Tgħid għadha żmienha?


Meta issemmieha illum ikun hawn min jgħidlek: “U ejja! Biex ġej! Mela għadna fi żmien il-brodu jew? U int kemm għandek moħħok magħluq!” Inkella, ikun hawn min jikkummenta hekk: “Illum mhux moderni! Din xi ħaġa tal-antik! Illum kulħadd jista’ jagħmel li jrid b’ġismu u b’ġisimha. Basta ma jweġġa’ lil ħadd!”

L-argumenti jistgħu jibqgħu jikbru u jikbru u joktru u joktru. Ad infinitum! Kif ngħidu bil-Latin. Jew, ala Maltija, ma jispiċċaw qatt. Imma, u mit-twila sal-qasira, sabiħ kemm hu sabiħ, u npinġuh kemm inpinġuh sabiħ, is-sess, jekk ma jkunx f’loku, joħloq tbatija wara l-oħra. L-għaliex hi kerha li tħossok użat u użata. Veru ħija? Veru oħti?

Għalhekk, biex nevitaw ċertu uġiegħ li jġib fuqna xebgħa tbatija bla bżonn, u dan l-għaliex wieħed minflok ma jagħfas il-break jafgħas il-gass, u hekk jaqbeż l-ispeed limit u tal-camera ma jaħfirlux, tant li jibgħatlu ċ-ċitazzjoni bil-multa d-dar, ikun għaqli jekk naraw wasalx iż-żmien li nerġgħu naħsbu ftit fuq virtù li m’hi qadima qatt u qatt! Anzi! Hi virtù li dejjem hi on demand! Qed nirreferi għall-virtù tas-safa.

Darba kien hemm xi ħadd li qalli: “Patri! Illum lanqas il-ġibs mhu verġni aħseb u ara!” Sieħbi! Bil-mod! Infakkrek, u dejjem bl-edukazzjoni, bil-kalma u bit-tbissima, għax biha biss lill-Mulej nagħtuh qima, fl-imbierka camera. Mhux ta’ min qed inemmislek ta ħa jara x’inti tagħmel fil-privat. Le sieħbi! Il-Mulej mhux xi private investigator! U allaħares kien l-għaliex kieku jien l-ewwel wieħed li ma nkunx irrid naf bih iżjed. Mela neħħieha minn rasek li l-Mulej hu xi private investigator! Imma qed infakkrek, bħalma nfakkar lili nnifsi, għax jien ukoll sieħbi qiegħed bil-probation għax għandi bżonn nikkoverti bħalek, fil-kuxjenza. Eh! F’dik! Dik li ġieli aqta’ kemm ikollna aptit nibgħatuha mhux biss li tieħu cafè imma … U aħjar ma nkomplix!…

Il-biċċa xogħol hi li l-kuxjenza tgħinni nara lil hinn minn dak li nħoss. Kollox sew! Għandek il-feelings. Is-sentimenti. Bħalma għandi jien! Imma sieħbi ġieli nitwerrċu xi naqra. Veru? U nitwerrċu mhux l-għaliex naraw biss xi xena naqra waħda mhux tas-soltu imma wkoll talli nibqgħu ngħaddsu rasna u, bħat-tfal iż-żgħar, irridu dak li rridu. Inkella inħabbat saqajja mal-art, nirrikatta u, iva, nindanna. Basta nieħu dak li rrid!

Le ħabib! Ejjew niġu f’tagħna. Is-safa la tagħmilna sorijiet u lanqas patrijiet. U lanqas ma tagħmilna nies li għandhom xi ħaġa nieqsa. Jew qabda nies imdejqin li ma jafux se jaqbdu jagħmlu bihom infushom! Le sieħbi! Is-safa tgħallimna nħobbu ta’ veru. Iva! Din l-imbierka mħabba illum ma nafx kif saret. Veru? Kulħadd irid l-imħabba, kif jimmaġinaha jew jaqbillu jew jaqblilha, biex imbagħad, quddiem għajnejh u għajnejha, issib xi sajjetta! Inkella tiġi mċaqalqa u mċaqlaq minn xi ragħda! Jew agħar, xi terremot! U, it-terremot, ikun sar l-għaliex jien, biex int tħobbni, kelli nagħmel hekk, kelli nilbes hekk, kelli nippoża hekk, kelli nikteb hekk. Insomma … eċċetra eċċetra!…

Imma l-imħabba hija ħafna aktar minn hekk sieħbi! Kemm kien hawn min mar għal vibe jew għal chemistry u baqa’ taħt l-effett tal-vibe u l-chemistry! U, kemm hawn min mar għall-vulkan u l-lava li ħarġet minnu ħarqietu! U ħarqietha! Għax l-imħabba m’hijiex sempliċiment passjoni jew hangover ta’ passjoni. L-imħabba hi mpenn. Sagrifiċċju. Li mmut għalija nnifsi. Biex inpoġġi lilek qalbi! Għax int ħi tiġi qabli! Iva! Qabel dak li nħoss u li għandi bżonn jien! Ħafna u ħafna qabel! Forsi għalhekk miskina l-imħabba vera, fil-Facebook tagħha, ma tantx għandha Friends. U, mill-ftit li baqagħlha, forsi hemm ukoll min issa qed jagħmlilha unfriend! Ara l-Facebook ta’ mħabba-vulkan ħija dak mimli friends! Anzi! Għandu l-followers page ukoll! U dak għandu likes! Ommi Mà! U qlub! U, insomma …

Ħbieb, kien hawn min għas-safa qal bye bye għal xi promotion l-għaliex ma riedx iħallas il-prezz moqżież li jiġi jew tiġi użat u użata. Kien hawn min għalaq ħbiberiji wkoll. L-għaliex iċ-ċint beda jinqabeż ġmielu. U kien hawn min tilef ukoll fiduċja f’min kellu u kellha fiduċja. Kien min kien u kienet minn kienet. Saħansitra, bħal Santa Marija Goretti, kien hawn min ħalla ħajtu wkoll. Basta ma jsirx paljazza jew ġugarell f’idejn ħaddieħor!

Le ħbieb. Ejjew nibżgħu għall-ġisimna u għal ġisem ħaddieħor! Ejjew nibżgħu għal moħħna u moħħ ħaddieħor. Ejjew nibżgħu għal ruħna u ruħ ħaddieħor. Wara kollox kuxjenza kulħadd għandu. Anki jekk ġieli nippruvaw nordmuha għax tqabbiżhielna! L-avventura dejjem avventura! U d-dehxa dejjem dexha! Imma x’tiswa d-dehxa jekk nibqa’ taħtha?

Le ta! Mulej għallimni nħobb bħalek għax nagħti lilni nnifsi fl-għajnuna, fir-rispett, fil-ħniena u, iva, f’li nikkoreġi bil-ħlewwa. Imma dak daqskemm inħobb! U mhux għax antipatku u antipatka! Mela Mulej għinni ngħix safi u safja ħalli mħabbti tfejjaq u mhux ittaqqal lileK, lil ħaddieħor u lili nnifsi. Amen.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.