Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 8, 27-35
Il-belt ta’ Ċesarija ta’ Filippu, li qabel kienet magħrufa wkoll bħala Panea mill-kult tal-alla Pan fil-mitoloġiji Griegi u Rumani, kienet marbuta ma’ kult qadim ħafna lejn Baal, iktar ’il quddiem Pan. Pan kien magħruf għall-konfużjoni li joħloq fil-bnedmin; il-forma tiegħu ukoll kienet tnissel dubju dwar x’inhu eżatt, nofsu bniedem bil-qrun fuq rasu u b’saqajn ta’ mogħża jew bodbod. Il-kelma ‘paniku’ li nużaw illum biex infissru konfużjoni u taħwid, ħafna drabi mingħajr skop, għandha l-għeruq tagħha f’dan l-alla tat-taħwid.
Din is-silta għandha tlitt taqsimiet, marbutin flimkien u waħda mibnija fuq l-oħra. Fl-ewwel taqsima, Ġesù jistaqsi lid-dixxipli, huma u mexjin, dwar l-identità tiegħu; x’jaħsbu n-nies u x’jaħsbu huma li kienu jagħmluha miegħu, qrib tassew tiegħu. It-tweġiba tad-dixxipli dwar dak li jaħsbu n-nies, turi konfużjoni ta’ idejat. In-nies ma għarfuhx, ma ndunawx min hu minkejja dak li kien jgħid u dak li kienu jarawh jagħmel. L-idea li l-Mibgħut kien wasal, li Alla ġie jgħammar mal-poplu tiegħu kien diffiċli wisq biex tinżel u allura biex jispjegaw dak li kienu qed jisimgħu u jaraw, ippruvaw isibu tweġiba huma: Ġwanni l-Battista, li kien għadu kif ġie matul, Elija, dak li kellu jiġi biex iħejji t-triq għall-Messija, jew wieħed mill-profeti, liema wieħed eżatt ma kienux jafu, tweġiba ġenerika li tista’ tfisser jew li wieħed minn dawk li kienu mietu qam mill-mewt, bħal dawk li qalu li hu Ġwanni l-Battista, jew inkella xi profeta ġdid. It-tweġibiet li kienu jagħtu n-nies juru reżistena għall-verità, għax il-verità hija skomda, il-verità hija sfida għall-bidla, li, ngħiduha kif inhi, ħad dma jieħu gost biha jew jixtieqha; kif aħna tajjeb.
Imma intom min tgħidu li jien? Pietru ma ħasibhiex darbtejn. San Mark jgħidilna li qabeż u qal. M’hemmx ħsieb. Kien konvint minn dak li ried jgħid u qalu. Ġesù mhux talli ma jiċħadx, talli jkompli jgħid x’jiġifieri tkun il-Messija. Kellimhom ċar, bla tidwir mal-lewża. Iżda minn dak li qalilhom moħħhom weħel fuq dak li kien jidher iwed u mudlam. Moħħhom weħel mat-tbatija u l-mewt, il-qawmien lanqas biss ikkunsidrawh, biex jekk ma fehmux jistaqsu x’jiġifieri.
Pietru ġibdu lejh. Hemm aggressività kważi vjolenza f’għemilu, u beda jlumu. Il-Messija, skont Pietru, m’għandux raġun. Għandu raġun hu biss għa xhu jaf x’inhu l-aħjar, x’għandu jsir u kif. Interessanti li San Mark jgħidilna li Pietru mhux biss ġie msejjaħ xitan għax kien qed jaħsibha ta’ bniedem u mhux bħal Alla, iżda irċieva l-istess kmand li Ġesù kien uża s’issa mal-ispirti ħżiena. Il-biża mill-għarfien tal-verità dwar Alla u t-tagħwwiġ tal-Kelma tiegħu, iqiegħed lill-bniedem li jagħmel hekk fuq l-istess livell tal-għadu ta’ Alla. Fejn ma tifhimx tippruvax twaqqa’ u xxejjen dak li hu ta’ Alla inkella ssir l-għadu tiegħu; issib lilek innifsek teħodha kontra Alla. L-identità tal-Messija ġejja mill-għan tiegħu, mill-imħabba tiegħu, iżda l-proċess għar-rebħa, li jinvolvi ħafna tbatija, għandu l-ħila jagħmina minn dak li qed nistinkaw għalih. Nippreferu li s-Salib ikun sinjal tar-rebħa mingħajr ma nħorruh fuq spallejna tul il-għolja li fuqha jitperreċ.
Il-bniedem fit-tielet taqsima, irid jimxi wara Kristu, imma kulħadd kif irid hu, x’ħin irid hu u meta jrid hu u kulħadd irid iġorr kollox miegħu. Il-bniedem jippreferi l-paniku u l-illużjoni ta’ Pan, mill-mixja determinata, mingħajr irbit u kultant kajmana lejn it-twaqqif tas-salib.
Imma Ġesù jqiegħed mistosija oħra: Għax x’jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Inħalluh u nibqgħu bla tweġiba għax nagħmlu ta’ biruħna li ma smajniehx.