Musmar bil-maqlub


Inkun għall-kwiet. U fil-paċi. Nirrifletti. Nimmedita. U, iva, nitlob. Fil-ftit ħin li jkolli għad-diżpożizzjoni tiegħi. Ix-xogħol, ma’ ħuti l-morda, enormi. La għandu bidu u lanqas tmiem.

U, meta nkun għall-kwiet, għall-paċi, titla’ dik il-memorja. Dik it-tifkira. Li, daqqa iġġagħlni nitbissem. U daqqiet oħra nidħak. Inkella nisserja. U, anki wkoll, inxerred xi demgħa jew ninfaqa’ f’xi bikja ukoll. Il-ħajja ħbieb!

Mela, dan l-aħħar, moħħi għoġbu jżur l-adoloxxenza tiegħi. Żmien sabiħ fl-istorja ta’ ħajti. Imma kien ukoll żmien ta’ tbatija ukoll. L-għaliex, fl-adoloxxenza, l-iżvilupp iġib l-isfidi tiegħu. U, waħda minn dawn l-isfidi, kienet, mingħajr dubju, l-imsiemer fil-ġilda! Ommi Mà! Issemmiehomlix Patri! Mhux ta’ b’xejn li, meta kont għadni fid-dar t’ommi u missieri, bir-radju fil-kċina dejjem mixgħul, minn ġimgħa għall-oħra kien jitfaċċa l-programm dwar is-sbuħija. Kemm hi sabiħa hux din il-kelma sbuħija! Imma ħej biex tidher sabiħ u sabiħa jew aħjar biex tikxef sbuħitek kemm trid xogħol! Kemm hemm tabilħaqq ħwejjeġ jew aħjar problemi li jtellfu s-sbuħija li l-Mulej ħalaqna biha!

U, waħda minnhom, żgur li hi l-imsiemer. Inkella, bil-linġwaġġ tal-beautician, il-musmar fil-wiċċ li, għax ikollhom it-tikek suwed miftuħa jissejħu comedones. Inkella l-magħrufin l-blackheads jew acnes. U, mill-esperjenza tiegħi, m’hawnx agħar meta jkollok musmar bil-maqlub! Ajma x’uġiegħ! Niftakar li darba kelli wieħed eżatt f’minkbi l-lemini. Kemm ikkawżali uġiegħ! Emmnuni ħbieb li ma stajtx inserraħha bil-kwiet dik l-imbierka id! Kemm kont inħossu dejjem itektek dak l-imbierek musmar! Nagħmel x’nagħmel. Hekk! Iffjammat!

Issa dan l-uġiegħ li mhux imfisser ara xi problema joħloq! Mela, aħseb u ara dak l-uġiegħ li ma nitħaddtux fuqu kemm lilna jiffjammana! Jew aħjar dawk il-weġgħat li, l-għaliex ma nkunux tħaddittna dwarhom, lilna jġibuna bħal dak il-minkeb il-lemini tiegħi. Li jispiċċaw li jikkawżawlna ħafna uġiegħ! Mela, kemm hu tajjeb li nitħaddtuh dan l-uġiegħ! Xejn xejn il-ġerħa ma tkomplix le tiħmar u tikber! U taħraq bl-imfjammazzjoni!

Issa hemm biċċa xogħol oħra li, din il-biċċa tal-musmar maqlub, il-Mulej għallimni biha. Il-musmar il-maqlub ma jkollux ras li tidher. Anzi! Rasu tkun midfuna ‘l ġewwa fil-ġilda. U, biex lil dan il-musmar tkun trid teħles minnu jinħtieġ li tagħmel intervent żgħir. Bħal operazzjoni żgħira żgħira ħalli dik il-parti tal-ġisem titnaddaf. U hekk tieħu r-ruħ u tfiq.

Kif għedna diġà l-musmar bil-maqlub iweġġa’. Għax jagħfas ‘l isfel. U jinfetta wkoll! Issa jekk hemm attitudni li, bħal musmar bil-maqlub, ma tidhirx daqshekk minbarra imma li tant tinfetta, hija s-suppervja! Il-kburija! Jew aħjar dik l-attitudni li jien aħjar minnek. Li jien għandi poter aktar minnhekk. U allura int, bħalek, x’taf? F’hiex tifhem? Ara jien, studjajt! Għandi l-ħbieb! Għandi min jgħaddili l-kelma! U hekk lilek nista’ inġibek terrapien! Nirrumblak! Għax jien, sinjur aħfirli, ma jista’ għalija ħadd! Insomma … hekk naħseb jien!

Kemm hi kerha għeżież din l-attitudni! Għax din l-attitudni tweġġa’ bħall-musmar bil-maqlub! Minbarra ma tantx tidher! Imma ħej, bil-mod il-mod, aqta’ kemm tibda’ ittektek! Imma kif? Għaddejt minn ħdejja. Naf li qiegħed u qiegħdha ħdejja. U, b’mod apposta u sistematiku, bħall-isterminju f’Aushwitz, ma nkellmekx. Ninjorak. Quddiemi għandi daqshekk nies! Wieħed wara wieħed. U waħda wara waħda. U ġejt int. U jien, apposta, u mhux bi żvista, lanqas nindejna ruħi nħares lejn wiċċek! Qisek ma teżiżtix! Aħ! X’naqra musmar bil-maqlub dak!

Inkella kollox ikun ġej ħarir. Għaddejjin niftehmu. U nieħdu pjaċir b’xulxin u bil-kisbiet li l-Mulej jagħtina l-grazzja li nagħmlu permezz ta’ xulxin. Imma, u f’daqqa waħda, jien nintrefa’. Ma nibqax miegħek bħal qabel. Ma nafx! Forsi nibda’ nara li hawn nies aktar iħobbu lilek milli lili. Jew, f’dik it-tali ħaġa, jien ma nibqax għaddej b’suċċess bħalma kont qabel. U allura r-ras tal-musmar, li ma tkunx tidher fil-wiċċ, tibda’ titħallat mad-demm u trabbi l-ilma. Daqskemm tkun infettata! U din ir-ras, f’dan il-każ, ikollha isem: l-għira!

Bħalissa qed nistħajlek tgħidli: Ieqaf Patri! Isemmilix! Kemm hawn għira! Hawn sieħbi! U hawn bil-bosta! Għax il-ġara jew il-mara ta’ ħija jew ir-raġel t’oħti għamlu dak il-kapriċċ. Mela jien se nissallab biex ma nkunx anqas minnhom! U anki fil-Knisja teżiżti l-għira tafux! Kemm hi kerha l-għira! X’musmar bil-maqlub! Kemm tiffjamma relazzjonijiet bil-fjamma tal-ġlied! Mulej, eħlisna xitan tal-għira! Għax l-għira qattiela! Bħal min jinsieġha! Mela, bħax-xitan li hemm warajha!

Interessanti li, l-Imgħallem, fil-bidu ta’ dawn il-ħsibijiet, daħħalna fuq ir-rejaltà tal-uġiegħ mhux mitkellem. Għax anki dan jista’ ikun musmar bil-maqlub. Għalkemm ma jkunx daqshekk infettat kemm ikun dak tas-suppervja u tal-għira tafux! Imma tajjeb li jiġi mitħaddet. Għax, bħalma meta kelli l-musmar f’minkbi, aħmar aħmar, kellhom itaqqbuhuli bil-labra u jagħfashuli ħalli l-materja (l-imbarazz ta’ ġo fih) joħroġ u hekk jibda’ finalment il-proċess tal-fejqan daqstant ieħor biex ninħelsu minn dawn l-attitudnijiet misħuta u mill-pjaga tal-uġiegħ mhux mitkellem irridu nitħaddtu. Irridu niftħu l-ġerħa. Irridu forsi nagħfsu ftit lilna nfusna ħalli noħorġu dak il-materjal li lilna qed iġibilna infezzjoni f’moħħna, f’qalbna u fl-ispirtu tagħna. U b’hekk, ġisimna, jibda’ jistrieħ!

Għalhekk kuraġġ ħbieb! Ejjew nifqgħu l-imsiemer maqluba tagħna tal-għira, tas-suppervja, tal-arroganza u tal-kburija. Ejjew insibu min jgħinna ħalli din il-materja li, għal tant żmien, ikkawżatilna tant tbatija f’ħajjitna u illimitatna mhux ftit, issa jibda’ jasal iż-żmien għalina li nibdew nieħdu r-ruħ! Nibdew nieħdu l-ħajja! Nerġgħu nibdew nitbissmu! Anki għalli ġej! U nħarsu lejn ħajjitna mhux bħala problema imma bħala opportunità biex magħna jikber ħaddieħor!

Xi ġmiel li issa mhux biss minkbi ħeles mill-musmar bil-maqlub imma wkoll dak kollu li jagħmilni persuna! Inklużi wkoll moħħi, ġismi u l-ispirtu tiegħi!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.