex imħabba u affett tafx! Dik tkun biss rexta. Jew, kif inħobb ngħidilha l-għaliex inġarrabha, “ħdura qaddisa”. Le ħbieb! Il-kesħa m’għandniex x’nambuha! L-isptar għallimni li l-kesħa tqabbad ic-chest infections. L-infezzjonijiet fis-sider! U aqta’ kemm pazzjenti jmutu biċ-chest infections! U kemm ibażwru l-infezzjonijiet tas-sider!

Mela ħalliena mill-kesħa u ejjew nifirħu b’xulxin! Ejjew inkunu ħelwin u qalbna tajba bejnietna! Taf x’naf ngħid: mhux l-għerf tal-kotba u tal-moħħ jagħmel ħajjitna sabiħa. Hija l-imħabba li tagħmel ħajjitna ġenna fuq l-art. Minkejja iva t-tbatija li jkollna ngħaddu minnha. L-għaliex f’dinja qiegħdin.

Millum il hemm se nagħmel flixkun u niġbor sufha kollu li tħallili fuq iċ-ċoqqa. U jalla sufha jfakkarni kemm għandi nħobb … bħalha!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.