Il-Papa f’Santa Marta: “In-novità tal-Vanġelu ma taċċettax ħajja ta’ żewġ uċuħ”


It-Tnejn 10 ta’ Settembru 2018: Ħuti kulħadd sama’ li hemm iż-żina fostkom, u żina li lanqas issibha fost il-pagani.  Imma intom insara u tgħejxu hekk?”  Dan hu l-kliem iebes ta’ ċanfir, meħud mill-ewwel ittra ta’ San Pawl Appsotlu lill-Korintin fejn Pawlu jindirizza lill-insara li jgħejxu ħajja doppja.

L-Appostlu, qal il-Papa Franġisku waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta, dalgħodu, hu rrabjat ħafna magħhom għax jidhrilhom li huma nsara “liberali” li l-ħajja nisranija tagħhom timxi fuq l-istess linji ma’ dik tat-tolleranza tal-immoralità.  Pawlu jfakkarhom li l-ħmira ttella’ l-għaġina kollha u hemm bżonn ta’ ħmira ġdida biex issir l-għaġna l-ġdida.

Ġesù jirrikmanda lid-dixxipli tiegħu li l-inbid ġdid jitqiegħed fid-damiġġjani ġodda.  In-novità ta’ Kristu, afferma Franġisku, mhix dik biss li tittrasforma r-ruħ, imma li tittrasforma l-bniedem sħiħ: ruħ u ġisem, kollox.  In-novità tal-Vanġelu hi assoluta, totali, tolqot lilna lkoll għax tibdilna minn ġewwa u minn barra: l-ispirtu, il-ġisem u l-ħajja ta’ kuljum
Il-Papa Franġisku osserva li l-insaara ta’ Korintu ma kinux fehmu n-novità sħiħa tal-Vanġelu, li dan mhux ideoloġija jew mod ta’ għejxien soċjali li jista’ jimxi id f’id mad-drawwiet pagani.  In-novità tal-Vanġelu hi l-qawmien ta’ Kristu, huwa l-Ispirtu li jistedinna biex ikun il-kumpann tagħna matul il-ħajja.

Aħna l-insara aħna bnedmin ta’ novità mhux tan-novitajiet, issokta l-Papa.  Hawn ħafna nies li jippruvaw jgħejxu l-ħajja nisranija “bin-novitajiet”: illum dan tista’ tagħmlu, tista’ tgħejx hekk….  U dawn in-nies li jgħejxu bin-novitajiet li tipproponi d-dinja u l-mondanità, ma jaċċettawx in-novità kollha.  Hemm konfront bejn in-novità ta’ Ġesù Kristu u n-novitajiet li tipproponielna d-dinja biex ngħejxu.

In-nies li qed jikkundanna Pawlu, kompla l-Papa, huma nies bierda, immorali, nies finta, formali, ipokriti.  Imma s-sejħa ta’ Ġesù hi sejħa għan-novità.

Xi ħadd jista’ jgħidli li aħna dgħajfa, midinbin.  Din ħaġ’oħra, osserva Franġisku.  Jekk int tammetti li int midneb u dgħajjef, Hu jaħfrilek għax il-punt tat-tluq tal-Vanġelu hu li wieħed jistqarr li Ġesù Kristu ġie biex jaħfer id-dnubiet.  Imma jekk int tgħidli li tista’ tkun nisrani imma tgħejx bin-novitajiet mondani, int ipokrita.  Dik hi d-differenza.

Fil-Vanġelu Ġesù qalilna: Attenti għal dak li jgħidulkom: Kristu jinsab hawn, hemm.  Dawn huma n-novitajiet: is-salvazzjoni tista’ tinkiseb b’dal-mod… imma Kristu hu wieħed u huwa ċar ħafna fil-messaġġ li jagħti.

Ġesù ma jqarraqx b’min irid jimxu warajh.  Is-silta tal-Vanġelu tal-lum itemm, fakkar il-Papa Franġisku, bid-deċiżjoni meħuda mill-iskribi u l-imgħallmin tal-Liġi, li joqtlu lil Ġesù, li jeħilsu minnu.  It-triq li tmexxik wara Ġesù hi triq tal-martirju, wissa l-Papa.  Martirju li mhux dejjem krudil, imma l-martirju ta’ kull jum li jgħaddi.

Aħna mexjin fit-triq u dak li jakkużana qed ifittex li jaqbadna f’kuntradizzjoni.  Imma, temm iwissi Franġisku, aħna ma nistgħux noqgħodu ninnegozjaw man-novitajiet, ma nistgħux indgħajfu l-aħbar tal-Vanġelu.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.