Mitt sena minn twelidu


Din is-sena jaħbat il-mitt anniversarju mit-twelid tal-mibki poeta Għawdxi, il-Kappuċċin Patri Mattew Sultana.

Patri Mattew Sultana twieled nhar il-5 t’Awwissu tal-1918 fix-Xagħra Għawdex. Hu kien iben Mattew u Marija neé Sultana. Tlitt ijiem wara kien mgħammed u tawh l-isem ta’ Vincenzo. Ġimgħatejn wara l-ġenituri tiegħu reġgħu irriturnaw lura lejn darhom fil-Kalkara.

Kien fis-sena 1920 meta l-familja Sultana marret toqgħod f’Ħaż-Żabbar. U, eżattament tlett snin wara, iċ-ċkejken Vincenzo beda jattendi l-iskola primarja tal-Gvern tal-lokal. L-istorja tas-sejħa ta’ Vincenzo biex jidħol Kappuċċin bdiet, tista’ tgħid, f’kuntest ta’ funeral. Fil-fatt, fis-sena 1931 meta nannuh ħalla din id-dinja, waqt il-funeral tiegħu l-Mulej ried li jiltaqa’ ma’ Patri Manwel. Kien dan il-Patri li ħajjar liż-żgħażugħ Vincenzo biex jidħol mal-Kappuċċini. Għal din il-proposta nibtet fil-qalb taż-żgħażugħ mħabba kbira lejn l-Ordni Kappuċċin. Għalhekk, nhar is-6 ta’ Diċembru tal-1934, Vincenzo daħal novizz fl-Ordni Kappuċċin u ngħata l-isem ta’ Fra Matteo.

Ta’ student ħabrieki li kien Fra Mattew ingħata b’ruħu u b’ġismu għall-istudju tal-Latin u tat-Taljan flimkien mal-letteratura, il-filosofija u t-teoloġija. Kien nhar il-25 ta’ Lulju 1942 meta, fl-eqqel tal-Gwerra Dinjija, Patri Mattew Sultana ġie ordnat saċerdot fil-Kattidral ta’ Għawdex minn Mons. Arċisqof Mikiel Gonzi.

Patri Mattew kien wieħed mill-patrijiet li ta sehmu bis-sħiħ fil-qasam tal-isptarijiet. Insibuh jaħdem f’dan l-appostolat daqshekk importanti għal 17-il sena sħaħ. Kien waqt li kien qed jaħdem bħala kappillan fl-isptar Blue Sisters meta iltaqa’ ma’ poeta kbir ieħor, il-magħruf tabib Rużar Briffa (1906-63). Patri Mattew kien ukoll għalliem fl-Istitut Tekniku tal-Gvern u kif ukoll fl-iskola Serafika fejn kien għalliem mustaċċun tal-Malti, tat-Taljan u anki tal-ilsien Latin.

Il-ħila ta’ Patri Mattew għall-letteratura, l-aktar għall-kitba tal-poeżija, hija magħrufa. Għaż-Żabbarin, li magħhom qatta it-tfulija tiegħu, Patri Mattew jibqa’ mfakkar mhux sempliċiment l-għaliex kienu jarawh jaħdem fil-ħanut ta’ ħuh Fortunato idomm xi kuruna tar-Rużarju imma wkoll l-għaliex kien jikteb innijiet u poeżiji marbuta mal-festa titulari tal-Madonna.

Dan il-poeta kbir Kappuċċin kiteb “L-innu lill-Madonna tal-Grazzja”. Il-mużika ta’ dan l-innu hi xogħol is-surmast Joseph Abela Soclaro (1910-70). Liema innu kien indaqq mill-Banda Maria Mater Gratiae. Min jista’ tabilħaqq jgħodd in-numru kbir ta’ sunetti li dan il-poeta seħħlu jikteb għal aktar minn 25 sena kemm għal xi okkażjoni storika li seħħet f’Ħaż-Żabbar u anki għall-festa tal-Madonna tal-Grazzja! Barra minn dawn Patri Mattew kiteb għadd ta’ poeżiji dwar temi li seħħew fi żminijietna. Bħal, ngħidu aħna, it-Tlugħ fil-Qamar, il-qtil ta’ John F.Kennedy u anki dwar it-tweġiba lil Astronawta Yuri A. Gagarin meta dan stqarr li fl-ispazzju ma kienx iltaqa’ ma’ Alla. Fuq hekk Patri Mattew kiteb: Jekk qed inħoss fija għażla bħal din kif nista’ ma nħoss l‘Alla, għid Garagin?

Fil-festa tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar kemm kien jieħu pjaċir jara dawk il-bukketti tal-ward quddiem l-istatwa tal-Madonna! Fl-ewwel strofa li biha jibda’ l-poeżija tiegħu Bukkett Ward lill-Madonna tal-Grazzja, Patri Mattew jikteb hekk: Ġejt, Madonna, dort il-ġonna, Mort niġborlok bukkett ward/ Ma sibtlikx, barra minn żmienu/ Dan li sibt, dan kull ma ġbart.

F’intervista li kienet saritlu nhar l-24 ta’ Mejju 1985, minn Tonio Bonello fuq ir-Radju fis-sensiela ta’ programmi Wiċċ Imb’Wiċċ mal-Poeta, Patri Mattew stqarr mingħajr tlaqliq li hu kien twieled Poeta. Kien għadu ta’ madwar 13-il sena meta kiteb l-ewwel poeżija tiegħu li semmieha Lil Warda. Meta wrieha lil Dr. Carmelo Mifsud Bonnici (il-Gross) dan għall-ewwel ma riedx jemmen li kien kitibha hu. Iżda mbagħad kien ħeġġu biex jibqa’ jikteb fuq din il-linja u hekk Patri Mattew spiċċa wieħed mill-poeti priem ta’ pajjiżna.

Minbarra l-poeżija Patri Mattew spikka wkoll fil-qasam tal-proża. Min jista’ ma jsemmix il-famuż rumanz tiegħu Destin ta’ mħabba. F’dan ir-rumanz wieħed ma jistax ma japprezzax bil-kbir il-qwiel u l-idjomi Maltin li Patri Mattew ħaddem b’tant ħila. Patri Mattew kiteb dan ir-rumanz ukoll biex, fi kliemu stess, “kulħadd jifhem li tista’ tikteb fuq l-imħabba bla ma tuża’ ħafna kliem u espressjonijiet pagani li aktarx idejqu jew iweġġgħu għajnejn il-qarrej milli jagħtuh gost”. Dan ir-rumanz kien milqgħuh tajjeb ħafna. Destin ta’ mħabba kien instema’ jinqara fuq ir-Radju lokali u kellu anki t-tieni stampa tiegħu fl-1976.

Ma nistgħux ma nsemmux imħabbet Patri Mattew lejn belt twelidu, ix-Xagħra. Hekk jinsġilha lil din belt: Kbira mħabbtek … ħanina qalb niesek! Lil Kalypso tajtuha l-għamara;/Ħarġet taħlef li tibqa’ tiftaħar bil-qalb kbira ta’ ġensek, O Xagħra! Ħaqqek iżjed minn hekk … iżda jiena/Qatt ma nixba’ sbuħitek insemmi,/ Qatt ma nixba’ ngħollik m’ogħla s-sema/Għax minn għandek, minn għandek naf demmi!

Patri Mattew Sultana OFM Cap ħalla dan il-wied tad-dmugħ nhar it-Tnejn 17 ta’ Frar 1986. L-Erbgħa filgħodu saritlu quddiesa praesente cadavere, ikkonċelebrata mill-Isqof Kappuċċin Żabbari, Mons. Pawlu Darmanin imsieħeb minn erbgħin saċerdot fil-Knisja tal-Kunvent tal-Kappuċċini, il-Kalkara, fl-istess kunvent fejn kien miet.

Bħala wieħed mill-poeta romantiċi Maltin, Patri Mattew fehem li t-twemmin Nisrani għandu sehem kbir ħafna fit-tiswir ta’ l-identità waħdanija tagħna bħala poplu. Kien għalhekk li, b’għaqal kbir, inqeda bil-poeżija biex iwassal il-messaġġ li l-imħabba lejn art twelidna u l-fidi Nisranija li nħaddnu jimxu id f’id. Il-poeżija kienet għalih mezz biex bih jgħallem lill-poplu tagħna jgħix il-vanġelu billi jurieh il-kruha tal-vizzju u s-sbuħija tal-virtù.

Jekk tixtieq tkun taf dwar il-ħajja Franġiskana Kappuċċina ċempel lil Patri Joe Giuliano OFM Cap fuq 21800612.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.