X’niket titlef pet!


Kemm kienet tħobbha! Kemm kienet ittarfilha sigrieti! Kemm imxiet magħha fit-triqat mudlama ta’ ħajjitha. Iżda xorta ġie il-mument. Iva! Dak l-eħrex mument. Li, kontra qalbha, kellha traqqadha!

U, mar-raqda tal-mewt, qam tsunami ta’ uġiegħ. Niket wara niket. L-għaliex, Angie, m’għadiex aktar magħna! Angie Angie! Kif ħallejtni! U, aktar ma smajt u għadni nisma’ il-krib tal-uġiegħ tagħha għat-telfa iebsa tal-kelba tagħha Angie, mill-ewwel jiġuni l-kliem qawwi tad-diska sabiħa tar-Rolling Stones Angie: Angie, I still love you, remember all those nights we cried? All the dreams we held so close seemed to all go up in smoke. Let me whisper in your ear: Angie, Angie, where will it lead us from here?

Anki jekk l-imsejkna kelba Angie, f’koma, xorta waħda baqgħet tingħi l-għaliex il-kankru kissirha, hi xorta baqgħet tgħidilha li tħobbha. Kif qatt setgħet tinsieha? Hi li, f’artha, xogħol m’hemmx! Kif setgħet tinsa’ lil Angie meta l-ħolm li hi kienet taqsam mal-kelba għażiża tagħha issa sar biss duħħan? Għax issa, Angie, kienet biss memorja. Xi ħaġa tal-passat. Angie issa kienet tifkira li titliegħeb fid-duħħan tal-arja. Hemm. Fil-beraħ! Angie! Angie!

Bqajt niftakarhom sewwa l-bikjiet li għamlet, waħda wara l-oħra. U ħa ngħidilkom ħuti, mingħajr ħafna stagħġib jew tidwir, kemm ħassejt fiha l-istess spirtu ta’ dak li hemm miktub fil-Kelma ta’ Alla meta tgħidilna: F’Rama nstama’ leħen, biki u lfiq kbir: Rakel tibki lil uliedha u ma tridx min ifarraġha, għax ma għadhomx iżjed (Mt 2:18). Hekk kienet ir-rejazzjoni tagħha meta kellha, ta’ bilfors, traqqadha. Dak is-Sibt kiefer fil-11.30 ta’ filgħodu. Minn fommha nstema’ biss leħen ta’ biki u lfiq kbir. L-għaliex, Angie, m’għadhiex iżjed.

Ippruvajt infarraġha. Imma ma sibt l-ebda kelma li setgħet tagħmel dan. Tlabt magħha. Iżda n-niket tagħha kien kbir wisq. Ħbieb, dan hu l-fenomenu ġdid fil-kultura tagħna. Il-fenomenu tal-bereavement meta jmutu l-pets tagħna. Minħabba n-nuqqas ta’ fiduċja fil-bnedmin ħutna qed ningħalqu wisq għad-dinja ċkejkna tal-pet. Għax naħsbu li l-pet se jagħtina l-imħabba kollha li qiegħdin nfittxu. Għalhekk, meta l-pet imut, qed nitkissru. Allura x’nagħmel jekk mietli l-pet? Kif ħa nikkowpja mas-sitwazzjoni?

Moira Anderson Allen, M.Ed, fl-artiklu tagħha The Moment After: Surviving Pet Loss, tagħtina għaxar modi ta’ kif nistgħu ngħixu l-mument fejn m’hemmx aktar f’ħajjitna l-ħabib, il-kunfidanti, il-kumpann li mexa magħna fl-istadji kollha ta’ ħajjitna meta kien ħaj, magħna.

L-ewwel, nieklu xi ħaġa. In-niket jikkunsmalna turrun enerġija. U meta nieklu diġà nħossuna aħjar. Mela nieklu. Almenu innaqru. Ħa nsostnu saħħitna. It-tieni, nibku. Ħa nfissru d-dieqa tagħna fil-biki. Jekk hemm bżonn anki nieħdu ġurnata OFF biex nibku l-pet tagħna. Il-luttu jidħol anki fid-dinja tal-pets. Hekk, l-għada, jkollna aktar moħħ biex nidħlu lura għax-xogħol. It-tielet, insibu xi ħaġa x’nagħmlu. Għalkemm tidher banali din il-ħaġa tgħinna naġġustaw il-perċezzjoni tagħna u anki tgħinna nagħrfu li waqt li n-niket hu parti minn ħajjitna iżda żgur li mhux ħajjitna kollha lanqas.

F’dan il-mument ta’ niket għat-telfa tal-pet tagħna irridu nirringrazzjaw lill-Mulej tal-barkiet li għad fadlilna f’ħajjitna. Wara l-mewta tal-pet żgur li ċertu barkiet f’ħajjitna baqgħu bħall-familja, il-pets l-oħra ħajjin, il-ħbieb u interessi oħra. Kemm hu mportanti li dawn l-affarijiet niktbuhom ħa nibqgħu rikonoxxenti għalihom mal-Mulej. Għalkemm dawn ma jimlewx il-ġerħa li ħalla warajh il-pet żgur ifakkruna li ‘l barra minn din il-ġerħa li nġorru hemm dinja oħra li qed tistenniena. U li aħna għandna parti minnha. Il-ħames ħaġa hi li niftakru f’affarijiet li m’għandhomx x’jaqsmu mal-pet li nkunu tlifna. Ejjew mela nirriflettu fuq affarijiet li l-mewta tal-pet żgur li ma missitx. Hekk, ngħidu aħna, it-telfa tal-pet tiegħi żgur li ma affettwatx il-ħila tiegħi li jkolli diskursati ma’ żewġi, marti, uliedi, il-ġenituri, ħuti jew ħbiebi. Lanqas mal-mewta tal-pet tiegħi ma qed timpedini milli nikteb jew naqra xi ktieb sabiħ. Għalhekk, meta jmutilna xi pet, ejjew niffukaw fuq dawk il-ħwejjeġ li l-pet ma missilniex b’mewtu.

Anderson Allen tissuġġerixxi wkoll li meta jmutilna pet hu mportanti li ngħannqu magħna xi ħaġa jew ħlejqa ratba bħal pet ieħor. Anki jekk nafu li dan il-pet li qed ngħannqu mhux il-pet li tlifna madankollu xorta waħda nkunu qiegħdin ngħannqu magħna xi ħaġa sħuna u muswafa. Din il-biċċa xogħol hi bil-wisq aħjar milli noqgħodu fid-dlam, waħedna u xewqana għall-pet li nkunu tlifna.

Is-seba’, ejjew nevitaw deċiżjonijiet irrevokabbli. Jekk ma nifilħux naraw it-toys tal-pet tagħna ma nagħmlux l-iżball li narmuhom. Le! Ejjew nerfgħuhom. Tibżgħux! Jasal dak il-waqt li nkunu nixtiequ nerġgħu narawhom mill-ġdid. U lanqas ma jagħmlilna ġid jekk meta nitiflu pet nġibu mill-ewwel pet ieħor minfloku. It-tmienja, ejjew nibdlu x-xbieha negattiva, speċjalment tal-pet tagħna, qabel miet. Ejjew nimlew moħħna jew bil-mument ta’ wara li l-pet tagħna jkun ħalliena inkella bl-affarijiet speċjali li nkunu għamilna għall-pet biex inberkulu ħajtu.

Dan ifisser li nkunu onesti magħna nfusna. It-telfa tal-pet weġġgħetna. Ġerrħittna. L-għaliex biċċa minna tkun intilfet. Mela ħa niftakru li biż-żmien infiqu. U, fl-aħħar nett, ħa nagħmlu deċiżjoni li naħdmu fuq in-niket tagħna. Ejjew ma nħallux in-niket jikkontrollana. Nixtiequ li nibqgħu nħossuna hekk? Jekk le ejjew niddeċiedu li ma nħallux in-niket jikkontrollana.

Mulej, nagħtik in-niket tiegħi fit-telfa tal-pet tiegħi u int agħtini l-faraġ u l-paċi tiegħek. Amen.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.