Qassis li jnissilli ferħ u tama kbira


Dan l-aħħar kelli l-opportunità li nqaddes quddiesa ta’ funeral fil-parroċċa ta’ Sidtna Marija tal-Karmelu fil-parroċċa tal-Gżira. Qajla ntbaħt li għalija kellha tkun grazzja mill-kbar nett.

Filwaqt li kelli taħdita nteressanti u ta’ fejqan kbir ma’ qassis żgħażugħ li l-Mulej, flimkien mal-qassisin ta’ din il-parroċċa, żgur li qed jagħmel ħafna ġid bih f’dan il-qasam tal-ħsad kożmopolitan tal-Mulej, id-diskors waqa’ fuq Dun Karlu Manché. Għalkemm kont smajt b’dan is-saċerdot kbir iżda qatt ma bsart kemm, fil-verità, daqshekk il-qassis hu kbir quddiem il-Mulej. Għalhekk qtajtha li nsir nafu ftit aktar.

Dun Karlu Manché twieled fil-belt Valletta nhar it-22 ta’ Settembru 1905. Kien iben speċjalista mustaċċun tal-għajnejn f’dawk iż-żminijiet. Karlu iggradwa mill-Università ta’ Malta u wara kiseb id-dottorat fil-filosofija mill-Università Gregoriana, f’Ruma. Kien ordnat saċerdot nhar it-22 ta’ Settembru tal-1928.

Dun Karlu kien bniedem ta’ intelliġenza u għerf liema bħalhom. Fil-fatt, kien jitħaddet u jikteb tajjeb bl-ilsien Ingliż, Taljan, Franċiż, Ġermaniż, Spanjol, Latin u Lhudi. Mela, dan il-qassis għaref kien poliglotta, proprju l-għaliex kien jitħaddet b’ħafna ilsna. Ma’ din il-kapaċità l-Mulej żejnu wkoll bid-don sabiħ tal-mużika. Tant hu hekk li Dun Karlu kien mużiċista prim. Kien jaf idoqq sewwa l-orgni, il-vjolin, il-kitarra u l-obwe. Ta’ saċerdot dedikat li kien il-Mulej tah ukoll don ieħor: kien predikatur kbir u li jmiss il-qalb. Il-priedki eċċellenti li kien jinseġ kien jixhdu l-kwalità li, Dun Karlu stess, kien jistqarr li kien kisibha mill-oratur Famuż Franċiż Jacque Bossuet (1627-1704). Liema oratur Dun Karlu kien jaqra regolarment ix-xogħolijiet tiegħu bl-ilsien oriġinali Franċiż. Għat-tifsira tal-Katekiżmu tal-Ħadd kienu jiġu jisimgħuh saħansitra persuni minn parroċċi oħra. Dan l-għaliex l-istil tiegħu kien kwiet imma persważiv. Kien jikkonvinċi lill-udjenza tiegħu mingħajr ħafna għajjat jew theddid. Għax diskorsu kien ġej mill-qalb. F’dan kollu jidher li Dun Karlu kien għamel tiegħu dak li jħobbu jgħallmu r-rabbini Lhud meta jgħidu: Kliem li ġej mill-qalb jidħol fil-qalb.

U dan il-kliem, li kien joħroġ minn fomm Dun Karlu, żgur li kien ġej mill-Qalb. Jiġifieri mill-Qalb ta’ Kristu. Il-kliem jikxef lil min jgħidu. Għalhekk, kliem Dun Karlu jikxef kemm kien bniedem ta’ ħajja spiritwali profonda. Min kien jafu sewwa jista’ jixhed kemm dan is-saċerdot kien devot kbir ta’ Ġesù fl-Ewkaristija u ta’ Ommna Marija taħt it-titlu tal-Karmelu. Din l-imħabba tidher ċara kristall matul is-snin li fihom Dun Karlu għamel bħala kappillan tal-parroċċa tal-Gżira, jiġifieri bejn il-1935 u l-1950. Dun Karlu kien wieħed minn dawk is-saċerdoti li iġġieled qatta’ bla ħabel kontra l-faqar u l-prostituzzjoni.

Dan is-saċerdot kbir dejjem kien lest li jagħti saħansitra mill-affarijiet personali tiegħu, akkost li jbati għax jibqa’ nieqes hu, basta jgħin minn qalbu lil dawk li huma fil-bżonn, l-aktar lill-vittmi tal-prostituzzjoni. Fil-fatt, Dun Karlu kien jissallab biex jgħin lil dawn in-nisa msejkna bit-tama li jibdlu ħajjithom. F’din il-ħidma qalbiena tiegħu żgur li kien konvint minn dak li jgħid Papa Franġisku fuq din il-ħaġa orribbli, jiġifieri li l-prostituzzjoni hija forma ta’ “tortura fuq in-nisa” u min iħallas għaliha hu “kriminal”. Mhux ta’ b’xejn li, b’riħet il-ħidma iebsa tiegħu, il-Mulej Ġesù seħħlu jibdel parroċċa sħiħa u jerġa’ jiksbilha lura l-isem tajjeb li kienet tilfet.

Quddiem xhieda daqshekk kbira u awtentika ta’ dan il-qassis ta’ Kristu l-poplu kien iżommu bħala qassis qaddis. Dun Karlu għex ħajja ta’ faqar evanġeliku tal-għaġeb. Hu kien dejjem lest li jagħmel minn kollox biex iseħħlu jgħin lill-batuti u lill-fqar. Quddiem turija kbira ta’ mħabba, karità, paċenzja, ħniena u għadd kbir ta’ sentimenti Nsara oħra, il-poplu kien jibqa’ b’ħalqu miftuħ. Għax tassew! Dun Karlu kien iħaddan dawn il-virtujiet fi grad għoli ħafna. U, bħal xmara, il-poplu, li tiegħu hu kien ir-ragħaj, kien igawdi ferħan minn dan il-ġid kollu li kellu mistur fih. Irrispettivament mill-lewn, razza inkella twemmin ieħor. Ir-riħa tal-qdusija li kienet toħroġ minn Dun Karlu waslet anki għand nies barranin, fost l-oħrajn nies tas-Servizzi li kienu stazzjonati man-naħat tal-Gżira u Tas-Sliema. Dawn kien jmorru għandu biex jirċievu l-għajnuna u l-pariri li kellhom bżonn. Mhux wieħed jew tnejn ikkonvertew għall-fidi Kattolika.

Dun Karlu Manchè miet fqir nhar it-18 ta’ Novembru 1950. Madankollu t-tifkira tiegħu għadha ħajja fil-qlub ta’ bosta nies. Xhieda ta’ din l-imħabba u r-rispett li dan is-saċerdot ta’ Kristu għadu jgawdi m’hijiex biss preżenti fin-nies tal-parroċċa tal-Gżira imma wkoll fil-poplu Malti. Għall-funeral tiegħu ħadu sehem għadd ta’ personalitajiet distinti fosthom l-Ispeaker tal-Assembleja leġislattiva, Ministri tal-Gvern, rappreżentanti tal-Gvernatur u tal-Arċisqof, u nies minn kull stat ta’ ħajja u pajjiż.

Dawk kollha li jaqilgħu xi grazzja bit-talb ta’ Dun Karlu Manchè huma mitluba li jgħarrfu biha l-Uffiċċju Parrokkjali tal-Parroċċa Sidtna Marija tal-Karmelu fil-Gżira. Ejjew inkellmuhom lil uliedna fuq dawn il-qassisin u patrijiet qaddisin. Ħalli fihom tinżera wkoll iż-żerriegħa tal-vokazzjoni. Pajjiżna jibqa’ b’saħħtu daqskemm ikollu rgħajja qaddisin. Il-qdusija tal-ħajja hi l-akbar kontribut li nistgħu nagħtu lill-għażiża art twelidna. U, fuq nota personali, Dun Karlu Manchè għalija hu wieħed minn dawk il-qassisin li jnissilli ferħ u tama kbira fis-sejħa tiegħi ta’ Patri Kapuċċin. Dun Karlu Manchè hu l-għejxien sħiħ tas-sentenza li jgħid San Pawl: Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu (Gal 2:20).

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.