Il-boilersiut


Ħafna jarawni għaddej biha. L’hawn u l’hemm. U lil min togħġbu. U jgħidilha kelma sabiħa. Mela jagħmilha like. U min le. U forsi, u abbli mhux dejjem juri, iħarsilha bl-ikrah ukoll. Forsi jgħażżaż snienu għaliha. U, abbli, jgħidilha waħda wkoll! Imma lil min se tikkundanna għid? Mhux kulħadd għandu l-esperjenzi tiegħu u tagħha fil-ħajja?

Hawn aħna ħbieb! Bil-boiltersiut! Tiegħi kannella. Mhux bajda. U lanqas sewda. Le! Kannella. Mela kulur it-tafal! Hux hekk! Bilħaqq! Il-Bibbja tgħid li l-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab tal-art. Issa ejja ma noħodhiex for granted! L-għaliex anki t-trab jista’ ikun abjad. Kannella. U iswed. L-aktar jekk ikun tal-lava li għadha kemm żrbuffat minn xi vulkan!

Il-boilersiut! Għandi mhux waħda tafux! Imma aktar minn waħda! Għax waħda tintlibes u l-oħra tinħasel. Biex terġa’ tintlibes. Skont Papa Franġisku, il-boilersuit tiegħi għandu jkollha r-riħa tan-nagħaġ. Ejja ma nilludux ruħna li din l-frażi, ormai, għaddiet tafux! Eh! Dażgur! Kemm hemm x’immeximxu fiha! Għax biex il-boilersuit irid ikun fiha r-riħa tan-nagħaġ kemm trid tagħmilha man-nagħaġ! Kemm trid tisma’ stejjer! Kemm trid tara xeni ta’ biki! U kemm trid tisma’ uġiegħ! Kemm trid tara lil min jirrabja. U, forsi, minħabba oħrajn li jilbsu l-istess boilersiuts inkella boilersuits ta’ lwien oħra!

Imma, u fil-verità, hawn bżonnhom in-nies tal-boiltersuits? Jekk taqta’ hawnx bżonnhom! X’ħin niftaħ għajnejja, l-uġiegħ jibda’ ġej bl-addoċċ. Weġgħa wara l-oħra. Tgħid hawn weġgħat fostna? U min għalhekk u min għalhekk? Tajba l-mediċina. Anki l-pariri tal-esperti għandhom il-piż tagħhom. Imma dan liema mediċina ħa toħodha kull ħames minuti? U liema espert trid tkellmu u tkellimha ta’ lanqas darbtejn jew tlieta kuljum? U, fl-aħħar mill-aħħar, mhux bilfors ikollok iddur għand xi ħadd tal-boilersuit? Fejn la jkollok bżonn tagħmel xi appuntament ‘il bogħod u ‘il bogħod? U lanqas jkollok għalfejn tħallas is-servizz? U lanqas tas-siġġi ma tħallas? Għax, ħbieb, u issa ejjew inkunu irġiel u nisa magħna nfusna quddiem l-Imgħallem, x’tagħmel is-soċjetà tagħna mingħajr il-volontarjat? TIĠĠAMJA!

Għax il-volontarjat qisu bħat-tajn bejn il-ġebel. Il-ġebla dritta. Stirata. Ma titgħawwiġx. Tibqa’ hemm. Tal-post. M’għandhiex fejn iddur. Kif ipoġġuha toqgħod. Għax, minn natura tagħha ħi, ġebla! Imma t-tajn, miskin, xorta oħra. It-tajn titfgħu fix-xquq. Ħa jorbot. U jorbot flimkien. Biex jagħmel il-bini b’saħħtu. U unit! Ħallieha li ġieli t-tajn jużawh biex isawtu bih tafux! Bħalma, meta jgħidu, “tefagħlu u tefagħlha t-tajn”. Imma t-tajn għandna bżonnu. L-għaliex, u inkella, il-bini li għandna, ibda’ mill-kon-kattidral ta’ San Ġwann u spiċċa mill-palazzi u l-bini tal-parlament, kollox jaqa’. It-tajn jgħaqqad! Mela ejja ngħożżuh lit-tajn! Mhux biex nissuttaw bih. Lanqas biex nixlu bih. Le! Imma biex inħalluh jgħaqqadna ilkoll flimkien. U, kif kien jgħid bennej għaqli, it-tajn tifqgħux bl-ilma. Inkella taħlih! It-tajn tih is-siment u l-ilma li għandu bżonn. Imbagħad ħallieh ħa jagħmel xogħlu sieħbi!

O boilersuit tiegħi! Li nilbsek biex tilbisni! Li ngħaddik biex tgħaddini! Li naħslek biex taħsilni! Ibqa’ fakkarni li jien, bħal dawn ħuti, saqajja għadhom mal-art. Li jien, bħalhom, għad għandi bżonn nikber. U, jekk jogħġbok, fakkarni li lilek għandi nnitnek bl-għaraq tiegħi. Li, għal kuntrarju ta’ wħud li jaraw sa mneħirhom, dan l-għaraq, quddiem l-Imgħallem, hu l-aqwa deodorant! Għax hu l-għaraq tas-servizz. L-għaraq tal-qadi. L-għaraq tal-penitenza. L-għaraq tal-umiltà. L-għaraq tal-ħlewwa. L-għaraq tal-vera mħabba u rispett. L-għaraq tas-sliem. L-għaraq tal-maħfra. L-għaraq tal-ħniena. L-għaraq ta’ qalb ħelwa u umli. L-għaraq li jħabbar ilsien sabiħ u li jippromovi l-ferħ ta’ ħaddieħor. L-għaraq tal-kelma li tagħti l-ħajja.

Għax anki Hu, iva Hu, qabel tela’ fuq il-muntanja Tabor, u ilbiesu saru bojod, tant li l-evanġelista jgħidilna li ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk (Mk 9:3), anki hu tnitten bl-għaraq. L-għaliex kellu jitla’ il fuq, ‘il fuq, il’ fuq! Eh ħija! Għax biex nitla’ ‘il fuq il-boilersiut irid ikollha r-riħa tal-għaraq u mhux tad-deodorant. Jew inkella ir-riħa tal-boċċi tal-kamla. Mal-Imgħallem addijo l-boilersiut stirata! Bil-pjiegi! Bir-rakkmu! Għax il-veru pjiegi u rakkmu tal-boilersiut mhumiex dawk ta’ din id-dinja! Li hi kollha tikmix u rambaġġ. Imma tas-sema! Fejn hemm il-verità vera!

O boilersiut ta’ qalbi! Ibqa’ fakkarahieli din it-tagħlima! Ħalli qatt ma nieħdok for granted! Int ili mhux takkuna tlibbisli. U lanqas xi penz. U lanqas ma tiffriżali l-ħarsa t’għajnejja. U żżommni dritt xemgħa. Imma tlibbisni qorq tal-fqar. Tagħmilli saqajja mal-art. Biex nibqa’ man-nies. Magħkom! Li, għax tħobbuni, tinkoraġġuni, twissuni u timxu miegħi biex jien, nibqa’ hekk, bil-boilersuit. Biex naqdikom! Fil-kurituri bla tarf! Tal-isptar għażiż u ta’ eċċellenza li għandna f’pajjiżna. L-imħabba tagħna u l-għira tal-barranin li jafuna u jżuruna!

Il-boilersuit! Li tistieden lir-ras biex tifhem. Lil id biex twennes. U r-riġlejn biex jersqu b’imħabba lejn min qed ibati. U l-qalb, midfuna fiha, biex tkompli tħobb. U ma tiqafx tħobb!… Il-boilersiut!…

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.