Il-Knisja l-qadima ta’ San Girgor


Mhux l-ewwel darba li, ix-xogħol pastorali, jitfagħni lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta. Għaliex il-ħsad huwa kbir ħbieb iżda l-ħaddiema huma, fil-fatt, ftit. Mela nitolbu lil Sid il-Ħsad biex jibgħat aktar ħaddiema fil-ħsad tiegħu!

Post fejn il-Mulej darba tefagħni naħdem kien il-Knisja l-qadima ta’ San Girgor fiż-Żejtun. Il-post fejn qiegħdha din il-Knisja hu prominenti. Dan l-għaliex minn fuq il-bejt tista’ tara l-bajjiet kollha tan-naħa tal-Lvant u tan-nofsinnhar ta’ Malta. Maż-żmien, il-kappella ċkejkna flimkien ma’ torri kbir medjevali biswitha nbidlu f’kappella akbar milli kien hemm. U, dawn in-nobbli, għamlu bieb għalihom. Dan il-bieb, li qiegħed fuq in-naħa ta’ nofsinnhar, illum jinsab imbarrat. Kien sewwasew f’dan iż-żmien li din il-kappella bdiet tintuża bħala parroċċa.

Skont it-tagħrif li hemm fil-koppla, il-kappella ġiet imkabbra fl-1606. Għalkemm dokument ieħor isemmi wkoll id-data tal-1492. Il-kappelluni nbnew minn ġewwa tat-torri u żammew l-istess għoli li kellhom il-ħitan ta’ barra tat-torri. Infetħu ukoll żewġ bibien fil-ħitan, eżattament wieħed fuq kull naħa tal-Knisja. Dan id-dettall jfisser kif hemm differenza mhux ħażin bejn l-għoli tal-korsija u kif ukoll dik tal-kappelluni. Wara inbniet il-koppla u l-kor. B’hekk il-Knisja ħadet l-għamla ta’ salib. It-twieqi tagħha huma l-oriġinali tat-torri minn barra u forma ta’ ċirku minn ġewwa. Il-koppla kellha lanterna li ġġarrfet waqt urugan qawwi li seħħ nhar id-29 ta’ Ottubru 1759. U, b’xorti ħażina, din il-lanterna qatt ma reġgħet inbniet.

Post l-altar maġġur kien fil-kor. U, dak li hemm bħalissa, ġie mibni wara li sar xi twaqqih fuq in-naħa ta’ wara tal-Knisja. Kien fl-1629 meta l-Knisja l-kbira taż-Żejtun bdiet tinbena. U, hekk kif inbniet, kien hemm xi proposti biex il-Knisja l-qadima (ta’ San Girgor) tiġi mwaqqa’. It-twaqqih tal-Knisja beda min-naħa ta’ wara iżda minħabba ċ-ċimiterju u d-devozzjoni tal-fidili l-Isqof ta’ dak iż-żmien waqqaf dan it-twaqqiħ u għalhekk ordna li l-Knisja terġa tiġi rranġata.

Fuq il-ħajt li nbena biex tingħalaq in-nava tal-bidu tal-kor illum hemm il-kwadru sabiħ ta’ Santa Katarina. Dan il-kwadru hu mdawwar b’arkitettura barokka mill-isbaħ. Fil-ġenb ta’ l-artal hemm żewġ statwi kbar tal-ġebel. Waħda hi ta’ Santa Katarina u l-oħra ta’ Santa Euphemia. It-tnejn li huma ġew mill-kon-katidral ta’ San Ġwann meta flokhom ħadu posthom oħrajn magħmula mill-irħam.

Mad-dawra tas-sagristija hemm sensiela ta’ armi tal-kunjomijiet. Dawn il-kunjomijiet huma ta’ kanturi diversi li kienu jieħdu l-prebenda minn din il-Knisja. L-ewwel waħda iġġib id-data tal-1372. Fost affarijiet oħra fuq kull arma jinstabu d-data tal-pussess u dik tal-mewt ta’ kull Kantur. Fosthom kien hemm ukoll isqof. Fil-kamra ta’ fuq is-sagristija jinsabu kwadri ta’ erba’ minn dawn il-kanturi.

Immedjatament wara l-ħajt tal-artal għadu jidher parti minn dak li kien is-saqaf tal-kor maħdum bi kwadri bil-lavur u l-arkata minn ġewwa. Jidher ukoll li l-qoxra tal-ħajt ma baqetx tielgħa sa fuq tal-ħnejja. Il-pitturi tal-artali tal-ġnub juru lil San Girgor Manju u l-Madonna tal-Karmelu. Dawn mhux dejjem kienu hekk iżda kienu iddedikati lil San Pawl u l-Madonna tar-Rużarju kif jixhed il-kwadru antik li illum jinsab mdendel fil-korsija. Aktarx li dan l-artal oriġinarjament kien iddedikat lis-Salib Imqaddes.

Il-Knisja minn ġewwa hi ġawhra arkittetonika. Għandha tlett ħnejjiet, jiġifieri waħda fil-korsija u tnejn fil-kappelluni. Dawn jibdew mill-baxx u jispiċċaw f’rużun. Ir-rużuni tal-kappelluni huma skolpiti. Waħda hi tal-Madonna tar-Rużarju filwaqt li l-oħra hi ta’ San Pawl. Din iġġib id-data tal-1603. L-art tal-Knisja hi miksija b’oqbra li illum huma issiġillati.

Minħabba li wara l-Assedju l-Kbir tal-1565 bdew jiġu n-nies f’dawn l-inħawi allura inħasset il-ħtieġa li tinbena Knisja parrokkjali. Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar iż-Żejtun, bl-inħawi kollha ta’ madwaru, beda jikber u jitferrex ġmielu lejn din il-Knisja. Għalhekk ġiet magħżula biex isservi ta’ parroċċa u, sallum, għadha isservi lill-komunità Nisranija f’dawn l-inħawi bil-quddies ta’ kuljum li jiġi iċċelebrat fiha.

Fil-pjazza ta’ maġenb il-Knisja hemm l-istatwa sabiħa ta’ San Girgor Manju. Din saret lejn l-aħħar tas-seklu 19. Fil-fatt, din l-istatwa qiegħdha tħares lejn l-Imdina. Dan l-għaliex il-prebenda minn din il-Knisja kienet tgħaddi lill-katidral ta’ l-Imdina.

Jeżiżtu għadd ta’ idejat rigward l-oriġini tal-purċissjoni li ssir nhar l-Erbgħa ta’ wara l-Għid li, fl-antik, kienet titlaq mill-Imdina. Illum, din il-purċissjoni qsaret ħafna. Waħda minn dawn l-idejat dwarha hi dik li din il-purċissjoni bdiet issir fl-1519 biex il-Mulej iħares lil pajjiżna mill-marda qerrieda tal-pesta. Iċ-ċimiterju l-qadim mal-ġenb tal-Knisja hu ddedikat lil Santu Rokku, il-qaddis protettur kontra l-pesta. Fil-fatt, din il-purċissjoni kienet issir fuq livell nazzjonali. Jeżiżti ukoll manuskritt li jgħid li din il-purċissjoni saret, għall-ewwel darba, b’ordni tal-Isqof, nhar it-12 ta’ Marzu 1543 għall-Paċi fl-Ewropa.

Marbuta mal-Knisja ta’ San Girgor huma l-passaġġi sigrieti li fiha. Fihom instabu għadam tan-nies. Għalkemm ħadd ma jaf ta’ min huma l-probbabiltà hi li dan l-għadam kien ġa midfun qabel ma sab ruħu hemm fuq. Il-passaġġi sigrieti huma spazji vojta bejn il-ħajt oriġinali tat-torri u dak tal-Knisja minn ġewwa. Tħallew hekk bħala insulazzjoni biex ma jgħabbux ħafna lill-ħnejjiet ta’ taħthom. Dawn il-passaġġi huma forma ta’ U ċatta li jduru fuq il-ħnejjiet tal-kappellun tan-naħa tan-nofs in-nhar b’tul ta’ iżjed minn 30 metru. Bħalhom hemm oħrajn in-naħa l-oħra tal-Knisja li qatt ma nfetħu.

Żur il-Knisja l-qadima ta’ San Girgor fiż-Żejtun. Ġawhra ta’ storja, arkitettura u fidi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.